VJAĠĠ APPOSTOLIKU F’RIO DE JANEIRO

FL-OKKAŻJONI TAT-XXVIII JUM DINJI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

ĊERIMONJA TAT-TLUQ

DISKORS TAL-Q.T. IL-PAPA FRANĠISKU

Ajruport Intermnazzjonali Galeão/Antonio Carlos Jobim, Rio de Janeiro.

Il-Ħadd, 28 ta’ Lulju 2013

 

Sinjur Viċi-President tar-Repubblika,

Distinti Awtoritajiet Nazzjonali, Statali u Lokali,

Għażiz Arċisqof ta’ San Sebastjan f’Rio de Janeiro,

Meqjuma Kardinali u Ħuti fl-Episkopat,

Għeżież Ħbieb!

  

Fi ftit mumenti oħra nħalli l-Patrija tagħkom biex nirritorna Ruma, Se nitlaq b’qalbi mimlija b’rikordji ta’ ferħ, u dawn – jiena ċert – se jsiru talba. F’dan il-waqt qed nibda nħoss bidu ta’ nostalġija. Nostalġija għall-Brażil, dan il-poplu daqshekk kbir u b’qalb kbira; dan il-poplu b’tant ħbiberija.  Nostalġija għat-tbissima miftuħa u sinċiera li rajt f’tant persuni, għall-entużjażmu tal-voluntiera. Nostalġija għat-tama fl-għajnejn taż-żgħażagħ tal-Isptar San Francesco. Nostalġija għall-fidi u l-ferħ f’nofs id-diffikultajiet tar-residenti ta’ Varginha.  Jiena ċert li Kristu huwa ħaj u effettivament preżenti fl-azzjonijiet ta’ tant żgħażagħ u ta’ tant persuni li ltqajt magħhom matul din il-ġimgħa u li ma ninsa qatt.  Grazzi għal-laqgħa u l-ħeġġa tal-ħbiberija li wrejtuni!  Ta’ dan ukoll qed nibda nħoss nostalġija.

Inrodd ħajr b’mod partikolari lis-Sinjura President, li hawn hija rappreżentata mill-Viċi President tagħha, talli wrietni s-sentimenti li l-poplu kollu tal-Brażil għandu għas-Suċċessur ta’ Pietru.  Inrodd ħajr mill-qalb lil ħuti l-Isqfijiet u lill-kollaboraturi numerużi tagħhom li għamlu minn dawn il-jiem ċelebrazzjoni sabiħa tal-fidi ħajja u ferrieħa f’Ġesù Kristu.  Inrodd ħajr b’mod speċjali, lill Monsinjur Orani Tempesta, Arċisqof ta’ Rio de Janeiro, lill-Isqfijiet Awżiljari tiegħu, u lil Monsinjur Raymundo Damasceno, President tal-Konferenza Episkopali.  Inrodd ħajr lil dawk kollha li ħadu sehem fiċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika u fl-avvenimenti l-oħra, lil dawk li organizzawhom, lil dawk li ħadmu biex jwassluhom permezz tal-media.  Fl-aħħar inrodd ħajr lill-persuni kollha li b’mod jew ieħor għarfu jwieġbu għall-bżonnijiet tal-laqgħa u organizzazzjoni ta’ folla hekk immensa ta’ żgħażagħ, u mhux l-aħħar lil tant oħrajn li spiss fis-skiet u fis-sempliċità talbu biex dan il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ ikun esperjenza tassew ta’ maturazzjoni fil-fidi. Jippremjakom ilkoll Alla, kif Huwa biss jaf jagħmel!

F’din l-atmosfera ta’ ħajr u nostalġija, naħseb fiż-żgħażagħ protagonisti ta’ din il-laqgħa kbira: Alla jberikkom ta’ din ix-xhieda hekk sabiħa, tal- parteċipazzjoni ħajja, profonda u ferrieħa ta’ dawn il-jiem!  Ħafna minnkom ġejtu f’dan il-pellegrinaġġ bħala dixxipli; ma għandi ebda dubju li issa lkoll se titilqu bħala missjunarji.  Bix-xhieda tagħkom ta’ ferħ u ta’ qadì,  iffjorixxu ċiviltà ta’ imħabba. Uru b’ħajjitkom li jiswa li tagħtu lilkom infuskom għal ideali kbar, li tagħtu valur lid-dinjità ta’ kull bniedem, u li tafdaw lilkom infuskom fi Kristu u fl-Evanġelju. Hu Lilu li ġejna nfittxu f’dawn il-jiem, għaliex kien Hu li fittixxna l-ewwel, huwa Hu li jħeġġeġ il-qalb biex tkun ipproklamata l-Aħbar it-Tajba, fil-bliet il-kbar u fiċ-ċentri ż-żgħar, fil-kampanja u fil-postijiet kollha ta’ din id-dinja vasta tagħna.  Jiena nkompli ngħożż tama mmensa fiż-żgħażagħ tal-Brażil u tad-dinja kollha: permezz tagħhom, Kristu se jagħti bidu għal rebbiegħa ġdida fid-dinja kollha.  Jiena rajt l-ewwel riżultati ta’ din iż-żerriegħa, oħrajn għad jifirħu bil-ħsad kbir!

L-aħħar ħsieb tiegħi, l-aħħar espressjoni ta’ nostalġija tiegħi, iddur lejn is-Sinjura Tagħna ta’ Aparecida. F’dak is-Santwarju maħbub inżilt għarkubtejja nitlob għall-umanità kollha u b’mod partikolari għall-Brażiljani.  Tlabt lil Marija biex issaħħaħ fikom il-fidi Nisranija, li hija parti mir-ruħ nobbli tal-Brażil, kif inhi wkoll f’tant pajjiżi oħra, teżor tal-kultura tagħkom, inkorraġġiment u qawwa biex tinbena umanità ġdida fl-għaqda u fis-solidarjetà

Dan il-Papa se jitlaq u jgħidilkom “niltaqgħu ma ndumux”, jgħidhielkom b’nostalġija, u jitlobkom, jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalih. Dan il-Papa għandu bżonn it-talb ta’ kulħadd. 

Ngħannaqkom miegħi lkoll.  Alla jberrikom!

 

Miġjub għall-Malti minn Joe Farrugia