|
VJAĠĠ APPOSTOLIKU F’RIO DE JANEIRO
FL-OKKAŻŻJONI TAT-28 JUM DINJI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ
QUDDIESA MAL-ISQFIJIET TAT-28 JDŻ
U MAS-SAĊERDOTI, RELIĠJUŻI U SEMINARISTI
OMELIJA TAL-PAPA FRANĠISKU
Katidral ta’ San Sebastiano, Rio de Janeiro
Is-Sibt, 27 ta’ Lulju,
2013
Għeżież Ħuti fi Kristu,
Waqt li qed nara dan il-Kattidral mimli b’Isqfijiet, saċerdoti, seminaristi, u reliġjużi rġiel u nisa mid-dinja kollha, niftakar fi kliem is-Salmista fil-quddiesa tallum: “”Ifaħħruk il-popli, o Alla” (Salm 66).
Iva, aħna qegħdin hawn biex infaħħru l-Mulej, u nagħmlu hekk fil-waqt li nistqarru mill-ġdid ir-rieda tagħna li nkunu strumenti tiegħu sabiex mhux biss ftit popli jfaħħru ‘l Alla, imma kollha. Bl-istess sinċerita’ u kuraġġ ta’ Pawlu u Barnaba, aħna rridu nxandru l-Evanġelju liż-żgħażagħ tagħna, biex huma jkunu jistgħu jiltaqgħu ma’ Kristu u jibnu dinja aktar fraterna. F’dan is-sens, nixtieq nirrifletti magħkom fuq tlitt aspetti tas-sejħa tagħna: aħna msejħin minn Alla, imsejħin biex inxandru l-Evanġelju, u msejħin biex inġibu ‘l quddiem l-kultura tal-laqgħa.
1. Imsejħin minn Alla. Nemmen li huwa importanti li nagħtu ħajja mill-ġdid lil din ir-realta’, li ħafna drabi nieħduha bħala ħaġa aċċettata fost il-ħafna mpenji tagħna ta’ kuljum: “Mhux intom għażilt lili, imma jien għażilt lilkom” (Ġw 15,16) jgħidilna Ġesu’. Dan ifisser li rridu nerġgħu lura lejn il-għajn tas-sejħa tagħna. Għalhekk, isqof, saċerdot, raġel jew mara konsagrata, seminarista ma jista’ qatt jinsa dan: ma jistax jitlef ir-referenza essenzjali għall-waqt tal-bidu tal-mixja tiegħu. Itlob din il-grazzja, itlobha lill-Verġni Marija, hija li kellha tifkira tajba; itlob il-grazzja li tibqa’ ma’ Ġesu’ (ara Mk 3, 14). Mgħaqudin miegħu. Fir-realta’ dan li ngħixu, dan li nibqgħu dejjem fi Kristu jimmarka dak kollu li aħna u dak kollu li nagħmlu. U hija preċiżament din “il-ħajja fi Kristu” li tiżgura l-effettivita’ tal-appostolat tagħna, li l-qadi tagħna jġib il-frott: “Jiena għażiltkom u ħtartkom biex tmorru u tagħmlu l-frott u l-frott tagħkom ikun awtentiku” (ara Ġw 15, 16). Mhux il-kreattivita’, tkun kemm tkun pastorali, m’humiex il-laqgħat jew l-ippjanar li jassiguraw li aħna nagħmlu l-frott, anke jekk dawn jgħinu ħafna; imma dak li jassigura l-frott hu li aħna nkunu fidili għal Ġesu’ li jtennielna b’insistenza: “Ibqgħu fija u jiena nibqa’ fikom” (Ġw 15, 4). U aħna nafu sewwa dan xi jfisser: nikkontemplawH, inqimuH, inħaddnuH magħna, fil-laqgħa tagħna ta’ kuljum miegħu fl-Ewkaristija, fil-ħajja tagħna ta’ talb, fil-waqtiet tagħna ta’ adorazzjoni; nagħarfuH preżenti u nħaddnuH wkoll fil-persuni li huma l-aktar fil-ħtieġa. Li “nkunu ma’” Kristu ma jfissirx li ninqatgħu mill-oħrajn. Bil-maqlub, imma huwa li nkunu biex immorru niltaqgħu mal-oħrajn. Hawn nixtieq niftakar ftit kliem tal-Beata Madre Tereża ta’ Calcutta: “Aħna rridu nkunu ħafna kburin tas-sejħa tagħna li tagħtina l-opportunita’ li nservu ‘l Kristu fil-fqar. Huwa fil-favelas, fil-postijiet l-aktar fqar, fil-vilel miżeri, li aħna għandna mmorru nfittxu u nservu ‘l Kristu. Aħna għandna mmorru għandhom bil-ferħ bħalma s-saċerdot jersaq lejn l-artal bil-ferħ” (Mother’s Instructions, I, p. 80). Ġesu’ hu r-Ragħaj it-Tajjeb, huwa t-teżor waħdieni tagħna. Nitlobkom, ejjew ma nħassruHx minn ħajjitna! Inniżżlu fil-fond qlubna dejjem aktar fiH (ara Lq 12, 34).
2. Imsejħin biex inxandru l-Evanġelju. Ħafna minnkom, għeżież Isqfijiet u saċerdoti, jekk ukoll mhux ilkoll, ġejtu biex takkumpanjaw iż-żgħażagħ tagħkom għall-Jum Mondjali. Huma wkoll semgħu il-kelmiet tal-kmand ta’ Ġesu’: “Morru u agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha” (ara Mt 28, 19). Huwa mpenn tagħna bħala Ragħajja ngħinuhom iħeġġu fi qlubhom ix-xewqa li jkunu dixxipli missjunarji ta’ Ġesu’. Tassew, ħafna jistgħu iħossuhom xi ftit imbeżżgħin quddiem din l-istedina, meta jiftakru li biex tkun missjunarju jfisser li bil-fors iridu jħallu Pajjiżhom, il-familja u l-ħbieb. Alla jitlob li nkunu missjunarji. Fejn aħna? Fejn Huwa nnifsu jqegħedna, f’pajjiżna jew fejn iqegħedna. Ngħinu liż-żgħażagħ. Niftħu widnejna biex nisimgħu l-illużjonijiet tagħhom – huma għandhom bżonn jiġu mismugħa – biex nisimgħu is-suċċessi tagħhom, biex nisimgħu id-diffikultajiet tagħhom. Jeħtieġilna noqogħdu bil-qiegħda nisimgħu l-istess storja, imma b’mużika differenti, b’identitajiet differenti. Is-sabar li nisimgħu! Dan nitlobkom b’qalbi kollha! Fil-konfessjonarju, fid-direzzjoni spiirtwali, meta nakkumpanjawhom. Nitgħallmu nitilfu ż-żmien magħhom. Li tiżra’ jiswa u jgħejji, jgħajji ħafna tassew! U huwa iktar ta’ pjaċir il-ħsad! X’makakkerija! Aħna lkoll nifirħu aktar fil-ħsad! Imma Ġesu’ jitlobna li niżirgħu bis-serjeta’.
Ma nibżgħux naħlu l-forzi tagħna fil-formazzjoni taż-żgħażagħ! San Pawl juża espressjoni li huwa wettaqha tassew f’ħajtu, meta kellem hekk lill-insara: “Uliedi, għal darb’oħra qiegħed inħoss l-uġiegħ tal-ħlas sakemm Kristu jissawwar fikom” (Gal 4, 19). Aħna wkoll jeħtieġilna nibdluha f’realta’ fil-ministeru tagħna! Ngħinu liż-żgħażagħ tagħna biex jiskopru mill-ġdid il-kuraġġ u l-ferħ tal-fidi, il-ferħ li huma maħbubin personalment minn Alla, dan huwa diffiċli ħafna; imma meta żgħażugħ jifhmu dan, meta żgħażugħ iħossu dan bl-unzjoni li tagħtih l-Ispirtu Qaddis, din “li tkun maħbub personalment minn Alla” takkumpanjah imbagħad tul ħajtu kollha.; jiskopri l-ferħ li Alla ta l-Ibnu stess għas-salvazzjoni tagħna. Nudukawhom, fil-missjoni, biex joħorġu, biex imorru, biex ikunu “callejeros de la fe" [dawk li jiġġerrew biex iwasslu l-fidi]. Hekk għamel Ġesu’ mad-dixxipli tiegħu: ma żammhomx marbutin miegħu bħal qroqqa bil-flieles magħha; huwa bagħathom! Ma nistgħux nibqgħu mgħaluqin fil-parroċċa, fil-komunitajiet tagħna, fl-istituzzjonijiet parrokkjali tagħna jew fl-istituzzjoni djoċesana tagħna, meta ħafna nies qegħdin jistennew l-Evanġelju! Noħorġu għax mibgħutin. Mhux sempliċement niftħu l-bieb biex jiġu, biex nilqgħuhom, imma noħorġu mill-bieb u niltaqgħu! Nimbuttaw liż-żgħażagħ biex joħorġu. Tassew li huma jagħmlu affarijiet stupidi. Ma nibżgħux! L-Appostli għamluhom qabilna. Nimbuttawhom biex joħorġu. Naħsbu b’determinazzjoni fil-pastorali biex immorru fil-periferija, immorru għand dawk li huma l-aktar imbegħdin, għand dawk li soltu ma jiffrekkwentawx il-parroċċa. Huma jkunu il-mistiedna tal-unur [VIP]. Immorru nfittxuhom fis-slaleb tar-toroq.
3. Imsejħin minn Ġesu’, imsejħin biex nevanġeliżżaw, u t-tielet: imsejħin biex inġibu ‘l quddiem il-kultura tal-laqgha. F’ħafna ambjenti, u b’mod ġenerali f’dan l-umaneżmu ekonomiċista li ġie mpost fuqna fid-dinja, daħlet kultura li tħalli barra, “kultura tal-iskart”. M’hemmx post la għall-anzjan, l-anqas għat-tarbija li ma tkunx mixtieqa; m’hemmx żmien biex tieqaf ma’ dak il-fqir fit-triq. Xi drabi jidher għal xi wħud, ir-relazzjonijiet bejn il-bnedmin huma mmexxija minn żewġ “dommi” moderni: l-effiċjenza u l-pragmatiżmu. Għeżież Isqfijiet, saċerdoti u intom ukoll Seminaristi li qed tħejju ruħkom għall-ministeru, ikollkom il-kuraġġ li tmorru kontra l-kurrent ta’ din il-kultura. Ikollkom il-kuraġġ! Ftakru ħaġa waħda, lili dan jagħmilli ħafna ġid u nimmeditah ta’ spiss: ħudu l-Ewwel Ktieb tal-Makkabej, ftakru f’dawk il-ħafna [mhux Makkabej NDR] li riedu jadattaw ru]hom għall-kultura tal-epoka: “Le...! Inallu, le...! Nieklu minn kollox, bħalma jagħmlu n-nies kollha ... Tassew, il-Liġi iva, imma dan m’għandux ikun kollox...”. U spiċċaw biex ħallew il-fidi biex marru mal-kurrent ta’ din il-kultura. Ikollkom il-kuraġġ li tmorru kontra l-kurrent ta’ din il-kultura effiċjentista, ta’ din il-kultura tal-iskart. Il-laqgħa u l-merħba ta’ kulħadd, is-solidarjeta’ – kelma li qed tiġi moħbija f’din il-kultura, bħallikieku kienet xi kelma ħażina – is-solidarjeta’ u l-fraternita’, huma elementi li jagħmlu ċ-ċivilta’ tagħna waħda tassew umana.
Kunu qaddejja tal-komunjoni u tal-kultura tal-laqgħa! Nixtieqkom tkunu kważi ossessjonati f’dan is-sens. U tagħmluh mingħajr ma tkunu prużuntużi, nimponu “il-veritajiet tagħna”, imma aktar immexxijin miċ-ċertezza umli u hienja ta’ min kien misjub, milħuq u mibdul mill-Verita’ li huwa Kristu u ma jistax ma jxandarhiex (ara Lq 24, 13-35).
Għeżież ħuti, aħna msejħin minn Alla, b’isimna u kunjomna, kull wieħed u waħda minnha, imsejħin biex inxandru l-Evanġelju u li nġibu ‘l quddiem bil-ferħ il-kultura tal-laqgħa. Il-Verġni Marija hija l-mudell tagħna. Fil-ħajja tagħha tagħti “l-eżempju ta’ dik l-imħabba materna li għandha tispira lil dawk kollha li jikkoperaw fil-missjoni appostolika li għandha l-Knisja li tiġġenera bnedmin” (Vat. II, Kost. Domm. Lumen gentium, 65). Nitolbuha li tgħallimna niltaqgħu kuljum ma’ Ġesu’. U meta nippretendu li ma nagħmlu xejn, għaliex għandna ħafna affarijiet x’nagħmlu u t-tabernaklu jibqa’ abbandunat, nitolbuha taqbadna minn idejna. Nitolbuha! Ħares, o Omm, meta jien inkun diżorjentat, mexxini minn idejja. Li timbuttana noħorġu biex niltaqgħu mal-ħafna aħwa li huma fil-periferija, li għandhom il-għatx ta’ Alla u li m’għandhomx min iħabbarulhom. Li ma tixħetniex ‘il barra mid-dar, imma li timbuttana noħorġu mid-dar. Hekk inkunu dixxipli tal-Mulej. Jalla Hi taqlagħalna lilna lkoll din il-grazzja.
Miġjub għall-Malti minn Patri Silvestru Bonavia OFM Cap