VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FIR-RUMANIJA

(31 TA’ MEJJU - 2 TA’ ĠUNJU 2019)

LAQGĦA MAL-AWTORITAJIET, MAS-SOĊJETÀ ĊIVILI U L-KORP DIPLOMATIKU

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU

Sala Unirii fil-Palazz Cotroceni (Bucarest)
Il-Ġimgħa, 31 ta’ Mejju, 2019

 

Sur President,
Si
njura Prim Ministru,
Santità,
Illustri Membri
tal-Korp Diplomatiku,
Distint
i Awtoritajiet,
Distinti
Rappreżentanti tal-Konfessjonijiet Reliġjużi u tas-soċjetà ċivili,

 

Għeżież ħuti,

Tislima minn qiegħ qalbi u radd il-ħajr lis-Sur President u lis-Sinjura Prim Ministru tal-istedina biex inżur ir-Rumanija u għall-kliem ġentili ta’ merħba li ndirizzajtuli, anki f’isem l-awtoritajiet tan-nazzjon u tal-poplu maħbub tagħkom.  Insellem lil-membri tal-Korp Diplomatiku u lir-rappreżentanti tas-soċjetà  ċivili miġbura hawhnhekk.

Insellem bi mħabba fraterna lil ħija Danjel.  B’qima nsellem lill-Metropoliti kollha u lill-Isqfijiet tas-Santu Sinodu u lill-fidili kollha tal-Knisja Ortodossa Rumena.  Insellem minn qalbi lill-Isqfijiet, lis-saċerdoti, lir-reliġjużi rġiel u nisa u lill-membri kollha tal-Knisja Kattolika, li ġejt biex nikkonfermahom fil-fidi u biex inseddqilhom il-ħeġġa fil-mixja tal-ħajja u ta’ xhieda kristjana.

Hieni li ninsab hawn f’din l-art sabiha tagħkom għoxrin sena wara ż-żjara ta’ San Ġwanni Pawlu II, u fiż-żmien meta r-Rumanija – għall-ewwel darba minn mindu saret membru tal-Unjoni Ewropea – qed tippresjiedi dan is-semestru tal-Kunsill Ewropew.

Dan hu l-waqt propizju biex flimkien nagħtu ħarsa lejn it-tletin sena li għaddew minn mindu r-Rumanija ħelset mir-reġim li kien jaħkimha, jgħakkes il-libertà ċivili u reliġjuża, li kien iżolaha mill-pajjiżi ewropej l-oħra, u li kien wassal għall-istaġnar tal-ekonomija tagħha u ġab fix-xejn il-forzi kreattivi tagħha.  Matul daż-żmien ir-Rumanija kienet impenjata sfiq biex tibni proġett demokratiku bis-saħħa tal-pluraliżmu u ta’ forzi politiċi u soċjali u d-djalogu reċiproku ta’ bejniethom, sabiex jingħata għarfien fundamentali lill-libertà reliġjuża u t-twaħħid sħiħ tal-pajjiż ma’ xenarju internazzjonali aktar wiesa.  Importanti jingħata għarfien għall-bosta passi ‘l quddiem li saru f’dan is-sens, minkejja d-diffikultajiet kbar u s-sagrifiċċji.  Ir-rieda li jsir progress f’diversi oqsma tal-ħajja ċivili, soċjali u xjentifika xegħel l-enerġiji u ta bidu għall-proġetti, illibera l-forzi kreattivi li kien ilhom żmien ilsiera u ta spinta ġdida lill-bosta inizjattivi li ttieħdu, biex daħħlu lill-pajjiż fis-seklu XXI.  Ninkoraġġikom biex tkomplu taħdmu ħalli ssaħħu l-istrutturi u l-istituzzjonijiet meħtieġa mhux biss biex ikunu tweġiba għall-aspirazzjonijiet ġusti taċ-ċittadini, imma wkoll biex ikunu stimolu ħalli l-poplu tagħkom ikun f’kundizzjoni li jesprimi l-potenzjal tiegħu kollu u t-talent li nafu li għandu.

Fl-istess waqt jeħtieġ nammettu li t-trasformazzjonijiet li kienu meħtieġa minħabba l-ftuħ tal-era l-ġdida qanqlu magħhom – flimkien mal-kisbiet pożittivi – ostakli inevitabbli li kien hemm bżonn jingħelbu, bil-konsegwenza li mhux dejjem kienet ħaġa faċli għall-amministrazzjoni tat-territorju biex jimmaniġjawhom u fl-istess ħin iżommu l-istabbiltà soċjali.  Qed naħseb l-ewwel ħaġa fil-fenomenu tal-immigrazzjoni li laqat diversi miljuni ta’ persuni li ħallew djarhom u l-patrija biex ifittxu opportunitajiet ġodda ta’ xogħol u ħajja dinjituża.  Qed naħseb fil-bosta villaġġi li żvujatw min-nies, li fi ftit snin raw il-biċċa l-kbira tal-abitanti tagħhom jitilqu; qed naħseb fil-konsegwenzi li dan kollu seta’ ġab fuq il-kwalità tal-ħajja f’dawk it-territorji u d-dgħajfien tal-wirt kulturali u spiritwali mill-aktar għani li kien sostniekom fil-waqtiet l-aktar koroħ u fil-kuntrarju.  Nagħti ġieħ  lis-sagrifiċċji ta’ tant ulied ir-Rumanija li bil-kultura tagħhom, bil-patrimonju tal-valuri u bil-ħdima tagħhom, jagħnu lill-pajjiżi li fihom ikunu emigraw; u bil-frott tal-impenn tagħhom jgħinu familji oħra li jkunu baqgħu f’pajjiżhom.  Li taħseb f’ħutek li jinsabu f’art barranija hu att ta’ patrijottiżmu, att ta’ fratellanza, att ta’ ġustizzja.  Komplu għamluh dan.

Biex ikunu ffaċċjati l-problemi ta’ dil-fażi storika ġdida, biex jinstabu s-soluzzjonijiet effikaċi u l-forza biex jitqiegħdu fis-seħħ, jeħtieġ li tikber il-kollaborazzjoni pożittiva bejn il-forzi politiċi, ekonomiċi, soċjali u spiritwali; jeħtieġ mixja flimkien, mixja fl-għaqda, u li kulħadd iwiegħed lilu nnifsu b’konvinzjoni li m’għandux jiċħad il-vokazzjoni l-aktar nobbli li l-istat għandu jaspira għaliha: li jieħu fuq spallejh ir-responsabbiltà tal-ġid komuni tal-poplu tiegħu.  Il-mixja flimkien bħala mezz li bih tissawwar l-istorja jitlob iċ-ċaħda nobbli ta’ xi aspett/aspetti tal-veduti individwali jew tal-interess personali speċifiku a favur ta’ mudell aktar wiesa, b’mod li tinħoloq armonija li tippermetti mixja żgura lejn għanijiet maqbula.  Dan hu l-pedament tan-nobbiltà.

B’dal-mod tkun tista’ tinbena soċjetà inklussiva li fiha, filwaqt li kulħadd iqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ kulħadd il-ħiliet u l-kompetenzi tiegħu permezz ta’ edukazzjoni ta’ kwalità u xogħol kreattiv, parteċipattiv u solidali (Eġ. App. Il-Ferħ tal-Vanġelu, 192), isir protagonista tal-ġid komuni; soċjetà li fiha l-aktar dgħajfa, l-ifqar u tal-aħħar ma jitqiesux bħala persuni mwarrba, qieshom ostaklu li jxekkel “il-magna” tal-mixja, imma jitqiesu bħala ċittadini, aħwa, li bi dritt għandhom posthom fil-ħajja ċivili; anzi, jibdew jitqiesu bħala l-aħjar kejl ta’ kemm verament hu tajjeb il-mudell tas-soċjetà li tkun qed tinbena.  Infatti, aktar ma’ tkun għall-qalb is-soċjetà x-xorti tal-aktar svantaġġjanti, aktar is-soċjetà tkun tista’ tqis lilha nfisha ċivili.

Jeħtieġ li dan kollu jkolllu ruħ u qalb u direzzjoni ċara ‘l fejn miexi, direzzjoni li ma tkunx imposta minn kunsiderazzjonijiet ġejjin minn barra jew mis-setgħa dominanti taċ-ċentri l-kbar tal-fininzi, imma mill-għarfien taċ-ċentralità tal-persuna umana u tad-drittijiet inaljenabbli tagħha (cfr ibid, 203).  Biex l-isżvilupp sostenibbli jkun bilanċjat, biex is-solidarjetà u l-karità jkunu attwati konkretament, biex il-forzi soċjali, ċivili u politiċi jkunu sensibilizzati għall-ġid komuni, mhux biżżejjed li jkunu aġġornati t-teoriji ekonomiċi u lanqas huma biżżejjed it-teknika u l-ħiliet professjonali.  Infatti dan ifisser li flimkien mal-qagħda materjali, tisviluppa wkoll ir-ruħ tal-poplu tagħkom; għax il-popli għandhom ruħ, għandhom il-mod tagħhom kif jifhmu r-realtà.  Biex poplu jimxi ‘l quddiem jeħtieġ dejjem induru lejn ir-ruħ tal-poplu tagħna.

F’das-sens, il-Knejjes insara jistgħu jgħinu biex tinstab mill-ġdid u titmantna l-qalb li tħabbat, li minnha tinbet azzjoni politika u soċjali li tibda mid-dinjità tal-persuna u twassal għal impenn leali u ġeneruz lejn il-ġid komuni tal-kollettività.  Fl-istess ħin, huma jagħmlu ħilithom kollha biex isiru rifless kredibbli u xhieda attraenti tal-ħidma t’ Alla biex b’hekk, bejniethom jinbtu l-ħbiberija vera u l-kollaborazzjoni.  Il-Knisja kattolika trid tikkollabora f’dan, trid tagħti l-kontribut tagħha fil-bini tas-soċjetà, tixtieq tkun sinjal ta’ armonija, ta’ tama u ta’ għaqda u tkun ta’ servizz għad-dinjità umana u għall-ġid komuni.  Fi ħsiebha tikkollabora mal-awtoritajiet, mal-Knejjes l-oħra u mal-bnedmin kollha ta’ rieda tajba biex timxi flimkien magħhom u tqiegħed it-talenti tagħha għas-servizz tal-komunità.  Il-Knisja kattolika mhix stranġiera,  imma għandha sehem sħiħ fl-ispirtu nazzjonali, fil-ħolqien u l-isvilupp ta’ strutturi ta’ edukazzjoni integrali u għamliet ta’ assistenza tipiċi ta’ stat modern.  Għalhekk hi tixtieq tagħti l-kontribut sħiħ tagħha fil-bini tas-soċjetà u tal-ħajja ċivili u spiritwali tal-art sabiħa tagħkom tar-Rumanija.

Sur President,

filwaqt li nawgura lir-Rumanija prosperità u paċi, ninvoka fuqek, fuq il-fmailja tiegħek, fuq il-persuni kollha hawn preżenti kif ukoll fuq il-popolazzjoni kollha tal-pajjiż, l-abbundana tal-barkiet divini u l-protezzjoni tal-Omm Qaddisa ta’ Alla.

Alla jbierek lir-Rumanija!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber