VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FIR-RUMANIJA

31 TA’ MEJJU - 2 TA’ ĠUNJU 2019

LAQGĦA MAS-SINODU PERMANENTI TAL-KNISJA ORTODOSSA RUMENA

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU

Palazz tal-Patrijarkat (Bucarest)
Il-
Ġimgħa, 31 ta’ Mejju, 2019

 

Santità, meqjuma Metropoliti u Isqfijiet tas-Santu Sinodu,

Cristos a înviat! (Kristu qam mill-mewt!).  Il-qawmien tal-Mulej hu l-qofol tal-aħbar appostolika, li ntiret u kien imħares u mill-Knejjes tagħna.  F’jum l-Għid l-Appostli ferħu meta raw lill-Mulej Irxoxt (cfr Ġw 20,20).  F’daż-żmien tal-Għid jien ukoll inħossni hieni xħin nikkkontempla rifless ta’ dan fuq wiċċkom, għeżież ħuti.  Għoxrin sena ilu, lil dan is-Sinodu l-Papa Ġwanni Pawlu II kien qallu: “Ġejt biex nikkontempla l-Wiċċ ta’ Kristu mnaqqax fil-Knisja tagħkom; ġejt inqim dan il-wiċċ sofferenti, rahan ta’ tama mġedda” (San Ġwanni Pawlu II, Diskors lill-Patrijarka Teoctist u lis-Santu Sinodu, 8 ta’ Mejju, 1999: Insegnamenti XXII, 1, 1999, 938).  Jiena wkoll illum, ġejt hawn pellegrin, pellegrin ħukom, bix-xewqa li nara l-wiċċ tal-Mulej fil-wiċċ ta’ ħuti; u jien u nħares lejkom irroddilkom ħajr minn qiegħ qalbi għall-akkoljenza li tajtuni.

Ir-rabtiet ta’ fidi li jgħaqqduna jmorru lura għal żmien l-Appostli, xhieda tal-Irxoxt, partikolarment ir-rabta li kienet tgħaqqad lil Pietru u lil Indrì, li skont it-tradizzjoni, kien hu li ġab il-fidi f’dawn l-artijiet.  Dawn kienu aħwa fid-demm (cfr Mk 1,16), u, b’mod singolari, fit-tixrid ta’ demmhom għall-Mulej.  Huma jfakkruba li teżisti fraternità tad-demm il ġejja mil-qedem u li bħal nixxiegħa siekta li tagħti l-ħajja, matul is-sekli qatt ma waqfet issaqqi u ssostni l-mixja tagħna.

Hawnhekk – bħal f’bosta nħawi oħra fi żmienna – intom ġarrabtu l-Għid tal-mewt u l-qawmien: tant ulied ta’ dal-pajjiż, ta’ Knejjes varji u ta’ komunitajiet kristjani, ġarrbu l-jum tal-Ġimgħa tal-persekuzzjoni, għaddew is-Sibt tas-skiet, għexu l-jum tal-Ħadd tal-qawmien mill-ġdid.  Kemm martri u konfessuri tal-fidi!, fi żminijiet reċenti ħafna, u minn diversi konfessjonijiet, kienu jinsabu wieħed ħdejn l-ieħor fil-ħabsijiet iwieżnu ‘l xulxin.  L-eżempju tagħhom illum jinsab quddiemna u quddiem il-ġenerazzjonijiet il-ġodda li ma għexux f’dawk il-kundizzjonijiet drammatiċi.  Dak li huma batew għalih, sa ma taw ħajjithom, huwa wirt wisq prezzjuz biex jintesa jew ma jingħatax ġieħ.  U dak hu wirt komuni li jsejħilna biex ma nitbegħedux minn ħuna li jemmen bħalna.  Magħqudin fi Kristu fit-tbatija u n-niket, magħqudin ma’ Kristu fil-Qawmien sabiex “inkunu nistgħu nimxu lejn ħajja ġdida” (Rm 6, 4).

Sanitità, għażiż ħija, il-laqgħa bejn il-predeċessuri tagħna għoxrin sena ilu, kienet rigal paskwali, avveniment li ta kontribut mhux biss biex jerġgħu jwarrdu r-relazzjonijiet bejn l-ortodossi u l-kattoliċi fir-Rumanija, imma wkoll id-djalogu bejn kattoliċi u ortodossi b’mod ġenerali.  Dak il-vjaġġ, li għall- ewwel darba isqof ta’ Ruma kien iddedika lil pajjiż b’maġġoranza ortodossa, kien fetaħ it-triq għal aktar laqgħat simili.  Nixtieq infakkar bi gratitudni lill-Patrijarka Teoctist.  Kif inhu possibbli tinsa l-għajta spontanja “Unitate, unitate!”, li għoliet ‘il fuq f’Bucarest f’dawk il-jiem?  Kienet aħbar ta’ tama li ħarġet  mill-poplu t’Alla, profezija li nawgurat żmien ġdid: iż-żmien tal-mixi flimkien li fih sibna mill-ġdid, u reġgħet tlaħħmet il-fraternità li diġà kienet tgħaqqdna. U dan diġà hu unitate.

Nimxu flimkien bis-saħħa tal-memorja.  Mhux il-memorja tal-inġustizzji li ġarrabna jew li għamilna, tal-ġudizzji u l-preġudizzji, tal-iskomunika, li jagħlquna f’ċirku vizzjuz u jġagħaluna nieħdu atteġġjamenti sterili, iżda l-memorja tal-għeruq: l-ewwel sekli li fihom l-Evanġelju, imħabbar bla xkiel u bi spirtu ta’ profezija, iltaqa’ u dawwal popli u kulturi ġodda; l-ewwel sekli tal-martri, tal-Missirijiet u tal-konfessuri tal-fidi, tal-qdusija tal-ħajja ta’ kuljum mgħejxha bix-xhieda ta’ tant persuni sempliċi li kellhom jgħaqqadhom flimkien it-twemmin fl-istess Kristu.  L-ewwel sekli tat-tħabbir ħieles u tal-profezija.  Għall-grazzja t’Alla l-għeruq tagħna huma sani, sani u sodi, u anki jekk huma w jikbru sofrew it-tgaħwwiġ u l-inċidenti tat-triq, aħna msejħin, bħas-salmista, biex ikollna memorja grata ta’ dak li għamel fina l-Mulej, sabiex nerfgħu lejh innu ta’ tifħir għal xulxin (Salm 77, 6.12-13).  It-tifkira tal-passi li għamilna flimkien jinkoraġġina biex inkomplu mexjin lejn il-ġejjieni bl-għarfien – żgur – tad-differenzi ta’ bejnietna imma fuq kollox bl-azzjoni tal-grazzji tal-atmosfera familjari li rridu nerġgħu niskopru, bil-fakra tal-komunjoni  li jeħtieġ nerġgħu nqajjmu, li, bħall-fanal titfa’ d-dawl fuq il-passi tal-mixja tagħna.

Aħna wkoll jeħtieġ li nisimgħu lill-Mulej flimkien, l-aktar f’dawn iż-żminijiet reċenti, illi fihom it-toroq tad-dinja mxew lejn tibdil soċjali u kulturali mgħaġġel.  Kienu bosta li gawdew mill-iżvilupp tekonoloġiku u mill-għana ekonomiku, imma l-ħafna baqgħu barra ineżorabbilment, filwaqt li l-globaliżżazzjoni sfat ta’ kontribut biex jitqaċċtu mill-għeruq il-valuri tal-popli, tidgħajjef l-etika u l-ħajja flimkien, u fiż-żminijiet reċenti, kollox tniġġez b’sens ta’ biża’ dejjem jinfirex, li spiss, imrewwaħ apposta, iressaq lejn atteġġjamenti ta’ għeluq u stmelllija.  Jeħtieġ ngħinu lil xulxin biex ma nċedux għas-seħer tal-”kultura tal-mibegħda”, kultura individwalista li, forsi mhux tant ideoloġika bħal fi żmien il-persekuzzjoni ateista, imma madankollu hi aktar perswassiva u xejn anqas materjalista.  Spiss, din tippreżenta dak li jidher immedjat u riżoluttiv bħala mezz ta’ svilupp, imma fil-fatt hija indifferenti u superfiċjali.  Id-dgħufija tar-rabtiet, li tispiċċa biex tiżola lill-persuna, tħalli effett partikolarment fuq iċ-ċellula fundamentali tas-soċjetà, il-familja, u titlob minna sforz biex noħorġu u mmorru niltaqgħu mat-taħbit ta’ ħutna, speċjalment l-aktar żgħar, mhux skoraġġiti u bin-nostaliġija bħad-dixxipli ta’ Għemmaws, imma bix-xewqa li nwasslu lil Ġesù Rxoxt, il-qofol tat-tama.  Jeħieġ li flimkien ma’ ħuna, nġeddu s-smigħ ta’ kliem il-Mulej, sabiex il-qlub jitkebbsu lkoll flimkien u l-aħbar ma tiddgħajjifx (cfr vv. 32.35).  Għandna bżonn inħallu qalbna titkebbes aktar bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.

Il-mixja tilħaq l-iskop tagħha, bħal f’Għemmaws, bis-saħħa tat-talb insistenti sabiex il-Mulej jibqa’ magħna (cfr vv. 30-31), issejħilna għall-karità, biex inservu flimkien; biex “nagħtu lil Alla” qabel ma’ “ngħidu Alla”; biex fil-ġid ma nibqgħux passivi, imma nkunu dejjem lesti biex inqumu u mmorru, attivi u kollaborattivi (cfr v. 33).  F’das-sens għalina huma ta’ eżempju l-bosta komunitajiet ortodossi Rumeni li, kull fejn jinsabu, jikkollaboraw b’mod eċċellenti ma’ bosta djoċesijiet kattoliċi tal-Ewropa tal-punent.  F’ħafna każi nħolqot relazzjoni ta’ fuduċja u ħbiberija reċiproka msejsa fuq il-fratellanza u mantnuta b’ġesti konkreti ta’ akkoljenza, sapport u solidarjetà.  Permezz ta’ dawn il-laqgħat, ħafna kattoliċi u ortodossi Rumeni skoprew li mhuxmiex għorba għal xulxin, imma aħwa u ħbieb.

Nimxu flimkien lejn Pentekoste ġdida.  Il-vjaġġ li qed jistenniena jibda mill-Għid u jasal għall-Pentekoste: minn dik l-għodwa paskwali ta’ għaqda, li tqanqlet hawn għoxrin sena ilu, aħna ninsabu fit-triq ta’ Pentekoste ġdida.  Għad-dixxipli l-Għid kien sinjal ta’ mixja ġdida, li fiha, madankollu, ma kienux għebu l-biżgħat u l-inċertezzi.  Hekk baqgħu sal-Pentekoste meta, miġburin madwar l-Omm Qaddisa ta’ Alla, l-Appostli, fi Spirtu wieħed u fi pluralità u għana ta’ lingwi, taw xhieda tal-Irxoxt bil-kelma u bil-ħajja.  Il-mixja tagħna reġgħet bdiet miċ-ċertezza li fejnna hemm ħuna li jaqsam magħna l-fidi mibnija fuq il-qawmien tal-istess Mulej.  Mill-Għid sal-Pentekoste: żmien li fih ninġabru fit-talb taħt il-protezzjoni  tal-Omm Qaddisa ta’ Alla, ninvokaw lill-Ispirtu s-Santu fuq għal xulxin.  Jalla l-Ispirtu s-Santu jġeddidna, Hu li jistmell l-uniformità u jħobb isawwar l-għaqda fid-diversità l-aktar sabiħa u armonjuża.  Jalla n-nar tiegħu jikkonsma n-nuqqas ta’ fiduċja tagħna f’xulxin; ir-riħ tiegħu jtajjar minn fostna l-ħabi li ma jħalliniex nagħtu xhieda tal-ħajja ġdida li qed joffrielna.  Hu, l-awtur tal-fraternità, jalla jtina l-grazzja li nimxu flimkien.  Jalla Hu, ħallieq tan-novitajiet, itina l-kuraġġ biex nesperimentaw toroq mhux imterrqa ta’ kondiviżjoni u missjoni.  Jalla Hu, qawwa tal-martri, jgħinna biex is-sagrifiċċju tagħhom ma nħalluhx isir ħawli.

Santità u għeżież Ħuti, ejjew nimxu flimkien b’tifħir lis-Santissma Trinità sabiex inkunu ta’ vantaġġ għal xulxin ħalli ngħinu lil ħutna jaraw lil Ġesù.  Inġedded il-gratitudni tiegħi lejkom u niżgurakom minn imħabbti, il-ħbiberija tiegħi, il-fratellanza u t-talb tiegħi u tal-Knisja Kattolika.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber