VJAĠĠ APPOSTOLIKU F’RIO DE JANEIRO

FL-OKKAŻJONI TAT-XXVIII JUM DINJI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

 

ŻJARA LILL-ISPTAR SÃO FRANCISCO DE ASSIS NA PROVIDÊNCIA – V.O.T

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 

Rio de Janeiro

L-Erbgħa 24 ta’ Lulju 2013

 

Għażiż Arċisqof ta’ Rio de Janeiro

u għeżież Ħuti fl-Episkopat,

Onorevoli Awtoritajiet,

Għeżież membri tal-Venerabbli Terz’Ordni ta’ San Franġisk tal-Penitenza,

Għeżież tobba, infermiera u ħaddiema oħra ta’ l-isptar,

Għeżież żgħażagħ u familjari, il-lejla t-tajba!

 

Il-Mulej ried li, wara s-Santwarju tal-Verġni Mqaddsa ta’ Aparecida, il-passi tiegħi jimxu lejn santwarju partikulari tat-tbatija umana, li hu l-Isptar ta’ San Franġisk ta’ Assisi.  Il-konverżjoni tal-Qaddis Patrun tagħkom hi magħrufa sew: iż-żagħżugħ Franġisku jħalli warajh l-għana u l-kumditajiet biex isir fqir fost il-foqra, jifhem li l-veru għana li jagħti l-ferħ m’huwiex fil-ħwejjeġ ta’ din l-art, f’dak li wieħed jippossiedi, fl-idoli tad-dinja, imma f’li timxi wara Kristu u taqdi lill-oħrajn; imma forsi hu inqas magħruf il-mument li fih dan kollu sar konkret fil-ħajja tiegħu: dan seħħ meta għannaq miegħu wieħed imġiddem.  Dak ħuh sofferenti kien “medjatur ta’ dawl [...] għal San Franġisk ta’ Assisi” (Ittra enċiklika Lumen fidei, 57), għax f’kull wieħed minn ħutna li jinsab jew tinsab f’diffikultà aħna nħaddnu magħna l-ġisem ta’ Kristu li qed ibati.  Il-lum, f’dan il-post ta’ ġlieda kontra d-dipendenza kimika, nixtieq nista’ nħaddan miegħi lil kull wieħed u waħda minnkom, intom li intom il-ġisem ta’ Kristu, u nitlob lil Alla biex jimla l-mixja tagħkom, u anki tiegħi, b’sens u b’tama sħiħa.

 

Inħaddnu magħna, ngħannqu.  Għandna wisq bżonn nitgħallmu nħaddnu magħna lil min hu fil-bżonn, kif għamel San Franġisk.  Kemm għandna sitwazzjonijiet fil-Brażil, fid-dinja, li jitolbu l-attenzjoni, l-għożża, l-imħabba tagħna, bħalma hi l-ġlieda kontra d-dipendenza kimika.  Spiss, imma, fis-soċjetajiet tagħna jirbaħ l-egoiżmu.  Kemm għandna “negozjanti tal-mewt” li jimxu skond il-loġika tal-poter u tal-flus, hu x’inhu l-prezz li jrid jitħallas.  Il-pjaga tat-traffikar tad-droga, li tkattar il-vjolenza u tiżra’ l-uġigħ u l-mewt, titlob att ta’ kuraġġ min-naħa tas-soċjetà kollha.  M’huwiex bil-liberalizzazzjoni ta’ l-użu tad-drogi, kif qed jiġi diskuss bħalissa f’bosta partijiet ta’ l-Amerika Latina, li nistgħu nnaqqsu t-tixrid u l-influwenza tad-dipendenza kimika.  Jeħtieġ naffrontaw il-problema fundamentali li hemm wara l-użu tagħhom, billi nippromovu iktar il-ġustizzja, nedukaw iż-żgħażagħ fil-valuri li jibnu l-ħajja komuni, nakkumpanjaw lil min jinsab f’diffikultà u nagħtu tama għall-futur.  Ilkoll għandna bżonn li nħarsu lejn l-oħrajn bl-għajnejn ta’ l-imħabba ta’ Kristu, nitgħallmu nħaddnu magħna lil min hu fil-bżonn, biex nuruh li qegħdin qrib, bir-rispett u l-imħabba.

 

Imma li nħaddnu lill-oħrajn m’hux biżżejjed.  Inżommu l-id ta’ min jinsab f’diffikultà, ta’ min waqa’ fid-dlam tad-dipendenza, forsi mingħajr ma jaf kif, u ngħidulu: Tista’ terġa’ tqum, tista’ terġa’ titla’ ’l fuq, m’hix ħaġa faċli, imma hi possibbli jekk trid.  Għeżież ħbieb, nixtieq ngħid lil kull wieħed u waħda minnkom, imma fuq kollox lil tant oħrajn li ma kellhomx il-kuraġġ li jaqbdu din il-mixja: Int il-protagonista ta’ din il-mixja ’l fuq; din hi l-kundizzjoni indispensabbli!  Sa ssib l-idejn miftuħa ta’ min jixtieq jgħinek, imma ħadd ma jista’ jimxiha flokok it-telgħa.  Imma m’intom qatt waħidkom!  Il-Knisja u tant persuni oħra jinsabu qrib tagħkom.  Ħarsu ’l quddiem b’fiduċja.  Din tagħkom hi mixja twila u fiha t-taħbit, imma ħarsu ’l quddiem, hemm “futur ċert, li jidher fi prospettiva differenti minn dik tal-proposti illużorji ta’ l-idoli tad-dinja, imma li jagħti enerġija u qawwa ġdida lill-ħajja ta’ kuljum” (Ittra enċiklika Lumen fidei, 57).  Lilkom ilkoll nixtieq intennilkom: tħallux lil min jisirqilkom it-tama!  Tħallux lil min jisirqilkom it-tama!  Imma rrid ngħidilkom ukoll: ejjew ma nisirqux it-tama lil ħaddieħor, anzi nkunu aħna stess li wwasslu t-tama!

 

Fil-Vanġelu naqraw il-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb, li titkellem fuq raġel li qabżu fuqu l-ħallelin tat-triq u ħallewh għal mejjet maġenb it-triq.  Tgħaddi n-nies, tħares u ma tiqafx, tkompli miexja b’indifferenza: m’hix affari tagħhom!  Kemm drabi ngħidu: Din m’hix problema tiegħi!  Kemm drabi ndawru wiċċna n-naħa l-oħra u nagħmlu tabirruħna li ma rajniex!  Huwa biss is-Samaritan, wieħed barrani, li jara, jieqaf, jerfgħu mill-art, inewwillu idu u jikkurah (ara Lq 10:29-35).  Għeżież ħbieb, naħseb li hawn, f’dan l-Isptar, naraw titlaħħam il-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb.  Hawn m’hawnx l-indifferenza, imma l-attenzjoni, m’hawnx in-nuqqas ta’ interess, imma l-imħabba.  L-Assoċjazzjoni San Franġisk u x-Xibka ta’ Trattament tad-Dipendenza Kimika jgħallmuna kif nitbaxxew ħdejn min jinsab f’diffikultà biex fih nilmħu l-wiċċ ta’ Kristu, għax fih hemm il-ġisem ta’ Kristu li jbati.  Nirringrazzja lill-istaff kollu tas-servizz mediku u addizzjonali li jingħata hawn; is-servizz tagħkom hu prezzjuż, agħmluh dejjem bl-imħabba; hu servizz mogħti lil Kristu preżenti f’ħutna: “Kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40), jgħidilna Ġesù.

 

U lilkom ilkoll li qed tiġġieldu kontra d-dipendenza kimika, lilkom il-familjari li għandkom biċċa xogħol li mhux dejjem hi faċli, nixtieq intennilkom: il-Knisja m’hix imbiegħda mit-tbatijiet tagħkom, imma takkumpanjakom bi mħabba.  Il-Mulej jinsab qrib tagħkom u jżommilkom idejkom.  Ħarsu lejH fil-mumenti l-iżjed iebsa u hu jimliekom bil-faraġ u bit-tama.  U afdaw ukoll fl-imħabba materna ta’ Ommu Marija.  Dal-għodu, fis-Santwarju ta’ Aparecida, fdajt lil kull wieħed u waħda minnkom fil-qalb tagħha.  Fejn hemm salib x’jintrefa’, hemm maġenbna hemm dejjem Hi, l-Omm.  Nitlaqkom f’idejha, waqt li bl-imħabba kollha nbierek lil kulħadd.  Grazzi!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard