VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FIL-BULGARIJA U L-MAĊEDONJA TA’ FUQ

[5-7 TA’ MEJJU 2019]

 

KONFERENZA STAMPA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

FIT-TITJIRA LURA MINN SKOPJE

 

Titjira Papali

It-Tlieta 7 ta’ Mejju 2019

 

Gisotti:

Il-lejla t-tajba! Il-lejla t-tajba, Santità, u grazzi – wara ġurnata hekk intensa, wara jiem hekk intensi – li tinsab hawn biex taqsam magħna ħsieb, riflessjoni fuq dan il-vjaġġ hekk intens u hekk sabiħ. Vjaġġ qasir, konferenza stampa inevitabbilment qasira, u għalhekk mhux ħa nżid iktar kliem jekk mhux dan: Santità, int illum proprju mxejt fuq il-passi ta’ Madre Tereża, xhud kbira tal-imħabba Nisranija, u aħna lkoll bqajna milquta – bħalek, nafu – mill-mewt ta’ Jean Vanier, ħabib, ħu l-foqra, xhud kbir ieħor. Qabel il-mistoqsijiet, xtaqt nitolbok tridx taqsam xi ħsieb fuq Jean Vanier.

 

Il-Papa Franġisku:

Kont naf bil-marda ta’ Jean Vanier, Swor Geneviève kienet iżżommni infurmat. Ġimgħa ilu ċempiltlu, semagħni, imma bilkemm felaħ jitkellem. Nixtieq nesprimi l-gratitudni tiegħi għal din ix-xhieda: bniedem li għaraf jaqra l-effikaċja Nisranija fil-misteru tal-mewt, tas-salib, tal-mard, fil-misteru ta’ dawk li huma mistkerrha u mormija fid-dinja. Ħadem mhux biss għall-foqra imma wkoll għal dawk li, qabel jitwieldu, jirriskjaw li jiġu kkundannati għall-mewt. Ħajtu hekk temmha. Sempliċiment ngħid grazzi lilu u grazzi lil Alla li tana lil dan il-bniedem bix-xhieda kbira tiegħu.

 

Gisotti:

Grazzi, Santità. L-ewwel mistoqsija ħa tagħmilhielek Bigana Zherevska, mit-televiżjoni Maċedona.

 

Bigana Zherevska mit-televiżjoni Maċedona MRT:

Santità, hu pjaċir kbir għalina li żort lil pajjiżna u nħossuna onorati biż-żjara tiegħek. Dak li jinteressana hu nisimgħu mingħandek x’kienet dik il-ħaġa li laqtitek l-iżjed minn dawk iż-żewġ pajjiżi. X’laqtek l-iżjed? Xi persuna? Xi ħsaġa? L-atmosfera? X’sa tibqa’ tiftakar minn dawk iż-żewġ pajjiżi la tidħol lura Ruma?

 

Il-Papa Franġisku:

Huma żewġ nazzjonijiet għalkollox differenti minn xulxin. Il-Bulgarija hi nazzjon bi tradizzjoni ta’ sekli. Il-Maċedonja wkoll għandha tradizzjoni ta’ sekli imma mhux bħala pajjiż, imma bħala poplu, li kien biss dan l-aħħar li rnexxielu jkompli jinbena bħala nazzjon: taqbida kbira. Għalina l-Insara l-Maċedonja hi simbolu tad-dħul tal-Kristjaneżmu fil-Punent. Il-Kristjaneżmu daħal fil-Punent permezz tagħkom, dak ir-raġel mill-Maċedonja li deher lil Pawlu fil-ħolm: “Ejja għandna, ejja għandna!” (ara Atti 16:9). Hu [Pawlu] kien qed jiġri mal-Asja kollha, u dik is-sejħa hi misteru. U l-poplu tal-Maċedonja hu kburi b’dan, ma jitlifx okkażjoni waħda biex jgħidilna: “Il-Kristjaneżmu daħal l-Ewropa permezz tagħna, mill-bieb tagħna, għax Pawlu ġie msejjaħ minn wieħed mill-Maċedonja”. Il-Bulgarija kellha tissielet ħafna għall-identità tagħha bħala nazzjon. Fl-1877 mietu mitejn elf suldat Russu biex jerġgħu jieħdu l-indipendenza minn idejn it-Torok. Tafu x’inhuma mitejn elf hux! Tant taqbidiet għall-indipendenza, tant demm, tant spirtu biex isaħħu l-identità tagħhom. Il-Maċedonja kellha l-identità tagħha u issa waslet biex issaħħaħha bħala poplu, anki bi problemi kbar ċkejknin, bħal dik tal-isem u l-affarijiet li lkoll nafu. Fiż-żewġ pajjiżi kien hemm komunitajiet Insara Ortodossi u Kattoliċi, u anki Musulmani. Il-persentaġġ Ortodoss hu qawwi ħafna fiż-żewġ pajjiżi, hu l-iktar b’saħħtu; dak tal-Musulmani inqas; u dak tal-Kattoliċi hu l-inqas fil-Maċedonja, iktar fil-Bulgarija. Imma ħaġa li jien rajt fiż-żewġ nazzjonijiet huma r-relazzjonijiet tajba bejn it-twemmin differenti, bejn nies ta’ fidi differenti. Fil-Bulgarija rajnieh fit-talba għall-paċi. Din kienet ħaġa normali għall-Bulgari, għax għandhom relazzjonijiet tajba: kulħadd għandu d-dritt li jesprimi r-reliġjon tiegħu u għandu d-dritt li jiġi rrispettat. Dan laqatni, ħafna! Imbagħad il-kollokju mal-Patrijarka Neofit kien sabiħ… Hu bniedem ta’ Alla! Edifikani wisq, bniedem kbir ta’ Alla. Fil-Maċedonja laqtitni frażi li qalli l-President: “Hawn m’hawnx tolleranza ta’ reliġjon, hawn rispett”. Jirrispettaw lil xulxin. U dan illum, f’dinja fejn ir-rispett nieqes ħafna – aħsbu ftit, ir-rispett għad-drittijiet umani, għal tant affarijiet, anki r-rispett għat-tfal, għall-anzjani –, li l-ispirtu ta’ pajjiż ikun ir-rispett, din ħaġa li tolqtok. Swieli ta’ ġid. Ma nafx weġibtekx, ftit jew wisq fil-qosor. Grazzi.

 

Gisotti:

Santità, issa għandek mistoqsija minn Petas Nanev, mit-televiżjoni Bulgara BTV.

 

Petas Nanev, mit-televiżjoni Bulgara BTV:

Il-lejla t-tajba. Hi mistoqsija pjuttost personali: jien nistaqsi, Santità, imma int, bħala bniedem, kif issib il-qawwa f’ġismek, fl-ispirtu tiegħek…?

 

Il-Papa Franġisku:

Qabelxejn irrid ngħidlek li ma mmur għand ebda saħħara! Ma nafx, veru. Hu don tal-Mulej. Meta nkun f’pajjiż, ninsa kollox, imma mhux għax inkun irrid ninsa, jiġini spontanju li ninsa, u nkun sempliċiment hemm. U mbagħad dan jagħtini perseveranza. Jien fil-vjaġġi ma negħjiex. Imbagħad negħja wara. Imma mnejn nikseb il-qawwa? Naħseb li l-Mulej jagħtihieli. M’hemmx spjegazzjoni. Jien nitlob lill-Mulej li nibqa’ fidil, li naqdih f’din il-ħidma tal-vjaġġi, biex il-vjaġġi ma jkunux turiżmu, nitlobhielu. U l-bqija hu grazzja li tiġi minnu. Ma nafx x’ngħidlek iżjed… Imma mbagħad…, ma nagħmilx wisq xogħol!

 

Gisotti:

Santità, issa sa tagħmillek mistoqsija – nibqgħu fl-Ewropa tal-Lvant – Silvije Tomasevic, mit-televiżjoni u l-istampa Kroata, minn “Večernji list”.

 

Silvije Tomasevic, mit-televiżjoni u mill-istampa Kroata, minn “Večernji list”:

Santità, fil-Knisja nazzjonali Ortodossa mhux dejjem jaqblu bejniethom: ngħidu aħna, ma għarfuhiex lill-Knisja tal-Maċedonja. Imma meta jiġu biex jikkritikaw lill-Knisja Kattolika dejjem vuċi waħda: ngħidu aħna, il-Knisja Serba ma tridx li jiġi kkanonizzat il-Kardinal Stepinac. Il-kumment tiegħek fuq din is-sitwazzjoni

 

Il-Papa Franġisku:

B’mod ġenerali, ir-relazzjonijiet huma tajba; huma tajbin u hemm rieda tajba. Nista’ ngħidlek sinċerament li fost il-Patrijarki ltqajt ma’ rġiel ta’ Alla. Neofit hu bniedem ta’ Alla. Imbagħad, dak li jiena nġorr f’qalbi – għandi preferenza – hu Elija II, tal-Ġorġja: hu bniedem ta’ Alla li lili jagħmilli ħafna ġid. Bartilmew hu bniedem ta’ Alla. Kirill hu bniedem ta’ Alla… Huma l-Patrijarki l-kbar, li jagħtu xhieda. Int tista’ tgħid: imma dan għandu difett, hu wisq politiku, dak għandu difett ieħor… Imma mhux kollha għandna, anki jien! Imma jien fil-Patrijarki sibt aħwa; u f’xi wħud tassew, ma rridx nesaġera, imma rrid ngħid il-kelma, qaddisin, bnedmin ta’ Alla. U dan importanti ħafna. Imbagħad hemm ħwejjeġ storiċi, ħwejjeġ storiċi tal-Knejjes tagħna, xi wħud minnhom qodma. Ngħidu aħna, illum il-President [tal-Maċedonja ta’ Fuq] kien qed jgħidli li x-xiżma bejn Lvant u Punent bdiet hawn, il-Maċedonja. Issa ġie l-Papa għall-ewwel darba biex iħit mill-ġdid ix-xiżma? Ma nafx. Imma aħna aħwa, għax ma nistgħux inqimu lit-Trinità Qaddisa mingħajr ma naqbdu f’idejn xulxin bħala aħwa. Din hi konvinzjoni mhux biss tiegħi, imma anki tal-Patrijarki, ta’ kollha. Din hi ħaġa kbira. Imbagħad hemm punt storiku. Int Kroat? [iwieġeb: iva] Deherli jien mir-riħa… [jidħak], ir-riħa tal-Kroazja. Każ storiku dan: il-kanonizzazzjoni ta’ Stepinac. Stepinac hu bniedem ta’ ħafna virtujiet, għalhekk il-Knisja ddikjaratu beatu. Tista’ titolbu, hu beatu. Imma f’ċertu punt tal-proċess tal-kanonizzazzjoni kien hemm xi punti li ma kinux ġew iċċarati, punti storiċi. Jien, li rrid niffirma l-kanonizzazzjoni bir-responsabbiltà tiegħi, tlabt, irriflettejt, tlabt parir u rajt li kellhom jitolbu l-għajnuna tal-Patrijarka Serb Irinew, Patrijarka kbir. U Irinew tana l-għajnuna, għamilna kummissjoni storika flimkien u ħdimna flimkien, għax kemm lil Irinew u kemm lili l-unika ħaġa li tinteressana hi l-verità, biex ma niżbaljawx. Għal xiex ħa sservi dikjarazzjoni ta’ qdusija jekk il-verità mhix ċara? Ma sservi għal xejn. Aħna nafu li [l-Kardinal Stepinac] hu bniedem tajjeb u li hu beatu, imma biex nagħmel dan il-pass jien fittixt l-għajnuna ta’ Irinew biex naslu għall-verità. U qed nistudjawha. Qabelxejn saret il-kummissjoni, taw il-parir tagħhom. Imma issa qed jistudjaw punti oħra, jinżlu iktar fil-fond ta’ xi punti biex il-verità tkun ċara. Jien ma nibżax mill-verità, ma nibżax. Nibża’ biss mill-ħaqq ta’ Alla. Grazzi.

 

Gisotti:

Santità, nemmen li għandna wisa’ għal mistoqsija oħra, jekk tista’: Joshua McElwee, min-National Catholic Reporter.

 

Joshua McElwee, min-National Catholic Reporter:

Grazzi ħafna, Santità. Fil-Bulgarija int żort komunità Ortodossa li kompliet bit-tradizzjoni twila li tordna n-nisa djakni biex ixandru l-Vanġelu. Fi ftit jiem oħra int se tiltaqa’ mal-Unjoni Internazzjonali tas-Superjuri Ġenerali, li tliet snin ilu talbet li titwaqqaf kummissjoni fuq l-istorja tad-djakni nisa. Tista’ tgħidilna x’sirt taf mir-rapport tal-kummissjoni, fuq il-ministeru tan-nisa fl-ewwel snin tal-Knisja? Ħadt xi deċiżjoni?

 

Il-Papa Franġisku:

Twaqqfet il-kummissjoni, ħadmet għal kważi sentejn. Kienu kollha differenti, kollha “ġrieden ta’ bjar differenti”, kollha kienu jaħsbuha b’mod differenti, imma ħadmu flimkien u qablu sa ċertu punt. Imma kull wieħed minnhom imbagħad għandu l-viżjoni tiegħu, li ma taqbilx ma’ dik tal-oħrajn u hemm waqfu bħala kummissjoni, u kull wieħed qed jistudja kif l-aħjar jimxu ’l quddiem. Fuq id-djakonat tan-nisa: hemm mod kif nikkonċepuh li mhux bl-istess viżjoni tad-djakonat maskili. Ngħidu aħna, il-formuli tal-ordinazzjoni djakonali li nstabu sa issa – skont il-kummissjoni – ma humiex l-istess tal-ordinazzjoni djakonali maskili, u jixbhu iżjed lil dik li llum hi l-barka fuq badessa. Dan hu r-riżultat ta’ xi wħud minnhom. Jien qed nitkellem hekk, bl-amment. Oħrajn jgħidu: le, din hi formula djakonali… Imma qed jiddiskutu, għax mhux ċar. Kien hemm djakonessi għall-bidu. Imma kienet ordinazzjoni sagramentali jew le? Fuq dan qed jiddiskutu u mhix ħaġa ċara. Iva, kienu jgħinu, ngħidu aħna fil-liturġija, fil-magħmudijiet: billi l-magħmudijiet kienu bit-tagħdis, meta kienu jgħammdu mara, id-djakonessi kienu jgħinuha; anki għad-dilka tal-ġisem tal-mara. Imbagħad ħareġ dokument fejn deher li d-djakonessi kienu msejħa mill-Isqof meta kien ikun hemm xi tilwima fiż-żwieġ, biex jinħall iż-żwieġ, jew jingħata d-divorzju jew is-separazzjoni. Meta l-mara kienet tixli lil żewġha li qed isawwatha, id-djakonessi kienu mistiedna mill-Isqof biex jiflu l-ġisem tal-mara għat-tbenġil, u hekk setgħu jagħtu x-xhieda għall-ġudizzju. Dan li niftkaar. Imma fundamentalment m’hemmx ċertezza li kienet ordinazzjoni bl-istess forma u l-istess finalità tal-ordinazzjoni maskili. Xi wħud jgħidu: hemm id-dubju, ejja nkomplu nistudjaw. Jien ma nibżax mill-istudju. Imma, sa issa m’hemmx qbil. Imbagħad kurjuża li fejn kien hemm id-djakonessi kważi dejjem kienet żona ġeografika, fuq kollox is-Sirja, u fi nħawi oħra ftit jew xejn. Dan hu kulma rċivejt mill-kummissjoni. Kulħadd qed ikompli jistudja. Sar xogħol tajjeb għax waslu sa ċertu punt komuni, u dan jista’ jgħin bħala bażi biex nibqgħu mexjin ’il quddiem u nistudjaw u nagħtu tweġiba definittiva fuq l-iva jew il-le, skont il-karatteristiċi tal-epoka. Ħaġa interessanti: xi wħud – issa ħadd ma jgħidha – xi teologi ta’ tletin sena ilu jgħidu li ma kienx hemm id-djakonessi għax in-nisa kienu fit-tieni post fil-Knisja u mhux fil-Knisja biss. Imma kurjuża: f’dik l-epoka kien hemm tant saċerdotessi pagani, is-saċerdozju femminili fil-kulti pagani kien il-ħobża ta’ kuljum. U kif tispjegaha li, meta kien hemm dan is-saċerdozju femminili, saċerdozju pagan, lin-nisa ma tawhulhomx fil-Kristjaneżmu? Din ukoll ħaġa li qed jistudjawha. Waslu f’ċertu punt, u issa kull wieħed mill-membri qed jistudja skont it-teżi tiegħu. Dan tajjeb. Varietas delectat.

 

Gisotti:

Santità, grazzi tad-disponibbiltà tiegħek: il-konferenza tagħlaq hawn, appuntu għax it-titjira hi qasira u ftit ieħor iservu ċ-ċena. Għalhekk, grazzi li kulħadd anki tal-ħidma kbira li saret f’dawn il-jiem, b’qawmien billejl minħabba d-diversi trasferimenti. Grazzi, Santità.

 

Il-Papa Franġisku:

Imma jien nixtieq ngħidilkom ħaġa, fuq il-vjaġġ: fiex sibt l-akbar faraġ, u dak li laqatni ħafna mill-vjaġġ. Żewġ esperjenzi “estremi”. Esperjenza mal-foqra hawn illum, fil-Maċedonja, fil-memorjal ta’ Madre Tereża. Kien hemm ħafna foqra, imma ridt tara l-ħlewwa ta’ dawk is-sorijiet: jikkuraw il-foqra bla paternaliżmu, bħallikieku kienu wliedhom. Ħlewwa, u anki l-ħila li jżiegħlu bil-foqra. Il-ħlewwa, il-ħlewwa ta’ dawn is-sorijiet! Aħna llum iktar imdorrija ninsultaw lil xulxin: politiku jgħajjar lill-ieħor, ġirien jinsultaw lil xulxin, anki fil-familji jitgħajru. Ma nissograx ngħid li hemm kultura tal-insult, imma l-insult hu arma ħafifa fl-idejn, anki t-tpaċpiċ fuq xulxin, il-kalunnja, il-malafama… U meta tara dawn is-sorijiet jikkuraw kull persuna qisha kienet Ġesù, dan laqatni. Ġie żagħżugħ, bravu, u s-superjura qaltli: “Dan bravu”, u żiegħlet bih u qalet quddiemu: “Itlob għalih għax jixrob wisq!”. Imma bil-ħlewwa ta’ omm, u dan ġagħalni nħoss il-Knisja omm. Hi waħda mill-isbaħ affarijiet, li nsib il-maternità tal-Knisja. Illum ħassejtha hemm, u nirringrazzja lill-Maċedoni li għandhom dan it-teżor fil-belt ta’ Skopje.

 

Imbagħad esperjenza oħra “estrema” kienet dik tal-Ewwel Tqarbina fil-Bulgarija. Hu veru, emozzjonajt ruħi ħafna għax il-memorja marret lura għat-8 ta’ Ottubru 1944, għall-Ewwel Tqarbina tiegħi, meta dħalna nkantaw “O altar imqaddes, imħares mill-anġli”, dik l-għanja antika li żgur xi ħadd minnkom għadu jiftakarha. Rajt dawk it-tfal li qed jinfetħu għall-ħajja b’deċiżjoni sagramentali. Il-Knisja tħares lit-tfal, huma limitati [huma żgħar], għad iridu jikbru, huma wegħda, u dan jien għextu b’qawwa kbira. Ħassejt li f’dak il-mument dawk il-245 tifel u tifla kienu l-futur tal-Knisja, kienu l-futur tal-Bulgarija.

 

Żewġ affarijiet li għext b’ħafna intensità. Ridt naqsamhom magħkom. U grazzi ħafna! Itolbu għalija.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard