|
ITTRA APPOSTOLIKA
F’GĦAMLA
TA’ MOTU PROPRJU
TAL-QDUSIJA TIEGĦU
FRANĠISKU
SUMMA FAMILIÆ CURA
għat-twaqqif
tal-Istitut Pontifiċju Teoloġiku
Ġwanni Pawlu II
għax-Xjenzi taż-Żwieġ u
tal-Familja
Imqanqal mill-akbar sens ta’
għożża għall-familja, San Ġwanni
Pawlu II, wara s-Sinodu
tal-Isqfijiet tal-1980 dwar
il-familja u l-Eżortazzjoni
appostolika postsinodali
Familiaris consortio,
tal-1981, bil-Kostituzzjoni
appostolika Magnum Matrimonii
sacramentum ta għamla
ġuridika stabbli lill-Istitut
Pontifiċju Ġwanni Pawlu II
għall-Istudji fuq iż-Żwieġ u
l-Familja, li jaħdem fi ħdan
l-Università Pontifiċja
Lateranensi. Minn dakinhar dan
żviluppa ħidma b’saħħitha ta’
approfondiment teoloġiku u ta’
formazzjoni pastorali kemm
fis-Sede Ċentrali tiegħu ta’
Ruma, u kemm fis-Sezzjonijiet
barra mill-belt, illum preżenti
fil-kontinenti kollha.
Iktar lejn żmienna, il-Knisja
għamlet mixja oħra sinodali fejn
qiegħdet mill-ġdid fil-qalba
tal-attenzjoni tagħha r-realtà
taż-żwieġ u tal-familja, l-ewwel
nett fl-Assemblea straordinarja
tal-2014, iddedikata lil
“L-isfidi pastorali tal-familja
fil-kuntest
tal-evanġelizzazzjoni”, u
mbagħad f’dik ordinarja tal-2015
fuq “Is-sejħa u l-missjoni
tal-familja fil-Knisja u
fid-dinja”. Din il-mixja intensa
waslet fil-milja tagħha
fl-Eżortazzjoni appostolika
postsinodali Amoris lætitia,
imxandra fid-19 ta’ Marzu 2016.
Dan l-istaġun sinodali wassal
lill-Knisja għal għarfien
imġedded tal-Vanġelu tal-familja
u tal-isfidi pastorali ġodda li
għalihom il-komunità Nisranija
hi msejħa twieġeb. Iċ-ċentralità
tal-familja fil-mixjiet ta’
“konverżjoni pastorali”[1]
tal-komunitajiet tagħha u ta’
“trasformazzjoni missjunarja
tal-Knisja”[2]
tesiġi li – anki fuq livell ta’
formazzjoni akkademika –
fir-riflessjoni fuq iż-żwieġ u
fuq il-familja – ma jonqsu qatt
il-ħarsa pastorali u
l-attenzjoni għall-ġrieħi
tal-bnedmin. Jekk ma nistgħux
nagħmlu approfondiment
tat-teoloġija pastorali li
jħalli l-frott u nwarrbu
l-profil partikulari li għandha
l-familja fil-Knisja,[3]
min-naħa l-oħra, din l-istess
sensibbiltà pastorali tal-Knisja
ma tistax ma tarax is-sehem
prezzjuż tal-ħsieb u
tar-riflessjoni li jgħarblu,
bl-iżjed mod approfondit u
rigoruż, il-verità
tar-Rivelazzjoni u l-għerf
tat-Tradizzjoni tal-fidi,
fid-dawl tal-aqwa intelliġenza
tagħha fil-preżent. “Il-ġid
tal-familja hu deċiżiv
għall-ġejjieni tad-dinja u
tal-Knisja.
[…]
Tajjeb li nħarsu b’attenzjoni
lejn ir-realtà konkreta, għax
dak li l-Ispirtu s-Santu jitlob
u jrid, juruhulna wkoll l-istess
ġrajjiet tal-istorja, li fihom
il-Knisja tista’ tasal biex
tifhem aħjar u aktar fil-fond
il-misteru taż-żwieġ u
tal-familja”.[4]
Il-bidla
antropoloġika-kulturali, li llum
tinfluwenza l-aspetti kollha
tal-ħajja u titlob viżjoni
analitika u diversifikata, ma
tħalliniex nillimitaw ruħna għal
prattiċi tal-pastorali u
tal-missjoni li jirriflettu
xejriet u mudelli tal-imgħoddi.
Irridu nkunu interpreti konxji u
appassjonati tal-għerf tal-fidi
f’kuntest li fih l-individwi
huma mwieżna wisq inqas milli
kienu fil-imgħoddi
mill-istrutturi soċjali,
fil-ħajja affettiva u familjari
tagħhom. Għalhekk, bil-fehma
ċara li nibqgħu fidili lejn
it-tagħlim ta’ Kristu, jeħtieġ
inħarsu, bl-intelliġenza
tal-imħabba u b’realiżmu għaref,
lejn ir-realtà tal-familja,
illum, fil-kumplessità kollha
tagħha, fid-dwal u fid-dellijiet
tagħha.[5]
Għal dawn ir-raġunijiet ħassejtu
xieraq li nagħti struttura
ġuridika ġdida lill-Istitut
Ġwanni Pawlu II, biex
“l-intuwizzjoni avangardista ta’
San Ġwanni Pawlu II, li ried
bis-saħħa kollha din
l-istituzzjoni akkademika, illum
[tista’]
tingħaraf aħjar u tiġi
apprezzata fil-frott u
l-attwalità tagħha”.[6]
Għalhekk, deherli li għandi
nwaqqaf Istitut Teoloġiku
għax-Xjenzi taż-Żwieġ u
l-Familja, u nwessa’ l-qasam ta’
interess, kemm fl-ordni
tad-dimensjonijiet ġodda
tad-dmir pastorali u
tal-missjoni ekkleżjali, u kemm
f’riferiment għall-iżviluppi
tax-xjenzi umani u tal-kultura
antropoloġika f’qasam hekk
fundamentali għall-kultura
tal-ħajja.
Art. 1
B’dan il-Motu proprju qed
inwaqqaf l-Istitut Pontifiċju
Teoloġiku Ġwanni Pawlu II
għax-Xjenzi taż-Żwieġ u
tal-Familja, li, marbut
mal-Università Pontifiċja
Lateranensi, qed jieħu post
l-Istitut Pontifiċju Ġwanni
Pawlu II għall-Istudji fuq
iż-Żwieġ u l-Familja, imwaqqaf
bil-Kostituzzjoni appostolika
Magnum Matrimonii sacramentum,
li għalhekk, issa jispiċċa.
Madankollu, hu dmir tagħna li
naraw li t-tnebbiħa oriġinarja
li tat il-ħajja lill-Istitut
għall-Istudji fuq iż-Żwieġ u
l-Familja li issa hu xolt,
tibqa’ tisseddaq fil-qasam usa’
ta’ ħidma tal-Istitut Teoloġiku
ġdid, u tikkontribwixxi
effikaċjament biex tagħmlu iżjed
korrispondenti b’mod sħiħ
għall-ħtiġijiet tal-missjoni
pastorali tal-Knisja fi żmienna.
Art. 2
L-Istitut il-ġdid sa jkun,
fil-qasam tal-istituzzjonijiet
pontifiċji, ċentru akkademiku
ta’ riferiment, għas-servizz
tal-missjoni tal-Knisja
universali, fil-qasam tax-xjenzi
li jolqtu ż-żwieġ u l-familja u
dwar it-temi marbuta mal-patt
fundamentali tar-raġel u
tal-mara għall-għożża
tat-tnissil u tal-ħolqien.
Art. 3
Ir-relazzjoni speċjali
tal-Istitut Teoloġiku ġdid
mal-ministeru u l-maġisteru
tas-Santa Sede tikseb valur
ikbar fir-relazzjoni
pprivileġġjata li se joħloq,
fl-għamliet li jintlaħaq qbil
reċiproku fuqhom,
mal-Kongregazzjoni
għall-Edukazzjoni Kattolika,
mad-Dikasteru għal-Lajċi,
il-Familja u l-Ħajja, u
mal-Akkademja Pontifiċja
għall-Ħajja.
Art. 4
§ 1.
L-Istitut Pontifiċju Teoloġiku,
kif imġedded, jadatta
l-istrutturi tiegħu u jagħmel
użu mill-għodda meħtieġa –
katedri, professuri, programmi,
personal amministrattiv – biex
iwettaq il-missjoni xjentifika u
ekkleżjali assenjata lilu.
§ 2.
L-awtoritajiet akkademiċi
tal-Istitut Teoloġiku huma
l-Gran Kanċillier, il-President
u l-Kunsill tal-Istitut.
§ 3.
L-Istitut
Teoloġiku għandu l-fakultà li
jagħti
iure proprio lill-istudenti
tiegħu dawn il-gradi akkademiċi:
id-Dottorat fix-Xjenzi fuq
iż-Żwieġ u l-Familja;
il-Liċenzja fix-Xjenzi fuq
iż-Żwieġ u l-Familja; id-Diploma
fix-Xjenzi fuq iż-Żwieġ u
l-Familja.
Art. 5
Dan kollu stabbilit minn dan
il-Motu proprju jiġi elaborat u
definit fl-Istatuti proprji,
approvati mis-Santa Sede. B’mod
partikulari, għandu jinstab
il-mod l-iżjed adatt biex
jiffaċilita l-koperazzjoni u
l-konfront, fil-qasam
tad-didattika u tat-tiftix, bejn
l-awtoritajiet tal-Istitut
Teoloġiku u dawk tal-Università
Pontifiċja Lateranensi.
Art. 6
Sa ma ssir l-approvazzjoni
tal-Istatuti l-ġodda, l-Istitut
Teoloġiku temporanjament għandu
jitmexxa min-normi statutorji
attwali fl-Istitut Ġwanni Pawlu
II għall-Istudji fuq iż-Żwieġ u
l-Familja, inkluża
l-istrutturizzazzjoni tiegħu
f’Sezzjonijiet u n-normi li
japplikaw, sakemm dawn ma jkunux
kuntrarji għal dan il-Motu
proprju.
Dan kollu li stabbilejt b’din
l-Ittra appostolika f’għamla ta’
Motu proprju, nordna li jiġi
osservat fil-partijiet kollha
tiegħu, minkejja kull ħaġa
kuntrarja, anki jekk jixirqilha
li tissemma b’mod speċjali, u
nordna li jiġi ppromulgat
permezz tal-pubblikazzjoni fuq
il-ġurnal ta’ kuljum
L’Osservatore Romano, u
jidħol fis-seħħ dakinhar
tal-promulgazzjoni, u li,
suċċessivament, jiġi mdaħħal fl-Acta
Apostolicæ Sedis.
Mogħti Ruma, f’San Pietru, fit-8
ta’ Settembru, Festa tat-Twelid
tal-Verġni Mqaddsa Marija,
tas-sena 2017, il-ħames
tal-Pontifikat tagħna.
Franġisku
miġjuba mit-Taljan għall-Malti
minn Francesco Pio Attard
[1]
Ara Eżortazzjoni
apppostolika
Evangelii gaudium,
26-32.
[3]
Ara Konċilju Ekumeniku
Vatikan II,
Kostituzzjoni dommatika
Lumen gentium,
11.
[4]
Eżortazzjoni appostolika
postsinodali Amoris
lætitia, 31; ara
Ġwanni Pawlu II,
Eżortazzjoni appostolika
postsinodali
Familiaris consortio,
4.
[5]
Ara Eżortazzjoni
appostolika postsinodali
Amoris lætitia,
32.
[6]
Diskors
lill-komunità akkademika
tal-Istitut Pontifiċju
Ġwanni Pawlu II
għall-Istudji fuq
iż-Żwieġ u l-Familja,
27 ta’ Ottubru 2016:
L’Osservatore Romano,
28 ta’ Ottubru 2016, p.
8
|