VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

FIL-LITWANJA, IL-LATVJA U L-ESTONJA

[22-25 TA’ SETTEMBRU 2018]

 

KONFERENZA STAMPA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

FIT-TITJIRA LURA MINN TALLINN (L-ESTONJA)

 

Titjira Papali

It-Tlieta 25 ta’ Settembru 2018

 

Greg Burke:

Il-lejla t-tajba, Santità. Fuq kollox, grazzi. Tliet pajjiżi f’erbat ijiem, mhix ħaġa ħafifa, tegħjik… Qishom kienu erba’ pajjiżi f’erbat ijiem, għax l-ewwel jum kien hemm is-sorpriża taċ-Ċina, allura għamilna din ukoll: ersaqna pass eqreb lejn iċ-Ċina. Nippruvaw inżommu mas-suġġett – din għidnieha kemm-il darba –, nitkellmu fuq il-vjaġġ. Bla dubju nibdew bil-ġurnalisti lokali ta’ kull pajjiż, imma f’din il-konferenza stampa ejja nfittxu li nitkellmu fuq il-vjaġġ fil-Pajjiżi Baltiċi. Ma nafx tridx tgħid xi ħaġa int qabel…

 

Il-Papa Franġisku:

Qabelxejn, nirringrazzjakom tax-xogħol tagħkom li għamiltu, għax għalikom ukoll, tliet pajjiżi f’erbat ijiem, ma kinitx ħafifa. Fuq kollox, il-ġiri minn post għall-ieħor jegħjik. Nirringrazzjakom ħafna tas-servizz li toffru lin-nies dwar dan il-vjaġġ, li hi l-aktar ħaġa importanti fil-komunikazzjoni tagħkom: x’ġara hemm… Hemm ħafna ħwejjeġ interessanti f’dan il-vjaġġ, u l-mistoqsijiet nistenniehom f’dan is-sens.

 

Greg Burke:

Grazzi. L-ewwel għandna lil Saulena ŽIUGŽDAITE, Bernardinai.LT, mil-Litwanja.

 

Saulena ŽIUGŽDAITE:

Santità, grazzi ta’ dan il-mument u ta’ dan il-vjaġġ kollu. Meta tkellimt f’Vilnius dwar ir-ruħ Litwana, int għidt li rridu nkunu pont bejn Lvant u Punent. Imma mhux faċli li tkun pont: għax dejjem se jaqsmu oħrajn minn fuqek. Hemm min jgħid li t-traġedja tagħna hi li qegħdin fuq il-pont. Forsi hemm min jgħid: “Żgur li aħjar insiru parti mill-Punent bil-valuri tiegħu”. Int x’ridt tifhem, xi jfisser tkun pont?

 

Il-Papa Franġisku:

Huwa minnu… Hu evidenti li intom illum, politikament, tagħmlu parti mill-Punent, mill-Unjoni Ewropea, u tħabattu ħafna biex dħaltu fl-Unjoni Ewropea. Wara l-indipendenza, minnufih għamiltu l-bidliet kollha, li mhumiex faċli, u rnexxielkom tidħlu fl-Unjoni Ewropea, jiġifieri appartenenza għall-Punent. Għandkom ukoll relazzjonijiet man-Nato: intom parti min-Nato, u dan ifisser il-Punent. Jekk intom tħarsu lejn il-Lvant, hemm l-istorja tagħkom hemm: storja iebsa. Anki parti mill-istorja traġika ġiet mill-Punent, mill-Ġermaniżi, mill-Pollakki, imma fuq kollox min-Nażiżmu, dan ġie kollu mill-Punent. U, fejn jidħol il-Lvant, mill-Imperu Russu.

 

Li wieħed jibni l-pontijiet jitlob, jesiġi qawwa. Qawwa mhux biss għall-appartenenza għall-Punent, li tagħtikom qawwa, imma għall-identità tagħkom. Naf li s-sitwazzjoni tat-tliet Pajjiż Baltiċi hi dejjem f’periklu, dejjem. Il-biża’ mill-invażjoni… Għax l-istess storja tfakkarkom f’dan. U int għandek raġun tgħid li mhuwiex faċli, imma din hi partita li trid tintlagħab kuljum, pass wara l-ieħor: bil-kultura, bid-djalogu… Imma mhijiex faċli. Nemmen li d-dmir tagħna lkoll hu li ngħinukom f’dan. Iżjed milli ngħinukom, inkunu qrib tagħkom, bil-qalb tagħna.

 

Greg Burke:

Grazzi, Santità. Il-mistoqsija li jmiss minn Gints AMOLINS, Latvijas Radio (il-Latvja).

 

Gints AMOLINS:

L-għodwa t-tajba, Santità. Fil-Pajjiżi Baltiċi, int spiss tkellimt fuq l-importanza tal-għeruq u tal-identità. Mil-Latvja, u anki mil-Litwanja u mill-Estonja, hemm tant persuni li telqu lejn pajjiżi li għandhom iktar ġid u ħafna diġà qed ipoġġu għeruqhom band’oħra. U mbagħad, hemm ukoll, bħal fl-Ewropa b’mod ġenerali, problemi demografiċi, minħabba fir-rata baxxa tat-twelid. Għalhekk, f’din is-sitwazzjoni, x’jistgħu u x’għandhom jagħmlu l-pajjiżi tagħna, il-mexxejja tal-pajjiżi tagħna u anki kulħadd personalment? Kif għandna niżnu din il-problema?

 

Il-Papa Franġisku:

F’art twelidi, ma kont naf lil ħadd mill-Estonja u mil-Latvja, waqt li min-naħa l-oħra hi b’saħħitha ħafna – f’termini relattivi – l-immigrazzjoni Litwana. Fl-Arġentina hemm ħafna. U huma jġibu magħhom hemm il-kultura, l-istorja, u huma kburin fl-isforz doppju li jagħmlu biex jinserixxu ruħhom fil-pajjiż ġdid u anki biex iżommu sħiħa l-identità tagħhom. Fil-festi tagħhom issib l-ilbies tradizzjonali, l-għana tradizzjonali, u dejjem, kull darba li jistgħu, jerġgħu lura f’pajjiżhom għal xi żjara… Naħseb li l-ġlieda biex iżommu l-identità tagħhom tagħmilhom b’saħħithom ħafna, u intom għandkom din: għandkom identità b’saħħitha. Identità li ssawret fit-tbatija, fid-difiża u fix-xogħol, fil-kultura.

 

U x’nistgħu nagħmlu biex niddefendu l-identità? Infittxu l-għeruq, dan importanti. L-identità hi ħaġa antika, imma li trid tiġi trasmessa. L-identità tidħol fl-appartenenza għal poplu, u l-appartenenza għal poplu trid tiġi trasmessa. L-għeruq iridu jiġu mgħoddija lill-ġenerazzjonijiet ġodda, u dan bl-edukazzjoni u bid-djalogu, fuq kollox bejn anzjani u żgħażagħ. U dan tridu tagħmluh, għax l-identità tagħkom hi teżor. Kull identità hi teżor, imma mifhuma bħala appartenenza għal poplu. Dan hu li jiġini li ngħid, ma nafx iweġibx għall-mistoqsija tiegħek…

 

Greg Burke:

Grazzi, Santità. U issa, Evelyn KALDOJA, Postimees (l-Estonja).

 

Evelyn KALDOJA:

Grazzi. Nixtieq nagħmel il-mistoqsija tiegħi bl-Ingliż. [traduzzjoni] Fl-omelija tal-lum, int għidt li hemm xi wħud li jgħajtu u jheddu bl-użu tal-armi u t-tħaddim ta’ armati, u l-bqija. Meta tqis fejn konna, f’dik l-istess pjazza kien hemm suldati tan-Nato mibgħuta l-Estonja għall-protezzjoni. Ħafna ħasbu fis-sitwazzjoni fuq il-fruntiera tal-lvant tal-Ewropa. Int imħasseb għat-tensjonijiet f’dawk l-inħawi u għall-Kattoliċi li jgħixu fuq il-fruntieri tal-Ewropa?

 

Il-Papa Franġisku:

It-theddida tal-armamenti. Illum, l-infiq dinji fl-armi huma skandaluż. Kont qed naħseb li, b’dak kollu li jintefaq għall-armi f’xahar, tista’ tagħti x’jieklu lill-imġewħin kollha tad-dinja għal sena sħiħa. Ma nafx huwiex minnu, imma tal-biża’. L-industrija, il-kummerċ tal-armamenti, anki l-kontrabandu tal-armi hu waħda mill-ikbar xorta ta’ korruzzjoni. U qabel dan hemm il-loġika tad-difiża. David kien kapaċi jirbaħ b’fajjara u ħames ċagħkiet, imma llum m’għandniex Davidijiet. Naħseb li biex tiddefendi pajjiż, hemm bżonn ta’ eżerċtu raġonevoli u mhux aggressiv ta’ difiża. Raġonevoli u mhux aggressiv. Hekk id-difiża tkun leċita; u hekk ikun ukoll unur li tiddefendi lil pajjiżek. Il-problema tiġi meta ssir aggressiv, mhux raġonevoli u jsiru l-gwerer fuq il-fruntieri. Ta’ gwerer fuq il-fruntieri għandna ħafna eżempji, mhux biss fl-Ewropa, lejn il-Lvant, imma anki f’kontinenti oħra: jillatikaw għall-poter, biex jikkolonizzaw pajjiż. Fil-fehma tiegħi, din hi t-tweġiba tiegħi għall-mistoqsija tiegħek. Illum, l-industrija tal-armi hi skandaluża, quddiem dinja bil-ġuħ. It-tieni: hi ħaġa leċita, raġonevoli, li jkollok armata biex tiddefendi l-fruntieri, għax dan hu ta’ ġieħ; kif huwa leċitu li jkollok iċ-ċavetta tal-bieb tad-dar. B’difiża.

 

Greg Burke:

Grazzi, Santità. Il-mistoqsija li jmiss hi tal-grupp Ġermaniż: Stefanie STAHLHOFEN, mill-Aġenzija Kattolika Ġermaniża CIC (il-Ġermanja).

 

Stefanie STAHLHOFEN:

Santità, fil-laqgħa ekumenika f’Tallinn, int għidt li ż-żgħażagħ, quddiem l-iskandli sesswali, mhumiex jaraw kundanna ċara min-naħa tal-Knisja Kattolika. Fil-Ġermanja, ħarġet proprju llum inkjesta ġdida fuq l-abbużi sesswali u fuq kif il-Knisja ttrattat tant każijiet.

 

Il-Papa Franġisku:

Fuq dan nitkellem iktar tard. L-ewwel inwieġeb għall-mistoqsijiet fuq il-vjaġġ. Grazzi. Din hi r-regola. Imma tkun l-ewwel mistoqsija wara dawk fuq il-vjaġġ.

 

Greg Burke:

Inżommu fuq il-vjaġġ…

 

Għandna ġurnalista mir-Radju-Televiżjoni Litwana.

 

Edvardas SPOKAS

Se nitkellem bl-Ingliż. Fit-tliet pajjiżi, int stqarrejt li int favur il-ftuħ: ftuħ fir-rigward tal-migranti, ftuħ lejn il-persuna l-oħra. Imma, ngħidu aħna, fil-Litwanja kien hemm diskussjoni fuq dik iż-żagħżugħa li sellmitlek malli wasalt, quddiem l-ajruplan: ma kellhiex dehra preċiżament Litwana. Kienet parzjalment Taljana, bil-ġilda xi ftit skura… Il-mistoqsija tiegħi hi: il-persuni, fil-Pajjiżi Baltiċi, jisimgħu minnek biss dak li jridu jisimgħu, jew qed jisimgħu dak li int qed tipprova tgħidilhom? Qed jisimgħuh il-messaġġ tiegħek fuq il-ftuħ?

 

Il-Papa Franġisku:

Il-messaġġ fuq il-ftuħ għall-migranti mexa sew qalb il-poplu tagħkom, ma tantx hemm nirien populisti, le. Anki l-Estonja u l-Latvja huma popli miftuħa li jridu jintegraw lill-migranti, imma mhux b’mod massiċċ, għax ma jistgħux, jintegrawhom bil-prudenza tat-tmexxija. Tkellimt dwar hekk ma’ tnejn mit-tliet Kapijiet ta’ Stat, u l-argument huma fetħuh, mhux jien. U fid-diskorsi tal-Presidenti, sa ssib li l-kelma “akkoljenza”, “ftuħ” hi spissa. Dan juri rieda ta’ universalità, fil-qies li wieħed jista’, minħabba fl-ispazju, ix-xogħol, u l-bqija; fil-qies li jistgħu jiġu integrati – dan importanti ħafna – u fil-qies li ma jkunux theddida kontra l-identità tal-post. Huma tliet ħwejjeġ li jiena fhimt dwar il-migrazzjonijiet tal-poplu. U dan messli qalbi ħafna: ftuħ prudenti u maħsub tajjeb. Ma nafx intix taħseb f’xi ħaġa oħra.

 

Edvardas SPOKAS

Il-mistoqsija tiegħi kienet dwar kif intlaqa’ l-messaġġ tiegħek.

 

 

Il-Papa Franġisku:

Naħseb iva. F’dan is-sens li għidt. Għax illum, il-problema tal-migranti fid-dinja kollha – u mhux biss il-migrazzjoni esterna, imma anki interna fil-kontinenti – hi problema gravi, mhux faċli tistudjaha. F’kull pajjiż, f’kull post, kullimkien għandha diversi konnotazzjonijiet.

 

Greg Burke:

Grazzi, Santità; spiċċajna bil-mistoqsijiet fuq il-vjaġġ.

 

Il-Papa Franġisku:

Tajjeb ħafna. Nixtieq ngħidilkom xi ħaġa jien dwar xi punti tal-vjaġġ li għext b’qawwa speċjali.

 

Il-fatt tal-istorja tagħkom, tal-istorja tal-Pajjiżi Baltiċi: storja ta’ invażjonijiet, ta’ dittaturi, ta’ atti kriminali, ta’ deportazzjonijiet… Meta żort il-Mużew, f’Vilnius: “mużew” hi kelma li ġġagħalna naħsbu fil-Louvre… Le. Dak il-Mużew hu ħabs, ħabs fejn kienu jittieħdu l-ħabsin, għal raġunijiet politiċi u reliġjużi. U rajt ċelel daqs dan is-siġġu, fejn stajt toqgħod biss bilwieqfa, ċelel ta’ tortura. Rajt postijiet ta’ tortura fejn, bil-kesħa li hemm il-Litwanja, kienu jieħdu l-priġunieri għarwenin u jixħtulhom l-ilma fuqhom, u kienu jibqgħu hemm għal sigħat sħaħ, biex ikissru r-reżistenza tagħhom. U mbagħad dħalt fl-awla, fis-sala kbira tal-eżekuzzjonijiet. Il-priġuniera kienu jittieħdu hemm kontra jeddhom u maqtula b’daqqa minn wara fuq għonqhom; imbagħad kienu joħorġuhom fuq biċċa u jgħabbuhom fuq trakk li kien jarmihom fil-foresta. Ftit jew wisq kienu joqtlu erbgħin kuljum. Fl-aħħar, kienu xi ħmistax-il elf dawk li nqatlu hemm. Dan jagħmel parti mill-istorja tal-Litwanja, imma anki tal-pajjiżi l-oħra. Dak li rajt seħħ fil-Litwanja. Imbagħad mort fil-post tal-Ghetto l-Kbir, fejn inqatlu eluf ta’ Lhud. Imbagħad, dakinhar stess waranofsinhar, mort inżur il-Monument b’tifkira tal-ikkundannati, maqtula, ittorturati, deporati. Dakinhar – ngħidilkom is-sew – spiċċajt imkisser: ġagħalni nirrifletti fuq il-kefrija. Imma ngħidilkom li, skont it-tagħrif li għandna llum, il-kefrija ma spiċċatx. L-istess kefrija llum insibuha f’tant postijiet ta’ detenzjoni, illum insibuha f’tant ħabsijiet; anki meta ħabs ikun qed jieħu ħafna iktar nies milli jiflaħ, din hi sistema ta’ tortura, mod ta’ ħajja bla dinjità. Ħabs, illum, li ma jarax kif lill-ħabsi jagħtih xaqq ta’ tama, diġà hu tortura. Imbagħad rajna, fuq it-televiżjoni, il-kefrija tat-terroristi tal-Isis: dak il-pilota Ġordaniż maħruq ħaj, dawk l-Insara Kopti li ħanxruhom fuq ix-xatt tal-Libja, u tant oħrajn. Illum il-kefrija ma spiċċatx. Teżisti mad-dinja kollha. U dan il-messaġġ nixtieq ngħaddih lilkom, bħala ġurnalisti: dan hu skandlu, skandlu gravi tal-kultura tagħna u tas-soċjetà tagħna.

 

Ħaġa oħra li rajt f’dawn it-tliet pajjiżi hi ­l-mibegħda [tar-reġim li għadda] għar-reliġjon, hi liema hi. Il-mibegħda. Rajt Isqof Ġiżwita, fil-Litwanja jew fil-Latvja, ma niftakarx sew, li ħaduh is-Siberja, għal għaxar snin, imbagħad f’kamp tal-konċentrament ieħor… Issa hu anzjan, jitbissem… Tant irġiel u nisa, talli ddefendew il-fidi tagħhom, li kienet l-identità tagħhom, ġew ittorturati u meħuda s-Siberja, u ma ġew qatt lura; jew inqatlu. Il-fidi ta’ dawn it-tliet pajjiżi hi kbira, hi fidi li titwieled proprju mill-martirju, u din hi ħaġa li forsi intom rajtuha, meta tkellimtu man-nies, kif tagħmlu intom il-ġurnalisti, biex issiru tafu dwar il-pajjiż.

 

Barra minn hekk, din l-esperjenza ta’ fidi hekk importanti pproduċiet fenomenu uniku, f’dawn il-pajjiżi: ħajja ekumenika li ma ssibhiex f’pajjiżi oħra, hekk mifruxa. Hemm ekumeniżmu veru: ekumeniżmu bejn Luterani, Battisti, Anglikani u anki Ortodossi. Fil-katidral, ilbieraħ, waqt il-laqgħa ekumenika fil-Latvja, f’Riga, dan rajnieh b’għajnejna: ħaġa kbira; aħwa, qrib ta’ xulxin, flimkien fi knisja waħda…, qrib. L-għeruq tal-ekumeniżmu qabdu sew hemm.

 

Imbagħad, hemm fenomenu ieħor f’dawn il-pajjiżi li importanti nistudjawh, u forsi intom tistgħu tagħmlu ħafna ħwejjeġ tajba fil-mestier tagħkom, billi tistudjawh: il-fenomenu tat-trasmissjoni tal-kultura, tal-identità u tal-fidi. Is-soltu, it-trasmissjoni kienet issir min-nanniet. Għaliex? Għax il-missirijiet kienu jaħdmu, il-missirijiet u l-ommijiet riedu jaħdmu, u kellhom ikunu arrwolati fil-partit – kemm fir-reġim Sovjetiku u kemm f’dak Nażista – u anki edukati għall-ateiżmu. Imma n-nanniet għarfu jgħaddu l-fidi u l-kultura. Fiż-żmien li fih fil-Litwanja l-lingwa Litwana ma setgħetx tintuża, kienet tneħħiet mill-iskejjel, meta kienu jmorru għas-servizz reliġjuż – kemm jekk Protestant, kemm jekk Kattoliku – kienu jeħdulhom il-kotba tat-talb biex jaraw jekk kinux fil-lingwa Litwana jew fil-lingwa Russa jew Ġermaniża. U ħafna – ġenerazzjoni sħiħa, dak iż-żmien – tgħallmu l-lingwa min-nanniet: kienu n-nanniet li kienu jgħallmuhom jiktbu u jaqraw bi lsien art twelidhom. Dan iġagħalna naħsbu, u jkun sabiħ kieku artiklu, xi servizz fuq it-televiżjoni fuq it-trasmissjoni tal-kultura, tal-lingwa, tal-arti, tal-fidi f’mumenti ta’ dittatura u ta’ persekuzzjoni. Ma setgħux jaħsbu f’ħaġa oħra, għax il-mezzi kollha ta’ komunikazzjoni, li f’dak iż-żmien kienu ftit – ir-radju – kienu f’idejn l-Istat. Meta gvern isir, irid isir dittatorjali, l-ewwel ħaġa li jagħmel hi li jieħu f’idejh il-mezzi ta’ komunikazzjoni.

 

Ridt nisħaq fuq dan.

 

U issa, riferenza għal-laqgħa tiegħi tal-lum maż-żgħażagħ. Iż-żgħażagħ jiskandalizzaw ruħhom: hawn se ndaħħal l-ewwel mistoqsija li ma kinitx fuq is-suġġett tal-vjaġġ. Iż-żgħażagħ jieħdu skandlu bl-ipokrezija tal-kbar. Jiskandalizzaw ruħhom bil-gwerer, jiskandalizzaw ruħhom bl-inkoerenza, jiskandalizzaw ruħhom bil-korruzzjoni. U f’din tal-korruzzjoni jidħol dak li int semmejt, l-abbużi sesswali. Hu minnu li hemm akkuża lill-Knisja, u lkoll nafu, nafuhom l-istatistiċi, mhux sa noqgħod insemmihom hawn. Imma mqar kieku kien qassis wieħed li abbuża minn tifel, minn tifla, dan xorta kien ikun mostruż, għax dak il-bniedem ġie magħżul minn Alla biex lil dak it-tifel iwasslu l-Ġenna. Jien nifhem li ż-żgħażagħ jiskandalizzaw ruħhom b’din il-korruzzjoni hekk kbira. Jafu li tinsab kullimkien, imma fil-Knisja hi iżjed skandaluża, għax suppost twassal lit-tfal għand Alla, u mhux teqridhom. Iż-żgħażagħ ifittxu li jimxu ’l quddiem bl-esperjenza. Il-laqgħa maż-żgħażagħ, illum kienet ċara ħafna: huma qed jitolbu min jismagħhom, jitolbu min jismagħhom. Ma jridux formli fissi. Ma jridux akkumpanjament direttiv. U t-tieni parti ta’ din il-mistoqsija, li kienet l-ewwel waħda mhux fuq il-vjaġġ, kienet li “l-Knisja mhix tagħmel li għandha tagħmel f’dan, biex tnaddaf il-korruzzjoni”. Naqbdu r-Rapport ta’ Pennsylvania, ngħidu aħna, u naraw li sal-ewwel snin tas-sebgħinijiet kien hemm ħafna qassisin li waqgħu f’din il-korruzzjoni. Imbagħad, fi żminijiet iktar riċenti, naqsu għax il-Knisja ntebħet li kellha tiġġieled mod ieħor. Fil-passat, dawn l-affarijiet kienu jgħattuhom. Kienu jgħattuhom anki d-dar, meta z-ziju jivvjolenta lin-neputija ċkejkna, meta l-missier jagħmel vjolenza fuq uliedu: kienu jgħattuhom, għax kienet ħaġa ta’ mistħija kbira. Hekk kienu jaħsbuha fis-sekli li għaddew, u fis-seklu li għadda. F’dan, hemm prinċipju li lili jgħinni ħafna biex ninterpreta l-istorja: fatt storiku għandu jiġi interpretat bl-ermenewtika tal-epoka li fiha seħħ dan il-fatt, u mhux b’ermenewtika tal-lum. Ngħidu aħna: l-indiġeniżmu. Kien hemm tant inġustizzji, tant brutalitajiet. Imma ma jistax jiġi interpretat bl-ermenewtika tal-lum, meta għandna għarfien ieħor. L-aħħar eżempju: il-piena tal-mewt. Anki l-Vatikan bħala Stat, meta kien Stat Pontifiċju, kellu l-piena tal-mewt; l-aħħar li nqatgħetlu rasu kien qrib l-1870, wieħed kriminal, żagħżugħ. Imbagħad bdiet tikber il-kuxjenza morali, tikber il-kuxjenza morali. Hu minnu li dejjem ħa ssib loopholes, dejjem hemm kundanni għall-mewt moħbija: int xiħ, qed iddejjaqni, ma nagħtikx il-mediċina…, u mbagħad jgħidu: “mar”. Hi kundanna għall-mewt – soċjali – tal-lum. Imma naħseb li hekk weġibtek. Il-Knisja: ħa nieħu l-eżempju ta’ Pennsylvania, ħarsu lejn il-proporzjon u araw li meta l-Knisja bdiet tagħraf dan, impenjat ruħha bil-kbir. U fl-aħħar żminijiet jien irċivejt tant, tant kundanni mill-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi u għidt: “Nimxu, nimxu”. Qatt, qatt ma ffirmajt, wara kundanna, talba għall-maħfra. Fuq dan ma ninnegozjax, m’hemmx negozjat.

 

Greg Burke:

Antonio Pelayo, minn “Vida nueva” Antena 3 (Spanja).

 

Antonio Pelayo:

Santità, tlitt ijiem ilu ġie ffirmat Ftehim bejn is-Santa Sede u l-gvern tar-Repubblika Popolari Ċiniża. Tista’ tagħtina iktar informazzjoni fuq dan, fuq il-kontenut tiegħu? Għax xi Kattoliċi Ċiniżi, b’mod partikulari l-Kardinal Zen, qed jakkużawk li bgħett bi prezz baxx il-Knisja lill-Gvern Komunista ta’ Beijing, wara tant snin ta’ tbatija. Xi twieġeb għal din l-akkuża?

 

Il-Papa Franġisku:

Dan hu proċess li ilu sejjer is-snin, djalogu bejn il-Kummissjoni Vatikana u l-Kummissjoni Ċiniża, biex naslu għal qbil dwar in-nomina tal-isqfijiet. L-équipe tal-Vatikan ħadem ħafna. Irrid insemmi xi ismijiet: Mons. Celli, li b’sabar mar, iddjaloga, reġa’ lura… snin, snin! Imbagħad, Mons. Rota Graziosi, impjegat umli tal-Kurja, ta’ 72 sena, li xtaq imur jaħdem bħala saċerdot f’parroċċa, imma baqa’ l-Kurja biex jgħin f’dan il-proċess. U mbagħad, is-Segretarju tal-Istat, il-Kardinal Parolin, li hu bniedem devot ħafna, imma għandu devozzjoni speċjali għal-lenti: id-dokumenti kollha jistudjahom punt punt, virgola virgola, aċċent aċċent… U dan jagħtini ċertezza kbira ħafna. U dan l-équipe, b’dawn il-kwalitajiet, kompla miexi. Intom tafu li meta jsir ftehim ta’ paċi jew negozjat, iż-żewġ partijiet jitilfu xi ħaġa, din hi r-regola. Iż-żewġ naħat. U jimxu. Dan il-proċess mexa hekk: żewġ passi ’l quddiem, wieħed lura, tnejn ’il quddiem, wieħed lura…; imbagħad għaddew xhur bla ma tkellimna xejn, u mbagħad… Huma ż-żminijiet ta’ Alla, li jixbhu ż-żmien Ċiniż: bil-mod… Dan hu l-għerf, l-għerf taċ-Ċiniżi. Is-sitwazzjonijiet tal-isqfijiet li kienu f’diffikultà ġew studjati każ każ, u fl-aħħar id-dossiers waslu fuq l-iskrivanija tiegħi u kont jien ir-responsabbli għall-firma, fil-każ tal-isqfijiet. Dwar il-Ftehim, għaddew l-abbozzi fuq l-iskrivanija tiegħi, tkellimna, tajt l-ideat tiegħi, l-oħrajn iddiskutew u mxew. Tiġini f’moħħi r-reżistenza, il-Kattoliċi li sofrew: hu minnu, huma sa jbatu. Fi ftehim dejjem ħa jkun hemm min ibati. Imma huma għandhom fidi kbira u qed jiktbu, qed jibagħtu messaġġi, jaffermaw li dak li s-Santa Sede, li Pietru jgħid, hu dak li jgħid Ġesù: jiġifieri l-fidi “martirjali” ta’ dawn in-nies illum qed tkompli miexja ’l quddiem. Huma nies kbar. U l-Ftehim iffirmajtu jien, l-Ittri Plenipotenzjarji biex jiġi ffirmat dak il-Ftehim. Jien responsabbli. L-oħrajn, li nnominajt, ħadmu għal iżjed minn għaxar snin. Mhix xi ħaġa ta’ ħabta u sabta: hi mixja, mixja vera.

 

U mbagħad, anneddotu sempliċi u fatt storiku, żewġ affarijiet qabel nagħlaq. Meta kien hemm dak il-famuż komunikat ta’ eks Nunzju Appostoliku, l-isqfijiet tad-dinja kitbuli biex jgħiduli li kienu qrib tiegħi, li kienu qed jitolbu għalija; anki l-fidili Ċiniżi kitbuli, u l-firma fuq din il-kitba kienet tal-isqof – ħa ngħidu hekk – tal-Knisja tradizzjonali Kattolika u tal-isqof tal-Knisja patrijottika: flimkien, it-tnejn li huma, u l-fidili taż-żewġ Knejjes. Għalija, dan kien sinjal minn Alla. U t-tieni ħaġa: aħna ninsew li fl-Amerika Latina – għall-grazzja ta’ Alla din ġiet megħluba! – ninsew li għal 350 sena kienu r-rejiet tal-Portugall u ta’ Spanja li kienu jinnominaw l-isqfijiet. U l-Papa kien jagħti biss il-ġurisdizzjoni. Ninsewh il-każ tal-Imperu Awstro-Ungeriż: Maria Teresa xebgħet tiffirma nomini ta’ isqfijiet, u għaddiet il-ġurisdizzjoni lill-Vatikan. Żminijiet oħra, għall-grazzja ta’ Alla, li ma jirripetux ruħhom! Imma l-każ ta’ issa mhux minħabba fin-nomina: hu djalogu fuq l-eventwali kandidati. Il-ħaġa ssir bi djalogu. Imma n-nomina hi ta’ Ruma; in-nomina hi tal-Papa, dan hu ċar. U nitolbu għal xi wħud li qed ibatu għax ma jifhmux u li għandhom wara daharhom tant snin ta’ klandestinità.

 

Nirringrazzjakom ħafna! Qed jgħidulna li ċ-ċena lesta u t-titjira mhix twila. Grazzi ħafna! Grazzi ħafna tal-ħidma tagħkom. U itolbu għalija.

 

Greg Burke:

Grazzi lilek, Santità. L-ikla t-tajba u l-mistrieħ it-tajjeb.

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard