VIA CRUCIS FIL-KOLOSSEW

TALBA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 

Il-Kolossew

Il-Ġimgħa l-Kbira, 19 ta’ April 2019

 

Mulej Ġesù, għinna biex fis-Salib tiegħek naraw is-slaleb kollha tad-dinja:

is-salib tal-persuni mġewħa għall-ħobż u għall-imħabba;

is-salib tal-persuni waħidhom u abbandunati saħansitra minn uliedhom u qrabathom stess;

is-salib tal-persuni għatxana għall-ġustizzja u l-paċi;

is-salib tal-persuni li m’għandhomx il-faraġ tal-fidi;

is-salib tal-anzjani li qed jitkaxkru taħt it-toqol tas-snin u tas-solitudni;

is-salib tal-migranti li jsibu l-bibien magħluqa f’wiċċhom minħabba l-biża’ u l-qlub magħluqa mill-kalkoli politiċi;

is-salib taċ-ċkejknin, midruba fl-innoċenza tagħhom u fis-safa tagħhom;

is-salib tal-umanità li tiġġerra fid-dalma tal-inċertezza u fid-dell tal-kultura tal-mument ta’ issa;

is-salib tal-familji mfarrka mit-tradiment, mill-ġibdiet tal-ħażen jew mit-telqa qattiela u mill-egoiżmu;

is-salib tal-ikkonsagrati li qed ifittxu bla heda li jwasslu d-dawl tiegħek fid-dinja imma jħossuhom irrifjutati, imżebilħa u umiljati;

is-salib tal-ikkonsagrati li, fi triqthom, insew l-ewwel imħabba tagħhom;

is-salib ta’ wliedek li, meta jemmnu fik u jfittxu li jgħixu skont il-kelma tiegħek, isibu ruħhom imwarrba u mormija saħansitra mill-istess familjari tagħhom u minn sħabhom;

is-salib tad-dgħufijiet tagħna, tal-wiċċ b’ieħor tagħna, tat-tradimenti tagħna, ta’ dnubietna u tal-ħafna wegħdiet li għamilna u ksirna;

is-salib tal-Knisja tiegħek li, fidila għall-Vanġelu tiegħek, qed tbati biex twassal imħabbtek imqar lill-istess imgħammdin;

is-salib tal-Knisja, l-għarusa tiegħek, li tħossha assedjata minn ġewwa u minn barra;

is-salib tad-dar komuni tagħna li qed tinxef serjament taħt l-istess għajnejn egoisti tagħna mogħmija bir-regħba u l-poter.

 

Mulej Ġesù, erġa’ qanqal fina t-tama tal-qawmien u tar-rebħa dejjiema tiegħek fuq kull ħażen u fuq kull mewt. Amen!

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard