VJAĠĠ APPOSTOLIKU F’RIO DE JANEIRO

FL-OKKAŻJONI TAT-XXVIII JUM DINJI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

 

VELJA TA’ TALB MAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 

Xatt ta’ Copacabana, Rio de Janeiro

Is-Sibt 27 ta’ Lulju 2013

 

 

Għeżież żgħażagħ,

 

Jiena u nħares lejkom hawn preżenti l-lum, tiġini f’moħħi l-istorja ta’ San Franġisk ta’ Assisi.  Quddiem il-Kurċifiss jisma’ l-leħen ta’ Ġesù jgħidlu: “Franġisku, mur u sewwi d-dar tiegħi”.  U ż-żagħżugħ Franġisku jwieġeb minnufih u b’ġenerożità għal din is-sejħa tal-Mulej: li jsewwi d-dar tiegħu.  Imma liema dar?  Ftit ftit jintebaħ li dan ma kienx ifisser li jagħmilha ta’ bennej u jsewwi l-binja magħmula mill-ġebel, imma li jagħti l-kontribut tiegħu b’riżq il-ħajja tal-Knisja; kien ifisser li jingħata għas-servizz tal-Knisja, iħobbha u jħabrek biex fiha jkun rifless dejjem iżjed il-Wiċċ ta’ Kristu.

 

Anki l-lum il-Mulej għad għandu bżonn tagħkom iż-żgħażagħ għall-Knisja tiegħu.  Għeżież żgħażagħ, il-Mulej għandu bżonnkom!  Anki l-lum hu qed isejjaħ lil kull wieħed u waħda minnkom biex timxu warajh fil-Knisja tiegħu u biex tkunu missjunarji.  Għeżież żgħażagħ, il-Mulej il-lum qed isejħilkom!  Mhux il-mases!  Imma lilek, lilek, lilek, lil kull wieħed u waħda.  Isimgħu f’qalbkom dak li jrid jgħidilkom.  Naħseb li nistgħu nitgħallmu xi ħaġa minn dak li seħħ f’dawn il-jiem, minn kif, minħabba l-maltemp, kellna nħassru din il-Velja mill-“Campus Fidei”, fi Guaratiba.  Forsi dan m’hux il-Mulej li jrid jgħidilna li l-vera għalqa tal-fidi, il-veru “Campus Fidei”, m’hux post ġeografiku, imma aħna stess?  Iva!  Hekk hu!  Kull wieħed u waħda minna, kull wieħed u waħda minnkom, jiena, kulħadd!  U li tkun dixxiplu missjunarju jfisser li nkunu nafu li aħna l-Għalqa tal-Fidi ta’ Alla!  Għaldaqstant, nitlaq minn din ix-xbieha ta’ l-Għalqa tal-Fidi biex nirrifletti fuq tliet xbihat li jistgħu jgħinuna nifhmu aħjar xi jfisser tkun dixxiplu-missjunarju: l-ewwel xbieha, l-għalqa bħala post fejn wieħed jiżra’; it-tieni, l-għalqa bħala post ta’ taħriġ; it-tielet, l-għalqa bħala sît tal-bini.

 

1. L-ewwel: L-għalqa bħala post fejn wieħed jiżra’.  Ilkoll nafuha l-parabbola ta’ Ġesù li tirrakkonta kif il-bidwi ħareġ jiżra’; xi żerriegħa waqgħet fil-mogħdija, qalb il-blat, f’nofs ix-xewk u ma rnexxilhiex tinbet; imma żerriegħa oħra waqgħet fuq art tajba u għamlet ħafna frott (ara Mt 13:1-9).  Ġesù nnifsu jagħti t-tifsira tal-parabbola: iż-żerriegħa hi l-Kelma ta’ Alla li hu jitfa’ fil-qlub tagħna (ara Mt 13:18-23).  Il-lum… kuljum, imma l-lum b’mod speċjali, Ġesù qed jiżra’.  Meta nilqgħu l-Kelma ta’ Alla, allura nsiru l-Għalqa tal-Fidi.  Nitlobkom, ħallu lil Kristu u l-Kelma tiegħu jidħlu fil-ħajja tagħkom, ħallu ż-żerriegħa tal-Kelma ta’ Alla tidħol fikom, ħalluha tinbet, ħalluha tikber.  Alla hu li jagħmel kollox, imma intom ħalluh jaħdem, ħallu lilU jaħdem f’dan il-proċess ta’ tkabbir!

 

Ġesù jgħidilna li ż-żerriegħa li waqgħet fuq il-ġenb tal-mogħdija jew qalb il-blat inkella f’nofs ix-xewk, din ma tatx frott.  Nemmen li, bl-onestà kollha, nistgħu nagħmlu din il-mistoqsija lilna nufsna: Xi kwalità ta’ art aħna, x’tip ta’ art nixtiequ nkunu?  Forsi xi kultant aħna bħall-mogħdija: nisimgħu lill-Mulej, imma dan ma jibdel xejn f’ħajjitna, għax inħallu jdallmulna moħħna tant sejħat superfiċjali li nisimgħu.  Jien nistaqsikom, imma tweġbux issa, kull wieħed u waħda jwieġeb fil-qalb tiegħu: Jien żagħżugħ, żagħżugħa, stordut?  Jew aħna bħall-art kollha blat: nilqgħu bil-ħeġġa lil Ġesù, imma m’aħniex sodi quddiem id-diffikultajiet u m’għandniex il-kuraġġ li nimxu kontra l-kurrent.  Kull wieħed u waħda minna jwieġeb fil-qalb tiegħu: Għandi l-kuraġġ jew jien beżżiegħ?  Jew aħna bħall-art mimlija xewk: il-ħwejjeġ, il-passjonijiet negattivi joħonqu l-kelma ta’ Alla li hemm fina (ara Mt 13:18-22).  Jaqaw f’qalbi mdorri nġib ruħi issa mod u issa ieħor: nipprova nidher sabiħ ma’ Alla u nidher sabiħ max-Xitan?  Irrid nirċievi ż-żerriegħa ta’ Ġesù u fl-istess ħin insaqqi x-xewk u l-ħaxix ħażin li jinbet fil-qalb tiegħi?  Il-lum, imma, jiena ċert li ż-żerriegħa tista’ taqa’ fuq art tajba.  Qed nisimgħu dawn ix-xhieda, kif iż-żerriegħa waqgħet fuq art tajba.  “Le, Dun, jien m’iniex art tajba, jiena diżastru, jiena mimli blat, xewk, minn kollox”.  Iva, jista’ jkun li hemm minn dan fil-qoxra, imma int agħmel ftit wisa’ għal roqgħa ċkejkna ta’ art tajba, u ħalliha taqa’ hemm u tara kif tinbet.  Jiena naf li intom tridu tkunu art tajba, Insara ta’ veru, mhux Insara part-time; mhux Insara “illamtati”, maqtugħin, hekk li minn barra jagħmluha ta’ Nsara imma, minn taħt, ma jagħmlu xejn; mhux Insara tal-qoxra, dawk l-Insara li għandhom “dehra pura”, imma Nsara awtentiċi.  Naf li intom ma tridux tgħixu fl-illużjoni ta’ libertà inkonsistenti li tinġarr mill-moda u l-konvenjenzi tal-mument.  Naf li intom timmiraw fl-għoli, lejn għażliet defenittivi li jagħtu sens sħiħ lill-ħajja.  Hekk hu?  Jew għandi żball?  Hekk hu?  Tajjeb, jekk hu hekk, nagħmlu ħaġa: ilkoll fis-skiet, inħarsu lejn qalbna u kull wieħed u waħda minna jgħid lil Ġesù li jixtieq jirċievi din iż-żerriegħa.  Għidulu lil Ġesù: Ħares, Ġesù, kemm hawn ġebel, ara x-xewk, ara l-ħaxix ħażin, imma ħares lejn din ir-roqgħa ċkejkna ta’ art li qed noffrilek biex fiha tpoġġi ż-żerriegħa.  Fis-skiet, inħallu ż-żerriegħa ta’ Ġesù tinfed.  Ftakruh dan il-mument, kull wieħed u waħda minnkom jaf l-isem ta’ dik iż-żerriegħa li rċieva.  Ħalluha tikber, u Alla jieħu ħsiebha hu.

 

2. L-għalqa.  L-għalqa, barra li hi post ta’ żrigħ, hi post ta’ taħriġ.  Ġesù jitlobna nimxu warajh tul ħajjitna kollha, jitlobna nkunu dixxipli tiegħu, “nilagħbu fit-tîm tiegħu”.  Il-parti l-kbira minnkom tħobbuh l-isport.  U hawn fil-Brażil, bħal f’pajjiżi oħra, il-logħob tal-ballun hu passjoni nazzjonali.  Iva jew le?  Tajjeb, mela x’jagħmel plejer meta jiġi msejjaħ biex jagħmel parti minn tîm?  Hemm bżonn jitħarreġ, u jitħarreġ ħafna!  Hekk hi ħajjitna bħala dixxipli tal-Mulej.  San Pawl, huwa u jiddeskrivi l-Insara, jgħidilna: “Kull atleta jiċċaħħad minn kollox, u dawn biex jirbħu kuruna midbiela, imma aħna, waħda li ma tidbielx” (1 Kor 9:25).  Ġesù joffrilna xi ħaġa bil-wisq aqwa mit-Tazza tad-Dinja!  Xi ħaġa aqwa mit-Tazza tad-Dinja!  Ġesù joffrilna l-possibbiltà ta’ ħajja li tagħmel il-frott, ta’ ħajja hienja, u joffrilna wkoll futur flimkien miegħU li m’għandux tmiem, fil-ħajja ta’ dejjem.  Dan hu li joffrilna Ġesù.  Imma jitlobna nħallsu l-biljett tad-dħul, u l-biljett tad-dħul hu li aħna nitħarrġu biex inkunu “in forma”, biex naffrontaw bla biża’ s-sitwazzjonijiet kollha tal-ħajja, billi nagħtu xhieda tal-fidi tagħna.  Dan permezz tad-djalogu miegħU: it-talb.  Dun, issa se ġġegħilna nitolbu kollha?  Le?  Nistaqsikom… imma wieġbu fil-qalb tagħkom, mhux b’leħen għoli, imma fis-skiet: Jiena nitlob?  Kull wieħed u waħda jwieġeb hu fil-qalb tiegħu.  Jien nitkellem ma’ Ġesù?  Jew nibża’ mis-silenzju?  Inħallih lill-Ispirtu s-Santu jitkellem fil-qalb tiegħi?  Nitolbu lil Ġesù: Xi trid li jiena nagħmel?  Xi trid minn ħajti?  Dan hu t-taħriġ.  Staqsuh lil Ġesù, tkellmu ma’ Ġesù.  U jekk fil-ħajja tagħmlu xi żball, jekk tiżolqu xi waħda, jekk tagħmlu xi ħaġa ħażina, tibżgħux.  Ġesù, ara x’għamilt!  Issa xi rrid nagħmel?  Imma tkellmu dejjem ma’ Ġesù, fit-tajjeb u fil-ħażin, sew jekk tagħmlu xi ħaġa tajba u sew jekk tagħmlu xi ħaġa ħażina.  Tibżgħux minnU!  Dan hu t-talb.  U b’dan tkunu qed titħarrġu fid-djalogu ma’ Ġesù, f’dan id-dixxipulat missjunarju!  Permezz tas-Sagramenti, li jkabbru l-preżenza tiegħu fina.  Permezz ta’ l-imħabba bejn l-aħwa, li nsiru kapaċi nisimgħu, nifhmu, naħfru, nilqgħu, ngħinu lill-oħrajn, lil kull persuna, mingħajr ma neskludu lil ħadd, mingħajr ma nemarġinaw.  Għeżież żgħażagħ, kunu veri “atleti ta’ Kristu”!

 

3. U t-tielet: L-għalqa bħala sît tal-bini.  Hawn qed naraw quddiem għajnejna kif dan seta’ jinbena propju hawn: l-ewwel tħeġġu ż-żgħażagħ, tħabtu u bnew il-Knisja.  Meta l-qalb tagħna hi art tajba li tilqa’ l-Kelma ta’ Alla, meta biex ngħixu ta’ Nsara “inxarrbu l-flokk bl-għaraq”, aħna nesperjenzaw xi ħaġa kbira: m’aħna qatt waħidna, aħna parti minn familja ta’ aħwa li mexjin fl-istess triq: aħna parti mill-Knisja.  Dawn iż-żgħażagħ ma kinux waħidhom, imma flimkien għamlu mixja u bnew il-Knisja, flimkien wettqu dak li għamel San Franġisk: bena, sewwa l-Knisja.  Nistaqsikom: Tridu tibnu l-Knisja?  [Iva…]  Għandkom biżżejjed ħeġġa biex tagħmlu dan?  [Iva…]  U għada sa tkunu nsejtu din l-“iva” li għidtu?  [Le…]  Hekk irrid!  Aħna parti mill-Knisja, anzi, insiru bennejja tal-Knisja u protagonisti ta’ l-istorja.  Żgħażagħ, nitlobkom: toqogħdux f’tarf id-“denb” ta’ l-istorja.  Kunu protagonisti.  Ilagħbu fl-attakk!  Ixxuttjaw il-ballun ’il quddiem, ibnu dinja aħjar, dinja ta’ aħwa, dinja ta’ ġustizzja, ta’ mħabba, ta’ paċi, ta’ fraternità, ta’ solidarjetà.  Ilagħbu dejjem fl-attakk!  San Pietru jgħidilna li aħna ġebel ħaj li jinbena f’dar spiritwali (ara 1 Piet 2:5).  U ejjew inħarsu lejn dan il-palk, jidher li hu f’għamla ta’ knisja mibnija b’ġebel ħaj.  Fil-Knisja ta’ Ġesù aħna l-ġebel ħaj, u Ġesù jitlobna nibnu l-Knisja tiegħu; kull wieħed u waħda minna hu ġebla ħajja, hu biċċa żgħira mill-binja, u, meta tinżel ix-xita, jekk ma jkunx hemm din il-biċċa, jidhru x-xquq, u jidħol l-ilma fid-dar.  U tibnux xi kappella ċkejkna li tista’ tikkuntenta biss grupp ċkejken ta’ persuni.  Ġesù jitlobna li l-Knisja ħajja tiegħu tkun kbira biex tista’ tilqa’ fiha lill-bnedmin kollha, tkun id-dar ta’ kulħadd!  Hu jgħid lili, lilek, lil kull wieħed u waħda minna: “Morru u agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha”.  Il-lejla nweġbuh: Iva, Mulej, anki jien irrid inkun ġebla ħajja; flimkien irridu nibnu l-Knisja ta’ Ġesù!  Irrid noħroġ biex insir bennej tal-Knisja ta’ Kristu!  Se titħeġġu biex ittennuh dan?  Irrid noħroġ biex insir bennej tal-Knisja ta’ Kristu.  Ħa naraw issa…  [iż-żgħażagħ jirrepetu]  Imbagħad ftakru li dan għidtuh flimkien.

 

Il-qalb tiegħek, qalb żagħżugħa, trid tibni dinja aħjar.  Insegwi l-aħbarijiet tad-dinja u nara li tant żgħażagħ f’tant partijiet tad-dinja ħarġu fit-toroq biex jesprimu x-xewqa tagħhom għal ċiviltà iktar ġusta u fraterna.  Iż-żgħażagħ fit-toroq.  Huma żgħażagħ li jridu jkunu protagonisti tal-bidla.  Nitlobkom, tħallux li oħrajn ikunu l-protagonisti tal-bidla flokkom!  Intom dawk li għandhom il-futur f’idejhom!  Intom…  Permezz tagħkom jidħol il-futur fid-dinja.  Lilkom nitlob ukoll li tkunu protagonosti ta’ din il-bidla.  Komplu irbħu l-apatija, biex toffru tweġiba Nisranija għat-taqlib soċjali u politiku, li qed jixref f’tant irkejjen tad-dinja.  Nitlobkom li tkunu bennejja tad-dinja, biex timpenjaw ruħkom b’riżq dinja aħjar.  Għeżież żgħażagħ, nitlobkom, “tibqgħux gallarija” quddiem il-ħajja, imma idħlu fiha.  Ġesù ma qagħadx gallarija, imma ntefa’ kollu kemm hu ġol-ħajja.  Tħarsux lejn il-ħajja “mill-gallarija”, imma ntefgħu fiha kif għamel Ġesù.

 

Imma baqa’ mistoqsija: Mnejn nibdew?  Lil min se nitolbu biex jibdieh dan?  Mnejn nitilqu?  Darba lil Madre Teresa ta’ Calcutta staqsewha xi xtaqet tibdel fil-Knisja, minn liema ħajt kellhom jibdew.  Minn fejn – staqsewha lil Madre Teresa – hemm bżonn nibdew?  “Minnek u minni!”, wieġbet hi.  X’determinazzjoni kellha din il-mara!  Kienet taf mnejn għandha tibda.  Anki jien il-lum nisraq il-kelma minn fuq fomm Madre Teresa u ngħidilkom: Nibdew?  Minn fejn?  Minnek u minni!  Mill-ġdid, kull wieħed u waħda fis-skiet, jistaqsi lilu nnifsu: Jekk hu minni nnifsi li rrid nibda, mnejn eżatt sa nitlaq?  Kull wieħed u waħda jiftaħ qalbu biex Ġesù jgħidlu mejn jibda.

 

Għeżież ħbieb, tinsewx: kunu intom l-għalqa tal-fidi!  Kunu l-atleti ta’ Kristu!  Kunu l-bennejja ta’ Knisja isbaħ u ta’ dinja aħjar.  Ngħollu ħarsitna lejn il-Madonna.  Hi tgħinna nimxu wara Ġesù, tagħtina l-eżempju bl-“iva” tagħha lil Alla: “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skond kelmtek (Lq 1:38).  Flimkien ma’ Marija, ngħidulu aħna wkoll lil Alla: Ħa jsir minni skond kelmtek.  Ammen!

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard