VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU FIR-RUMANIJA

(31 TA MEJJU - 2 TA ĠUNJU 2019)

LAQGĦA MAL-KOMUNITÀ ROM

TISLIMA TAL-PAPA

Kwartier Lautaro, Blaj
Il-Ħadd 2 ta’ Ġunju, 2109

 

Għeżież ħuti, il-waranofsinhar it-tajjeb!

Kuntent li qed niltaqa’ magħkom u rroddikom ħajr tal-akkoljenza.  Inti, Dun Ioan, m’inti żbaljat li tafferma dik-iċ-ċertezza tant minnha imma li daqstant ieħor spiss hi minsija: fil-Knisja ta’ Kristu hemm post għal kulħadd.  Kieku makienx hekk ma kinitx tkun il-Knisja ta’ Kristu.  Il-Knisja hi mkien ta’ laqgħa, u dan għandna bżonn niftakruh tajjeb mhux qiesu xi ‘slogan’ sabih imma bġala l-karta tal-identità tal-fatt li aħna nsara. Int fakkartulna meta semmejt bħala eżempju lill-Isqof martri Ioan Suciu, li b’ġesti konkreti, kien għaraf jgħaġen ix-xewqa ta’ Alla l-Missier li jiltaqa’ ma’ kull persuna bi ħbiberija u kondiviżjoni.  L-Evanġelju tal-ferħ jgħaddi permess tal-ferħ tal-laqgħa ma’ xulxin bl-għarfien li għandna Missier li jħobbna.  Minn ħarstu lejna nistgħu nifhmu kif għandna nħarsu lejn xulxin.  B’dan l-ispirtu jien ridt neħdilkom b’idejkom, inħares dritt f’għajnejkom, indaħħalkom f’qalbi, fit-talb tiegħi, bil-fiduċja li jien ukoll nidħol fit-talb tagħkom u fi qlubkom.

Imma għandi piż f’qalbi.  Il-piż tad-diskriminazzjoni, tas-segregazzjoni u tat-trattament ħażin li ġarrbet il-komunità tagħkom.  L-istorja tgħidilna li l-insara wkoll, anki l-kattoliċi, m’humiex għorba għal daqstant ħażen.  Irrid nitlob maħfra għal dan.  F’isem il-Knisja nitlob maħfra lill-Mulej u lilkom għal meta, tul il-mixja tal-istorja, wettaqna diskriminazzjoni magħkom, ittrattajnikom ħażin jew ħarsina lejkom b’mod żbaljat, bil-ħarsa ta’ Kajjin minflok dik ta’ Abel, u  ma kellniex ħila ntukom għarfien, napprezzawkom u niddefendukom bil-karaterristiċi tagħkom.  Kajjin ma jimpurtahx minn ħuh.  Mill-inidfferenza joktru l-preġudizzji u titkebbes il-korla.  Kemm drabi niġġudikaw bl-addoċċ, bi kliem li jweġġa’, b’atteġġjamenti li jiżirgħu il-mibegħda u jbegħedu!  Meta xi ħadd jitħalla l-art, il-familja umana tieqaf.  M’aħniex insara kif imiss, u lanqas umani, jekk ma nafux inħarsu lejn il-persuna qabel ma nħarsu lejn l-azzjonijiet tagħha, qabel il-ġudizzji u l-preġudizzji.

Fl-istorja tal-umanità dejjem hemm Kajjin u Abel.  Hemm l-id maħruġa u l-id li ssawwat.  Hemm il-ftuħ għal-laqgħa u l-għeluq tal-kunflitt.  Hemm l-akkoljenza u hemm l-iskart.  Hemm min fl-ieħor jara lil ħuh u min jarah bħala ostaklu fi triqtu.  Hemm iċ-ċiviltà tal-imħabba u dik tal-mibegħda.  Kuljum hemm għażla bejn Abel u Kajjin.  Qiesna f’salib it-toroq, quddiemna jkollna għażla deċisiva: li nterrqu t-triq tar-rikonċiljazzjoni jew dik tal-vendetta.  Nagħżlu t-triq ta’ Ġesù.  Hi triq li tgħejik, imma hi dik li tmexxik lejn il-paċi.  U tgħaddi mill-maħfra.  Ma nħallux il-mibegħda li tbaqbaq fina tkaxkarna magħha: xejn mibegħda.  Għax ebda ħażin ma jsewwi ieħor, ebda vendetta ma tissodisfa xi inġustizzja, ebda mibegħda ma tagħmel tajjeb għall-qalb, ebda tbegħid ma jqarreb.

Għeżież ħuti, intom bħala poplu għandkom tieħdu fuq spallejkom ir-rwol ta’ protagonisti u m’għandkomx tibżgħu taqsmu (mal-oħrajn) u toffrulhom il-karatteristiċi speċifiċi li jsawwrukom u li jimmarkaw il-mixja tagħkom, karatteristiċi li tant għandna bżonnhom: il-valur tal-ħajja u tal-familja f’sens wiesa (kuġini, zijiet, eċċ....); is-solidarjetà, l-ospitalità, l-għajnuna, is-sapport u d-difiża tal-aktar dgħajfa fi ħdan il-komunitajiet tagħhom; il-valorizzazzjoni u r-rispett tal-anzjani – dan hu valur kbir li għandkom intom -; is-sens reliġjuż tal-ħajja, l-ispontanjetà u l-kuntentizza tal-ħajja.  Lis-soċjetajiet li tgħixu fihom tħalluhomx neqsin minn dawn id-doni u kunu lesti biex tilqgħu ukoll dak kollu li hu tajjeb li joffrulkom jew iġibulkom l-oħrajn.  Għalhekk nixtieq nistedinkom biex timxu flimkien kull fejn tinsabu, ħalli tinbena dinja aktar umana li tmur ‘l hinn mill-biżgħat u mis-suspetti, u twaqqa’ l-ħitan li jifirduna mill-oħrajn billi titkattar il-fiduċja reċiproka, billi bil-paċenzja nfittxu l-fraternità li qatt m’hi fiergħa.

L-impenn għandu jkun li nimxu flimkien, bid-dinjità: id-dinjità tal-familja, id-dinjità li ta’ kuljum taqla’ ħobżok – dan hu li jmexxik ‘il quddiem – u d-dinjità tat-talb.  Dejjem b’ħarsitna ‘l quddiem (cfr Laqgħa ta’ talb mal-poplu Rom u Sinti, 9 ta’ Mejju, 2019).

Din hija l-aħħar laqgħa tiegħi fir-Rumanija.  Ġejt f’dal-pajjiż sabih u akkoljenti, ġejt bħala pellegrin u ħukom biex niltaqa’ magħkom.  Iltqajt magħkom, iltqajt ma’ ħafna nies, biex nibni pont bejn qalbi u qalbkom.  U issa sejjer lura d-dar, mogħni, u miegħi se nġorr l-imkejjen u l-waqtiet, imma fuq kollox se nieħu miegħi l-uċuħ tagħkom.  L-uċuħ tagħkom ilewwnu t-tifkiriet tiegħi u jiżgħedu t-talb tiegħi.  Irrodilkom ħajr, se neħodkom miegħi.  U issa se nberikkom, imma qabel se nitlobkom pjaċir kbir: biex titolbu għalija.  Grazzi!

(Reċita tat-talba tal-Missierna bir-Rumen)

Issa se ntikom il-barka.  U rrid inbierek lill-familja kollha tagħkom, lil-ħbiebkom kollha, lil kull minn tafu.

(Barka)

A presto!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber