Qabel il-quddiesa f’Caserta l-Papa ltaqa’ mas-saċerdoti tad-djoċesi fiċ-Ċirkolu Uffiċjali tal-Areonawtika Militari fil-palazz irjali ta’ din il-belt fir-reġjun tal-Campania.  Kien djalogu intens fi klima ta’ familjarità kbira.  Dan hu t-test kollutal-konverżazzjoni kollha:

 

(Mons. D’Alise, Isqof ta’ Caserta)

Santità, ma lestejt xejn bil-miktub għax fhimt mill-ewwel li int trid laqa’ intima u profonda mas-saċerdoti.  Għalhekk jien ngħidlek: “Merħba”.  Din hi l-Knisja tagħna, is-saċerdoti.  Wara mmorru naraw il-bqija tal-Knisja aħna u niċċelbraw l-Ewkaristija.  Għalija dan hu mument importanti għax ilni hawn xahrejn u li nibda’ dan l-episkopat bil-preżenza u l-barka tiegħek, għalija hija grazzja fi grazzja.  U issa nistennew il-kelma tiegħek għax nafu li int tixtieq djalogu u s-saċerdoti ħejjew ukoll xi mistoqsijiet għalik.

 

Il-Papa

Ippreparajt diskors, imma se ntih lill-Isqof.  Nirringrazzjakom ħafna tal-laqgħa.  Grazzi.  Inħossni kuntent u xi ftit mortifikat minħabba l-problemi li ħloqtilkom nhar il-festa tal-patruna tagħkom.  Imma ma kontx naf, u meta ċempilt lill-Isqof biex ngħidlu li ridt niġi hawn fuq żjara privata lill-ħabib, il-Pastor Traettino, dan qalli: “Ah! Propju nhar il-festa patrunali!”  U mill-ewwel għadda minn moħħi li l-jum ta’ wara l-ġurnali kienu se jiktbu li fil-festa tal-patruna ta’ Caserta l-Papa mar għand il-Protestanti.  Titlu sabiħ, eh?”  B’hekk irranġajna s-sitwazzjoni, bi ftit għaġla, imma l-Isqof għeni ħafna u wkoll il-personnel tas-Segreterija tal-Istat.  Meta ċempilt lis-sostitut, għidtlu: “Jekk jogħġbok neħħili l-ħabel minn madwar għonqi.  U għamel kollox sew.  Grazzi għall-mistoqsijiet li se tagħmluli u jien se nara nistax ngħaqqad tnejn jew tlieta f’daqqa, inkella nweġibhom waħda waħda.

 

Mistoqsija

Santità, grazzi.  Jien il-Vigarju Ġenerali ta’ Caserta, don Pasquanello.  Grazzi kbira ħafna għaż-żjara tiegħek f’Caserta.   Nixtieq nagħmillek din il-mistoqsija: il-ġid li qed tagħmel lill-Knisja bl-omeliji ta’ kuljum, id-dokumenti uffiċjali, speċjalment l-“Evangelii Gaudium”, kollha juru t-triq lejn il-konverżjoni spiritwali, intima, personali.  Skont il-fehma fqira tiegħi, hija riforma impenjattiva fl-isfera tat-teoloġija, tal-eżeġeżi Biblika u tal-filosofija.  Flimkien ma’ din il-konverżjoni personali, li hi essenzjali għas-salvazzjoni eterna, jien nara li hemm ħtieġa ta’ xi intervent min-naħa tiegħek, li jista’ jinvolvi aktar lill-poplu t’Alla, propju għax hu poplu.  Nispjega ruħi.  Minn 900 sena ‘l hawn, id-djoċesi tagħna għandha konfini li ma jagħmlux sens.  Uħud mit-territorji komunali huma maqsumin min-nofs mad-djoċesi ta’ Capua u dik ta’ Acerra.  Addirittura, l-istazzjon ta’ Caserta, li mhux aktar minn kilometru bogħod mill-muniċipju, jifforma parti minn Capua.  Għal din ir-raġuni, Missier Beatissimu, nitlob l-intervent tiegħek biex tissolva din is-sitwazzjoni biex il-komunitajiet tagħna ma jkollhomx għalfejn ikomplu bl-iskumdità ta’ traġitti inutli u biex l-unità pastorali tal-fidili tagħna ma tibqax mortifikata kif inhi bħalissa.  Huwa ċar, Santità, li fin-numru 10 tal-“Evangelii Gaudium” int tgħid li dawn huma hwejjeġ tal-Epsikopat: imma jiena niftakar, meta kont saċerdot żgħażugħ 47 sena ilu, konna morna ma’ Monsinjur Roberti (li kien ġej mis-Segreterija tal-Istat) u aħna ppreżentajna l-problemi tagħna hemmhekk.  Wara li spjegawlna s-sitwazzjoni, it-tweġiba kienet: ftehemu mal-isqfijiet u aħna niffirmaw.  Din hi ħaġa sabiħa ħafna.  Imma meta se jifthemu bejniethom l-Isqfijiet?

 

Tweġiba tal-Papa

Xi storiċi tal-Knisja jgħidu li fl-ewwel Konċilji, l-Isqfijiet kienu jiġu anki fl-idejn, imma wara kienu jifthemu.  Dan hu sinjal ikraħ.  Hu ikraħ li l-Isqfijiet iseksku fuq xulxin jew jiffurmaw “network”.  Mhux qed nifhem “network” tal-ħsieb jew “network” ta’ ispiritwalità, għax din hi ħaġa tajba.  Qed nifhem “network” fis-sens negattiv tal-kelma.  Dan hu ikraħ għax propju jkisser l-unità tal-Knisja.  Din mhix ħaġa ta’ Alla.  U aħna l-Isqfijiet għandna nagħtu eżempju tal-għaqda li Ġesù kien talab għall-Knisja mingħand il-Missier.  Imma ma nistgħux noqogħdu ngħidu dwar xuxlin: “Dak jagħmel din hawn u l-ieħor jagħmel dik hemm”.  Agħmel kuraġġ u lil dak li jkun għidhielu f’wiċċu!  L-antenati tagħna fl-ewwel Konċilji, kienu jagħtu bil-ponn u jien nippreferi li l-ewwel jagħjtu xi tnejn ma’ xulxin imbagħad jintgħannqu u mhux li joqgħodu jisparlaw  minn wara dahar xulxin.  Dan bħala prinċipju ġenerali, jew aħjar: għall-għaqda tal-knisja hemm bżonn l-għaqda bejn l-Isqfijiet.  Int urejt it-triq li l-Mulej irid għall-Knisja tiegħu.  U din l-għaqda bejn l-Isqfijiet hi dik li tiffavorixxi l-ftehim fuq dik u fuq l-oħra.  F’ċertu pajjiż, mhux fl-Itallja, pajjiż ieħor, hemm djoċesi li ġew riveduti l-konfini tagħha, imma minħabba l-post fejn jinsab it-teżor tal-Katidral ilhom jillitikaw fil-qorti 40 sena.  Għall-flus: dan ma jinftiehemx!  Hawn hu fejn ix-xitan jagħmel festa!  Hu jmur minn fuq.  Hu sabiħ dak li qed tgħid li l-Isqfijiet għandhom jiftehmu dejjem: imma jiftehmu fl-għaqda, mhux fl-uniformità.  Kull wieħed għandu l-kariżma tiegħu, għandu l-mod kif jaħseb, kif jara l-affarijiet: din il-varjetà xi kultant hi frott tal-iżbalji, imma ħafna drabi hi frott tal-istess Spirtu.  L-Ispritu s-Santu ried li fil-Knisja jkun hemm din il-varjetà tal-kariżmi.  L-Ispirtu s-Santu stess li joħloq id-diversità,imbagħad, irnexxilu jnissel l-għaqda, unità fid-diversità ta’ kull wieħed, mingħajr ma dak li jkun jitlef il-personalità tiegħu.  U jien nawgura li dak li għidt int ikompli miexi.  Imbagħad, ilkoll aħna tajbin, għax ilkoll għandna l-ilma tal-Magħmudija, għandna fina l-Ispirtu s-Santu li jgħinna nimxu ‘l quddiem.

 

Mistoqsija.

Jien Padre Angelo, kappillan ta’ San Pietru Appostlu u San Pietru fil-Kattedra.  Il-mistoqsija tiegħi hi din: Santità, fl-Eżortazzjoni Appostolika “Evangelii Gaudium” inti għamilt stedina u inkoraġġejt it-tisħiħ tal-pjetà popolari, bħala teżor prezzjuż tal-Knisja Kattolika.  Fl-istess waqt, però, urejt ir-riskju – sfortunatament dejjem reali – tat-tixrid ta’ Kristjaneżmu indvidwali u sentimentali, li jkun aktar moħħu fil-forom tradizzjonali u r-rivelazzjoni, imma nieqes mill-aspetti fundamentali tal-fidi u mingħajr impatt fuq il-ħajja soċjali.  X’tista’ tissuġġerilna biex inwettqu pastorali, li mingħajr ma timmortifika l-pjetà popolari, tkun tista’ tħeġġeġ mill-ġdid il-primat tal-Evanġelju?   Grazzi, Santità.

 

Il-Papa

Illum nisimgħu li daż-żmien ir-reliġjożità naqset, imma jien ma tantx nemmen dan.  Għax hawn dawn il-kurrenti, dawn l-iskejjel ta’ reliġjożità intimista, bħal, ngħidu aħna, l-anjostiċi, li jagħmlu pastorali bħalma kien it-talb ta’ qabel il-Kristjaneżimu, talb pre-Bibliku, talb njostiku u l-injostiċiżmu daħal fil-Knisja permezz ta’ dawn il-gruppi ta’ pjetà intimista: dan jien insejjaħlu “intimiżmu”.  L-“intimiżmu” ma jagħmilx tajjeb għax għalija qiesu qed jgħid: jien kwiet u mimli b’Alla.  Ftit jew wisq qisu – mhux l-istess – imma xi ftit qiegħed fl-istess triq tan-“New Age”.  Hemm ir-reliġjożità, iva, imma reliġjożita pagana, jew addirittura eretika: m’għandniex nibżgħu ngħiduha dil-kelma, għax l-injostiċiżmu hu ereżija, kien l-ewwel ereżija tal-Knisja.  Meta nitkellem dwar ir-reliġjożità, qed nitkellem dwar dan it-teżor tal-pjetà, li fih tant valuri, li l-kbir Pawlu VI kien iddeskriva fl-“Evangelii Nuntiandi”.  Aħsbu f’ħaġa: Id-Dokumnet ta’ Aparecida, li kien id-dokument tal-V Konferenza Episkopali Latinoamerikana: biex jagħmel sintesi, fi tmiem l-istess dokument, fil-paragrafu ta’ qabel tal-aħħar, għax it-tnejn l-oħra kienu ringrazzjament u talb, kellu jmur 40 sena lura u jieħu parti  ill-“Evangelii Nuntiandi”, li hu d-dokument post-konċiljari li għad m’għaddiex żmienu.  Hu ta’ attwalità enormi.  F’dak id-dokument, Pawlu VI jiddeskrivi l-pjetà popolari u jafferma li anki din, min xi daqqiet trid tkun evanġeliżżata wkoll.  Iva, għaliex bħal f’kull pjetà oħra hemm ir-riskju li tmur lejn naħa jew oħra u ma jkollhiex espressjoni qawwija ta’ fidi.  Imma l-pjetà li għandhom in-nies, il-pjetà li tidħol fil-qalb bil-Magħmudija, hija forza enormi, sal-punt li l-poplu t’Alla li għandu din il-pjetà, kollox ma kollox, ma jistax jiżbalja, huwa infallibbli in credendo: hekk tgħid il-“Lumen Gentium” fin-numru 12.  Il-pjetà popolari titwieled minn dak is-“sensus fidei” li jitkellem dwaru dan id-dokument konċiljari u jiggwida fid-devozzjoni lejn il-qaddisin, lejn il-Madonna, anki b’espressjonijiet folkloristiċi fis-sens tajjeb tal-kelma.  Għaldaqstant, il-pjetà popolari hija fundamentalment inkulturata, ma tistax tkun pjetà popolari tal-laboratorju, asettika, imma tinbet dejjem milll-ħajja tagħna.  Jistgħu jsiru żbalji żgħar – għalhekk il-viġilanza hi meħtieġa – madnakollu, il-pjetà popolari hi strument ta’ evanġeliżżazzjoni.  Naħsbu ftit fiż-żgħażagħ tallum.  Iż-żgħażagħ, almenu mill-esperjenza li kelli fid-djoċesi l-oħra, iż-żgħażagħ, il-movimenti taż-żgħażagħ fi Buenos Aires ma kienux jiffunzjonaw.  Għaliex?  Kienu jgħidulhom: ejjew nagħmlu laqgħa biex nitkellmu…. U fl-aħħar iż-żgħażagħ kienu jiddejqu.  Imma meta l-kappillani sabu l-mod kif liż-żgħażagħ jimpenjawhom f’missjonijiet żgħar, tul il-vaganzi, il-katekeżi lill-popli li jeħtieġuha fil-postijiet iż-żgħar fejn m’għandhomx saċerdot, huma kienu jilqgħu l-impenn.  Iż-żgħażagħ iridu verament dan il-protagoniżmu missjunarju u minn dan jitgħallmu jgħixu għamla ta’ pjetà li nistgħu ukoll insejħulha “popolari”.  L-appostolat taż-żgħażagħ għandu laqta ta’ pjetà popolari.  Il-pjetà popolari hija attiva, għandha sens ta’ fidi profond – jgħid Pawlu VI – li s-sempliċi u l-umli biss jista’ jkollhom.  Din hi ħaġa kbira!  Per eżempju, fis-santwarji naraw il-mirakli!  Kull 27 ta’ Lulju kont immur fis-Santwarju ta’ San Pantaljun, fi Buenos Aires, u filgħodu noqgħod inqarar.  Jien kont immur lura mġedded minn dik l-esperjenza, kont immur lura mistħi bil-qdusija li kont insib f’dawk in-nies sempliċi, midinbin imma qaddisin, għax l-ewwel kienu jgħidulek dnubiethom u mbagħad jirrakkuntawlek kif jgħixu, x’kienet il-problema tat-tifel jew tat-tifla jew ta’ dak jew tal-ieħor. U kif kienu jmorru jżuru lill-morda.  Kien joħroġ minnhom sens evanġeliku.  Fis-santwarji nsibu minn dawn l-affarijiet.  Il-konfessinarji tas-santwarji huma post ta’ tiġdid għalina saċerdoti u isqfijiet; huma kors ta’ aġġornament spiritwali minħabba l-kuntatt mal-pjetà popolari.  U meta l-fidili jiġu jqerru, jirrakkuntawlek il-miżerji tagħhom.  Imma wara dawk il-miżerji inti tara l-grazzja t’Alla li tmexxihom lejn dan il-mument.  Dan il-kuntatt mal-poplu t’Alla li jitlob, li hu pellegrin, li jimmanifesta l-fidi tiegħu f’din il-forma ta’ pjetà, jgħinna ħafna fil-ħajja saċerdotali tagħna.

 

Mistoqsija:

Ippermettili nindirizzak Padre Francesco, ukoll għax meta l-paternità tkun awtetnika, timplika inevitabbilment il-qdusija.  Bħala alljiev tal-patrjiet Ġiżwiti li lilhom naf il-formazzjoni kulturali u saċerdotali tiegħi, l-ewwel se nsemmi impressjoni tiegħi u mbagħad nagħmel mistoqsija lilek b’mod partikolari.  L-identikit tal-patri fit-tielet millennju: ekwilibriju uman u spiritwali; kuxjenza missjunarja; ftuħ għad-djalogu ma’ kull dîn kemm reliġjuż u kemm le.  Għaliex dan?  Ċertament inti għamilt rivoluzzjoni kopernikjana fil-lingwaġġ, fl-istil ta’ ħajja, fil-komportament u fix-xhieda dwar it-temi l-aktar importanti fuq livell mondjali, anki fid-dinja tal-ateji u ta’ min hu mbiegħed mill-Knisja Kristjana/Kattolika.  Il-mistoqsija li rrid nagħmillek: kif inhu possibbli f’din is-soċjetà, fi Knisja li tittama li tikber u tiżviluppa, f’din is-soċjetà f’evoluzzjoni dinamika u konflittwali u tant spiss imbegħeda mill-valuri tal-Evanġelju ta’ Kristu, aħna spiss Knisja li taqta’ lura?  Ir-rivoluzzjoni lingwistika, semantika, kulturali, ta’ xhieda evanġelika tiegħek, ċertament qed tqajjem fil-kuxjenzi kriżi eżistenzjali fina s-saċerdoti.  X’toroq fantasjużi u kreattivi tissuġġerilna biex nissuperaw, jew tal-anqas intaffu din il-kriżi li qed inħossu?  Grazzi.

 

Il-Papa

Hekk hu.  Kif inhu possibbli nimxu ‘l quddiem fi Knisja li qed tikber u tiżviluppa?  Int semmejt xi punti: ekwilibriju, ftuħ, djalogu…. Imma kif inhu possibbli li nimxu?  Int għidt kelma li togħġobni ħafna: hija kelma divina, anki jekk hi umana, għaliex hija rigal mingħand Alla: kreattività.  Huwa l-kmandament li Alla ta lil Adam: “Mur u kabbar l-art.  Kun kreattiv”.  Dan hu wkoll il-kmandament li Ġesù ta lil tiegħu, permezz tal-Ispirtu s-Santu, per eżempju l-kreattività tal-ewwel Knisja fir-relazzjoni mal-Ebraiżmu.  Pawlu kien kreattiv; Pietru, dakinhar li mar għand Kornelju, kellu biża’ kbir fuqu, għax kien qed jagħmel xi ħaġa ġdida. Ħaġa kreattiva.  Imma hu mar hemmhekk.  Kreattività hija l-kelma.  U kif nistgħu nsibu din il-kreattività?

Qabel xejn – u din hi l-kundizzjoni jekk irridu nkunu kreattivi fl-Ispirtu, jiġifieri fl-Ispirtu tal-Mulej Ġesù – mhemmx triq oħra ħlief it-talb.  Isqof li ma jitlobx, saċerdot li ma jitlobx, għalaq il-bieb, għalaq it-triq tal-kreattività.  Hu propju fit-talb, meta l-Ispirtu jġiegħlek tħoss xi ħaġa, u jasal ix-xitan u jġiegħlek tħoss oħra; imma l-kundizzjoni biex nimxu ‘l quddiem hija t-talb.  Anki jekk it-talb xi kultant inħossu li hu tedjuż.  It-talb hu importanti ħafna.  Mhux biss it-talb tal-uffiċċju Divin, imma l-liturġija tal-quddiesa, kalma u magħmula tajjeb bid-devozzjoni, it-talb personali lill-Mulej.  Jekk aħna ma nitolbux, forsi nkunu imprendituri pastorali u spiritwali tajbin, imma l-Knisja mingħajr it-talb issir organiżżazzjoni mhux governattiva, ma jkollhiex dik id-dilka tal-Ispirtu s-Santu.  It-talb huwa l-ewwel pass, għax ifisser li ninfetħu għall-Mulej biex inkunu nistgħu ninfetħu għall-oħrajn.  U l-Mulej jgħidilna: “Ejja hawn, mur hemm, għamel dan”…. Iqanqal fik dik il-kreattvità li lill-qaddisin switilhom ħafna.  Aħsbu fil-Beatu Antonio Rosmini, dak li kiteb il-ktieb: Il-Ħames Pjagi tal-Knisja.  Kien kritiku kreattiv għax kien jitlob.  Kiteb dak li nebbħu l-Ispirtu u għal dan daħal fil-ħabs spiritwali, jiġifieri f’daru: ma setgħax jitkellem, ma setgħax jgħallem, ma setgħax jikteb, il-kotba tiegħu kienu fl-“indiċi”.  Illum hu beatu!  Ħafna drabi l-kreattività twasslek għas-salib.  Imma meta din tiġi mit-talb, tnissel il-frott.  Mhux il-kreattività tal-“le, grazzi” u rivoluzzjonarja, għax illum il-moda hi li tkun rivoluzzjonarju; le, din mhix tal-Ispirtu.  Imma meta l-kreattività tiġi mill-Ispirtu, tiġi mit-talb, tista’ toħloqlok il-problemi.   Il-kreattività mnissla mit-talb għandha dimensjoni antropoloġika ta’ traxxendenza għax bis-saħħa tat-talb inti tinfetaħ għat-traxxendenza, għal Alla.  Imma hemm it-traxxendenza l-oħra: il-ftuħ lejn l-oħrajn, lejn il-proxxmu. Ma nistgħux inkunu Knisja magħluqa fiha nnifisha li toqgħod tħares lejn iż-żokra, Knisja awtoreferenzjali, li tħares lejha nfisha, mingħajr il-ħila li tittraxxendi.  It-traxxendenza doppja hi importanti: lejn Alla u lejn il-proxxmu.  Li noħorġu minna nfusna mhix avventura, hija mixja, hija l-mixja li Alla wera lill-bnedmin sa mill-ewwel mumenti meta qal lill-Abram: “itlaq minn artek”.  Noħorġu minna nfusna.  U meta jien noħroġ minni nnnifsi, niltaqa’ ma’ Alla u niltaqa’ mal-oħrajn.  Kif niltaqa’ magħhom lill-oħrajn?  Mill-qrib jew mill-bogħod?  Jeħtieġ niltaqa’ magħhom mill-qrib, il-qrubija.  Kreattività. Traxxendenza u qrubija.  Il-qrubija hi l-kelma li hi l-qofol ta’ kollox: li tkun qrib.  Li ma tibża’ minn xejn.  Li tkun qrib.  Il-bniedem t’Alla ma jibżgħax.  Pawlu stess, meta ra tant idoli f’Ateni, ma beżgħax, qal il dawk in-nies: “Intom reliġjużi,…. tant idoli…. Imma jien se nkellimkom dwar xi ħadd ieħor”.  Ma beżgħax u resaq lejhom u kkowtlahom anki lill-poeti tagħhom: “Kif jgħidu l-poeti tagħkom…..” . Iva, din hija l-qrubija lejn kultura, lejn il-persuni, lejn il-mod kif jaħsbuha, lejn it-tbatijiet tagħhom, lejn dak li jweġġagħhom.  Tant drabi din il-qrubija hija propju penitenza, għax ikollna nisimgħu affarijiet li jdejqu, li joffendu.  Sentejn ilu, saċerdot li mar missjunarju fl-Arġentina – kien fid-djoċesi ta’ Buenos Aires u mar fi djoċesi tan-nofsinhar, f’żona fejn kienu ilhom snin ma jaraw saċerdot u fejn kienu waslu l-Evanġeliċi – irrakkuntali li kien mar għand waħda mara li kienet l-imgħallma tal-poplu u wara l-kap tal-iskola tal-post.  Din il-mara qaltlu  biex joqgħod bilqegħda u bdiet tinsolentah, mhux bil-kliem ħażin imma bil-qawwa:  Intom abbandunajtuna, ħallejtuna waħedna, u jien, li għandi bżonn il-Kelma t’Alla kelli mmur fil-kult Protestant u sirt Protestanta.  Dan is-saċerdot żgħażugħ, li hu manswet, hu bniedem li jitlob, meta l-mara spiċċat tgħid tagħha, qalilha:  Sinjura, kelma waħda: aħfrilna.  Aħfrilna, aħfrilna.  Aħna abbandunaja l-merħla.  U leħen dik il-mara nbidel.  Madankollu baqgħet Protestanta u l-qassis ma bediex jitkellem dwar liema kienet ir-reliġjon vera; f’dak il-waqt ma setgħax jagħmel hekk.  Fl-aħħar il-mara bdiet titbissem u qaltlu: “Padre, trid ftit kafè?” “ Iva, ejja nieħdu ftit kafè”.  U meta s-saċerdot wasal biex jitlaq qaltlu: “Ieqaf, padre, ejja”.  U ħaditu fil-kamra tas-sodda, fetħet l-armarju u fih kien hemm ix-xbieha tal-Madonna: “għandek tkun taf li jien qatt ma abbandunajtha.  Ħbejtha minħabba l-Pastor imma hawn qiegħdha, f’dari”.  Hija storja li tgħallem li l-qrubija, il-manswetudni wasslu lil din il-mara terġa tirrikonċilja mal-Knisja, għax kienet qed tħossha abbandunata mill-Knisja.  Imbagħad jien għamilt mistoqsija li qatt m’għandha ssir:  “u kif spiċċat?  Kif spiċċat l-istorja?”  Imma l-qassis ikkoreġieni: “ah, le! Jien ma tlabtha xejn.  Hi għadha qed tiffrekwenta l-kult Protestant, imma tidher li hi mara li titlob: jagħmel il-Mulej Ġesù”.  U ma għamel xejn aktar, ma stedinhiex biex terġa’ lura lejn il-Knisja Kattolika.  Hija dik il-qrubija prudenti li taf sa fejn għandha tasal.  Imma l-qrubija tfisser ukoll djalogu; hemm bżonn naqraw id-duttrina tad-djalogu  fl-Ecclesiam Suam, imma biex niddjalogaw huma meħtieġa żewġ affarijiet: l-identità propja bħala punt tat-tluq u l-empatija mal-oħrajn.  Jekk jien mhinix ċert mill-identità tiegħi u mmur niddjaloga, nispiċċa ninnegozja l-fidi tiegħi.  Ma nistgħax niddjaloga jekk ma nibdiex mill-identità tiegħi, u l-empatija, li jfisser li ma nikkundannax minn qabel.  Kull raġel, kull mara, għandhom xi ħaġa minn tagħhom x’jirregalawlna: kull raġel, kull mara għandhom l-istorja tagħhom, is-sitwazzjoni personali u aħna għandna nisimgħuha.  Imbagħad il-prudenza tal-Ispirtu s-Santu tgħidilna kif għandna nwieġbu.  Nibdew mill-identità personali biex niddjalogaw, imma d-djalogu ma jfissirx li nagħmlu l-apoloġetika, anki jekk din tkun meħtieġa xi minn daqqiet, u dan hu importanti ħafna!

M’għandniex nibżgħu niddjalogaw ma’ ħadd.  B’nofs ċajta kien jintqal dwar qaddis – ma niftakarx eżatt imma naħseb li kien San Filippu Neri – li kellu ħila jiddjaloga anki max-xitan.  Għaliex?  Għax kellu l–libertà li jisma’ lil kulħadd, imma jibda mill-identità personali.  Kien ċert minnu nnifsu, imma ċ-ċertezza tal-identità personali ma tfissirx li nipprattikaw il-prożelitizmu.  Il-prożelitiżmu huwa nassa li xi ftit jikkundannah anki Ġesù meta jkellem lill-Fariżej u lis-Saduċej: “Intom li dduru d-dinja biex tagħmlu l-prożeliti….. “. Imma hija nassa.  U l-Papa Benedittu għandu espressjoni sabiħa ħafna, kien għamilha f’Aparecida imma jidhirli li kien irrepetiha x’imkien ieħor: “Il-Knisja ma tikbirx bil-prożelitiżmu, imma bl-attrazzjoni”.  U xinhi l-attrazzjoni?  Hija din l-empatija umana li mbagħad tkun immexxija mill-Ispirtu s-Santu.  Għalhekk kif se jkun il-profil tas-saċerdot f’dan is-seklu tant sekulariżżat?  Bniedem ta’ kreattività, li jimxi fuq il-kmandament t’Alla – “oħloq l-affarijiet” ; bniedem ta’ traxxendenza li jkun ma’  Alla bit-talb, li jkun mal-oħrajn, dejjem; bniedem ta’ qrubija li jersaq qrib in-nies.  Mhux saċerdotali li tbiegħed in-nies u kultant in-nies xebgħet minn dan l-atteġġjament, imma xorta waħda tiġi għandna.  Imma min jilqa’ lin-nies u jkun qribhom, jiddjaloga magħhom, jagħmel dan għax iħossu ċert mill-identità personali, li timbuttah biex ikollu qalb miftuħa għall-empatija.  Dan hu dak li deherli li kelli ngħidlek għall-mistoqsija tiegħek.

 

Mistoqsija

Għażiż Missier, id-domanda tiegħi hi dwar il-post fejn ngħixu: id-djoċesi, bl-isqfijiet tagħna, ir-relazzjoni ma’ ħutna.  U nistaqsik: dan il-mument storiku li qed ngħixu qed jistenna xi ħaġa mingħandna l-presbiteri, cioè xhieda ċara, miftuħa, ferrieħa – kif qed tistedinna nagħmlu int – propju għan-novità tal-Ispirtu s-Santu.  Nistaqsik: x’jista’ jkun, skont int, l-ispeċifiku, il-pedament tal-ispiritwalità tas-saċerdot djoċesan?  Jidhirli li qrajt x’imkien li inti tgħid: Is-saċerdot hu kontemplattiv.  Imma qabel ma kienx hekk.  Ekku, għalhekk, tista’ ttina ikona biex inżommuha quddiem għajnejna għat-twelid ġdid, għat-tkabbir tal-komunjoni tad-djoċesi tagħna?  U, fuq kollox, jien jinteressani kif nistgħu nkunu fidili aktar lejn il-bniedem aktar milli lejn Alla.

 

Il-Papa

Hekk hu, inti għidt “in-novità tal-Ispirtu s-Santu.  Minnu.  Imma Alla huwa Alla tas-sorpriżi, jissorprendina dejjem, dejjem, dejjem.  Naqraw l-Evanġelju u nsibu sorpriża wara oħra.  Ġesù jissorprendina għax jasal qabilna: Hu jistenniena minn qabel, iħobbna minn qabel, meta nkunu nfittxuh, Hu jkun diġà qed ifittex lilna. Kif jgħid il-Profeta Iżaija jew Ġeremija, ma niftakarx tajjeb:  “Alla hu bħaż-żahar tal-lewża, hu l-ewwel ma jwarrad fir-rebbiegħa”.  Hu tal-ewwel, dejjem l-ewwel, dejjem jistenniena.  U din hi s-sorpriża.  Ħafna drabi aħna nfittxu ‘l Alla ‘l hawn u ‘l hinn u Hu jkun qed jistenniena hemm.  U mbagħad ngħaddu għall-ispiritwalità tal-kleru djoċesan.  Qassis kontemplattiv, imma mhux bħal wieħed li qiegħed fil-monasteru, mhux qed nifhem dak it-tip ta’ kontemplazzjoni.  Is-saċerdot irid ikollu l-kontemplattività, il-ħila li jikkontempla lil Alla u lil-bniedem.  Huwa bniedem li jħares, li jimla’ għajnejh u qalbu b’din il-kontemplazzjoni:  bl-Evanġelju, quddiem Alla u bil-problemi tal-bniedem quddiem il-bnedmin.  F’das-sens irid ikun kontemplattiv.  M’għandux ikun hemm konfużjoni: il-monaku huwa ħaġ’oħra.  Imma fejn hu ċ-ċentru tal-ispiritwalità tal-qassis djoċesan?  Jien ngħid li jinsab fil-kunċett ta’ djoċesi (djoċesanità).  Hu l-ħila li jkollu, li jinfetaħ għal dan il-kunċett.  Per eżempju, l-ispiritwalità ta’ patri hija l-ħila li jinfetaħ għal Alla u għall-oħrajn fi ħdan il-komunità: l-iżgħar jew l-akbar waħda tal-kongregazzjoni.  Iżda l-ispiritwalità tal-qassis djoċesan hi li jinfetaħ għall-kunċett ta’ djoċesi.  U intom il-patrijiet li taħdmu fil-parroċċa tridu tagħmlu ż-żewġ affarijiet.  Hu għalhekk li d-dikasteru tal-isqfijiet u d-dikasteru tal-ħajja konsagrata qed jaħdmu fuq verżjoni ġdida tal-Mutuae Relationes,(Relazzjonijiet Reċiproċi) għax ir-reliġjuż għandu ż-żewġ appartenenzi.  Imma nerġgħu lura għall-kunċett tad-djoċesi: xi jfisser?  Ifisser li jkollok relazzjoni mal-Isqof u relazzjoni mas-saċerdoti l-oħra.  Ir-relazzjoni mal-Isqof hija importanti, hija neċessarja.  Is-saċerdot djoċesan ma jistax ikun maqtugħ minn mal-Isqof.  “Imma l-Isqof ma jġibnix, l-isqof hawn, l-isqof hemm…”.  L-Isqof forsi jista’ jkun bniedem b’karattru diffiċli imma dejjem jibqa’ l-Isqof tiegħek.  U int għandek issib, anki f’dak l-atteġġjament mhux pożittiv, it-triq biex iżżomm ir-relazzjoni miegħu.  Madankollu, din hija l-eċċezzjoni.  Jien qassis djoċesan għax għandi relazzjoni mal-Isqof, relazzjoni meċessarja.  Hu ta’ tifsir kbir meta fir-rit tal-ordinazzjoni jsir il-vot tal-ubbidejnza lejn l-Isqof.  “Jien imwiegħed ubbidjenza lejk u lejn is-suċċessuri tiegħek”.  Il-kunċett ta’ djoċesi jfisser relazzjoni mal-Isqof li trid issir u trid tikber il-ħin kollu.  Fil-biċċa l-kbira tal-każi din mhix problema katastrofika, imma realtà normali.  It-tieninett, il-kunċett jitlob ukoll relazzjoni mas-saċerdoti l-oħra, mal-presbiterju kollu.  Mhemmx spiritwalità fis-saċerdot djoċesan mingħajr dawn iż-żewġ relazzjonijiet: mal-Isqof u mal-presbiterju.  U huma meħtieġa: “Jien, iva, immur tajjeb mal-isqof, imma għal-laqgħat tal-kleru ma mmurx għax ma jgħidux ħlief ħmerijiet”.  Imma b’dan l-atteġġjament għandek xi ħaġa nieqsa: m’għandekx dik l-ispiritwalità vera tal-qassis djoċesan.  Dan hu kollox: huwa sempliċi, imma fl-istess ħin mhux faċli, għax wieħed jaħsibha mod u l-ieħor mod ieħor, imma tista’ ssir diskussjoni….. u ddiskutu!  U forsi xi ħadd jista’ jgħolli leħnu?  Ħa jsir hekk.  Kemm-il darba iben u missier jiddiskutu imma fl-aħħar mill-aħħar dejjem jibqgħu missier u iben.  Madankollu, meta f’dawn iż-żewġ relazzjonijiet, kemm mal-Isqof u kemm mal-presbiterju, tidħol id-diplomazija hemmhekk ma jkunx hemm l-Ispirtu tal-Mulej, għax jonqos l-ispirtu tal-libertà.

Wieħed irid ikollu l-kuraġġ li jgħid: “jiena hekk naħsibha, naħsibha differenti”.  U jkollu wkoll l-umiltà li jaċċetta korrezzjoni.  Importanti ħafna.  U min hu l-akbar għadu ta’ dawn iż-żewġ relazzjonijiet?  Is-seksik.  Ħafna drabi naħseb – għax anki jien ikolli din it-tentazzjoni li nseksek, dan qiegħed fina, ix-xitan jaf li dik iż-żerriegħa tagħtih il-frott u jiżra’ tajjeb – jekk dan hux konsegwenza tal-ħajja ta’ ċelibat mgħejxa bl-isterilità u minflok bħala fekondità.  Bniedem waħdu jispiċċa mqarras, mhux għammiel u jseksek fuq l-oħrajn.  Din l-arja ma tagħmilx tajjeb, hi propju dak li jostakola r-relazzjoni evanġelika, spiritwali u fekonda mal-Isqof u mal-presbiterju.  Is-seksik hu l-aktar għadu qawwi tal-kunċett ta’ djoċesi.  Imma inti raġel u jekk għandek xi ħaġa kintra l-Isqof mur u għidhielu.  “Imma mbagħad ikun hemm konsegwenzi mhux tajbin”.  Ġorr is-salib, imma kun raġel!  Jekk int bniedem matur u tara xi ħaġa li ma togħġbokx jew li jidhirlek li hi żbaljata f’ħuk saċerdot ieħor, mur u għidlu f’wiċċu inkella, jekk tara li dak li jkun ma jittollerax korrezzjoni, mur għid lill-Isqof jew lill-aktar ħabib intimu ta’ dak is-saċerdot biex ikun jista’ jgħinu jikkoreġi ruħu.

Imma tmurx isseksek mal-oħrajn għax dak ifisser li nkunu qed inħammġu lil xulxin.  U d-demonju jifraħ ħafna b’dik “l-ikla” għax b’hekk ikun jattakka l-qalba tal-ispiritwalità tal-kleru djoċesan.  Għalija s-seksik jagħmel ħafna ħsara.  U din mhix xi novità post-konċiljari…. . Diġà San Pawl kellu jaffronta dis-sitwazzjoni: tiftakru s-sentenza: “jiena ta’ Pawlu… jiena ta’ Apollo…. “ Is-seksik huwa realtà li kienet diġà preżenti fil-Knisja tal-bidu, għax id-demonju ma jridx li l-Knisja tkun omm għammiela, magħquda, ferħana.  Allura liema hu s-sinjal li dawn iż-żewġ relazzjonijiet, bejn il-qassis u l-Isqof u bejn il-qassis u l-qassisin l-oħra, sejrin tajjeb?  Huwa l-ferħ.  L-istess bħalma l-imrar hu sinjal li mhemmx vera spiritwalità djoċesana, għax ir-relazzjoni bejn l-Isqof u l-presbiteru mhix tajba, il-ferħ huwa s-sinjal li l-affarijiet qed jaħdmu tajjeb.  Jista’ jkun hemm diskussjonijiet, jista’ jkun hemm ir-rabja, imma hemm il-ferħ fuq kollox u huwa importanti li dan jibqa’ dejjem preżenti fir-relazzjonijiet li huma essenzjali għall-ispiritwalità tas-saċerdot djoċesan.  Irrid indur fuq sinjal ieħor, is-sinjal tal-imrar.  Darba, hawn f’Ruma, saċerdot qalli: “Tant drabi nara li aħna Knisja ta’ nies irrabjati, dejjem irrabjati wieħed kontra l-ieħor; dejjem għandna xi raġuni għalfejn nirrabjaw”.  Dan iġib id-dwejjaq u l-imrar: mhemmx ferħ.  Meta fi djoċesi nsibu saċerdot li jgħix f’din ir-rabja u f’din it-tensjoni, naħsbu: dan għall-“breakfast” jixrob il-ħall.  U waqt il-pranzu jiekol il-ħaxix immarinat fil-ħall u filgħaxija jixrob xarba lumi magħsur.  B’hekk ħajtu ma taħdimx tajjeb għax hija x-xbieha ta’ Knisja tal-irrabjati.  Iżda l-ferħ hu s-sinjal li l-affarijiet sejrin sew.  Xi ftit wieħed jirrabja: u jagħmel tajjeb li xi darba bniedem jirrabja.  Imma l-istat ta’ rabja mhux tal-Mulej u jwassal għad-djieqa u għall-firda.  U fl-aħħar inti għidt “il-fedeltà lejn Alla u lejn il-bniedem,”.  L-istess bħalma għidna qabel.  Hija fedeltà doppja, it-traxxendenza doppja: il-fedeltà lejn Alla tfisser li aħna nfittxuh, ninfetħu għalih bit-talb, niftakru li Hu fidil, Hu ma jistax jiċħad lilu nnifsu, Hu dejjem fidil.  Imbagħad ninfetħu għall-bniedem: hija dik l-empatija, dak ir-rispett, li nisimugħ u ngħidulu l-kelma t-tajba bil-paċenzja.

Irridu ninfetħu għall-imħabba lejn il-fidili li qed jistennew…. Imma nirringrazzjakom, tassew, u nitlobkom titolbu għalija, għax anki jien għandi d-diffikultajiet bħal kull Isqof u jeħtieġli kuljum nibda t-triq tal-konverżjoni.  It-talb għal xulxin jagħmlilna tajjeb biex nimxu ‘l quddiem.  Grazzi tal-paċenzja.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber