VJAĠĠ APPOSTOLIKU F’RIO DE JANEIRO

FL-OKKAŻJONI TAT-XXVIII JUM DINJI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

 

LAQGĦA MAL-MEXXEJJA TAL-BRAŻIL

DISKORS TAL-Q.T. IL-PAPA FRANĠISKU

 

Teatru Muniċipali, Rio de Janeiro

Is-Sibt, 27 ta’ Lulju 2013

 

Eċċellenzi, Sinjuri!

Il-jum it-tajjeb!

 

Irrodd ħajr lil Alla għall-opportunità li niltaqa’ ma’ rappreżentanza daqshekk tajba ta’ dawk responsabbli mill-ħajja politika u diplomatika, kulturali u reliġjuża, akkademika u intraprenditorjali ta’ dan il-pajjiż kbir tal-Brażil.

 

Nixtieq inkellimkom bil-lingwa Portugiża sabiħa tagħkom, imma biex inkun nista’ nfisser aħjar dak li għandi f’qalbi, nippreferi nitkellem bl-Ispanjol.  Nitlobkom tiskużawni!

 

Insellem lilkom ilkoll mill-qalb u nurikom ir-rikonoxxenza tiegħi.  Irrodd ħajr lill-Monsinjur Orani u lis-Sur Walmyr Júnior għall-kliem ġentili tagħhom ta’ merħba, ta’ preżentazzjoni u ta’ xhieda.  Nara fikom it-tifkira u t-tama: it-tifkira tal-mixja u tal-kuxjenza tal-Patrija tagħkom u t-tama li din il-Patrija, dejjem miftuħa għad-dawl li joħroġ mill-Vanġelu, tista’ tkompli tiżviluppa f’rispett sħiħ tal-prinċipji etiċi mibnija fuq id-dinjità traxxendenti tal-persuna.

 

Tifkira tal-passat u utopja tal-futur jiltaqgħu fil-preżent, li mhuwiex waqt bla storja u bla wegħda, imma mument fiż-żmien, sfida biex tiġbor l-għerf u tagħraf tindirizzah.  Dawk li f’Nazzjon għandhom rwol ta’ responsabbiltà, huma msejħa biex jaffrontaw il-futur “bil-ħarsa kalma ta’ min jaf jara l-verità”, kif kien jgħid il-ħassieb Brażiljan Alceu Amoroso Lima (Il nostro tempo, f’La vita soprannaturale e il mondo moderno, Rio de Janeiro 1956, p. 106).  Irrid naqsam magħkom tliet aspetti ta’ din il-ħarsa kalma, serena u kollha għerf: l-ewwel, l-oriġinalità ta’ tradizzjoni kulturali; it-tieni, ir-responsabbiltà solidali biex jinbena l-futur; it-tielet, id-djalogu kostruttiv, biex ikun affrontat il-preżent.

 

1. Qabel xejn, huwa tajjeb li tkun ivvalorizzata d-dinamika ta’ oriġinalità li tikkaratterizza l-kultura Brażiljana, bil-kapaċità straordinarja tagħha li tintegra elementi differenti. Is-sentiment komuni ta’ poplu, il-bażi tal-ħsieb u tal-kreattività tiegħu, il-prinċipji fundamentali tal-ħajja tiegħu, il-kriterji ta’ ġudizzju f’dak li għandu x’jaqsam mal-prijoritajiet, man-normi tal-azzjoni, huma mibnija fuq viżjoni integrali tal-persuna umana u jiżviluppaw permezz tagħha.

 

Din il-ħarsa tal-bniedem u tal-ħajja hekk kif imħaddna mill-poplu Brażiljan, stagħniet anki bl-għaqal tal-Vanġelu, bil-fidi f’Ġesù Kristu, fl-imħabba ta’ Alla u l-fraternità mal-proxxmu.  L-għana ta’ dan l-għaqal jista’ jnissel proċess kulturali li jkun fidil għall-identità Brażiljana u, fl-istess ħin, jibni futur aħjar għal kulħadd.  Proċess li jkabbar l-umanizzazzjoni integrali u l-kultura tal-laqgħa u tar-relazzjoni; dan huwa l-mod Nisrani li jmexxi ’l quddiem il-ġid komuni, il-ferħ tal-ħajja.  U hawn jiltaqgħu l-fidi u r-raġuni, id-dimensjoni reliġjuża u l-aspetti differenti tal-kultura umana: arti, xjenza, xogħol, letteratura…  In-Nisrani jgħaqqad it-traxxendenza u l-inkarnazzjoni; għandu l-ħila li jaħji mill-ġdid lill-ħsieb u lill-ħajja, quddiem l-isfida tal-frustrazzjoni u tad-diżillużjoni li jistgħu jinvadu l-qlub u li jitferrxu fit-toroq.

 

2. It-tieni element li rrid immiss huwa r-responsabbiltà soċjali.  Din titlob ċertu tip ta’ mudell kulturali u, konsegwentement, ta’ politika.  Aħna responsabbli għall-formazzjoni tal-ġenerazzjonijiet il-ġodda, li ngħinuhom biex ikunu kapaċi fl-ekonomija u fil-politika, u sodi fil-valuri etiċi.  Il-futur jesiġi minna li llum nirrijabilitaw il-politika, li nirrijabilitaw il-politika, li hija waħda mill-forom l-aktar għolja tal-karità.  Il-futur jesiġi wkoll viżjoni umanista tal-ekonomija u politika li tfittex dejjem aktar u aħjar il-parteċipazzjoni tan-nies, li tevita l-elitiżmu u li teqred il-faqar minn għeruqu.  Li ħadd ma jkun imċaħħad minn dak li hu meħtieġ u li lil kulħadd tkun żgurata d-dinjità, il-fratellanza u s-solidarjetà: din hija t-triq proposta.  Sa minn żmien il-profeta Għamos, Alla spiss kien iwissi: “Biegħu lill-bniedem ġust għall-flus u lill-fqir għal par qrieq […] saħqu ras l-imsejkna mat-trab tal-art, u għawġu t-triq tal-umli” (Għam 2:6-7).  Il-karba li titlob ġustizzja tissokta llum ukoll.

 

Min għandu rwol li jiggwida, ippermettuli ngħid, min il-ħajja ħatritu biex ikun gwida għall-oħrajn, dan irid ikollu oġġettivi konkreti u jfittex dawk il-mezzi speċifiċi biex jilħaqhom, imma meta l-aspirazzjonijiet ma jkunux milħuqa, jista’ jkun hemm ukoll il-periklu tad-delużjoni, tal-imrar, tal-indifferenza.  Hawn nappella għad-dinamika tat-tama li timbuttana biex immorru dejjem lil hinn, biex inħaddmu l-enerġiji u l-kapaċitajiet kollha tagħna favur dawk il-persuni li għalihom inkunu qed naħdmu, waqt li naċċettaw ir-riżultati u noħolqu kundizzjonijiet biex insibu toroq ġodda, waqt li ningħataw għall-oħrajn anki meta ma narawx riżultati, imma nżommu ħajja fina t-tama, b’dik il-kostanza u l-kuraġġ li jitnisslu mill-aċċettazzjoni tas-sejħa tagħna li nkunu gwidi u mexxejja.

 

Hu propju minn min għandu f’idejh it-tmexxija li hu mistenni li, wara li jkun qies l-għażliet kollha, jagħmel l-aktar għażla ġusta, mibnija fuq ir-responsabbiltà li għandu f’idejh u fuq l-interess tal-ġid komuni; tul din it-triq trid tmur fiċ-ċentru tal-ħażin tas-soċjetà biex tirbħu wkoll bil-qlubija ta’ ħidmiet kuraġġjużi u ħielsa.  Hija responsabbiltà tagħna, għalkemm dejjem limitata, li nifhmu din ir-realtà, nosservaw, niżnu, nivvalutaw, biex niddeċiedu fil-mument preżenti, imma nitfgħu ħarsitna lejn il-futur, waqt li nirriflettu fuq il-konsegwenzi tad-deċiżjonijiet.  Min jaġixxi b’mod responsabbli jagħmel li l-azzjoni tiegħu tkun taqbel mad-drittijiet tal-oħrajn u mal-ġudizzju ta’ Alla.  Dan is-sens etiku llum jidher bħal sfida storika bla ebda preċedent, jeħtieġ infittxuh, jeħtieġ indaħħluh fl-istess soċjetà.  Lil hinn mir-razzjonalità xjentifika u teknika, fis-sitwazzjoni attwali hemm bżonn tar-rabta morali b’responsabbiltà soċjali u profondament solidali.

 

3. Biex din ir-riflessjoni tkun sħiħa, lil hinn mill-umaniżmu integrali li jirrispetta l-kutura oriġinali ta’ responsabbiltà solidali, inżomm id-djalogu kostruttiv bħala fundamentali biex ikun affrontat il-preżent.  Bejn l-indifferenza egoistika u l-protesta vjolenti hemm għażla li hi dejjem possibbli: id-djalogu.  Id-djalogu bejn il-ġenerazzjonijiet, id-djalogu fil-poplu, il-kapaċità li nagħtu u nirċievu, li nibqgħu miftuħin għall-verità.  Pajjiż jikber meta r-rikkezzi kulturali tiegħu jiddjalogaw bejniethom b’mod kostruttiv: il-kultura popolari, il-kultura universitarja, il-kultura żagħżugħa, il-kultura artistika, il-kultura teknoloġika, il-kultura ekonomika u l-kultura tal-familja, u l-kultura tal-medja; meta dawn jiddjalogaw.  Huwa impossibbli timmaġina futur għas-soċjetà mingħajr il-kontribut qawwi ta’ enerġiji morali f’demokrazija li tibqa’ magħluqa fil-loġika pura jew fil-bilanċ sempliċi tar-rappreżentanza tal-interessi kostitwiti.  Inqis ukoll bħala fundamentali f’dan id-djalogu l-kontribut tat-tradizzjonijiet reliġjużi l-kbar, li għandhom sehem effettiv li jservu ta’ ħmira fil-ħajja soċjali u li jagħtu r-ruħ lid-demokrazija.  Il-konvivenza tar-reliġjonijiet differenti tibbenefika mil-lajċità tal-Istat, li, waqt li ma jassumi l-ebda pożizzjoni konfessjonali bħala tiegħu, jirrispetta u jagħti valur lill-preżenza tad-dimensjoni reliġjuża fis-soċjetà, waqt li jiffavorixxi dawk l-espressjonijiet l-aktar konkreti tagħha.

 

Meta l-mexxejja ta’ setturi diversi jitolbuni parir, it-tweġiba tiegħi hija dejjem l-istess: djalogu, djalogu, djalogu.  L-uniku mod biex tikber persuna, familja, soċjetà, l-uniku mod biex il-ħajja tal-popli timxi ’l quddiem huwa bl-impenn għall-kultura tal-laqgħa, kultura li fiha kulħadd għandu xi ħaġa tajba x’jagħti u kulħadd jista’ jirċievi xi ħaġa tajba.  L-ieħor dejjem għandu xi ħaġa x’jagħtini, jekk nagħraf nersaq lejh b’atteġġjament miftuħ u disponibbli, bla preġudizzji.  Dan l-atteġġjament miftħ, disponibbli u bla preġudizzji niddefinih bħala “umiltà soċjali”, li hi dik li tiffavorixxi d-djalogu.  Hekk biss jista’ jikber ftehim tajjeb bejn il-kulturi u r-reliġjonijiet, l-istima ta’ xulxin mingħajr ma noħolqu kunċetti żejda ta’ xulxin minn qabel, u fi klima ta’ rispett għall-jeddijiet ta’ kull wieħed.  Illum, jew nibbażaw fuq id-djalogu, jew nibbażaw fuq il-kultura tal-laqgħa, jew nitilfu lkoll, nitilfu lkoll.  Minn hawn titlaq mixja produttiva.

 

Eċċellenzi, Sinjuri!

 

Irroddilkom ħajr għall-attenzjoni tagħkom. Ilqgħu dan il-kliem bħala espressjoni tat-tħassib tiegħi bħala Ragħaj tal-Knisja u tar-rispett u l-imħabba li għandi għall-Poplu Brażiljan.  Il-fraternità bejn il-bnedmin u l-kollaborazzjoni biex tkun mibnija soċjetà aktar ġusta mhumiex ħolma fantastika, imma r-riżultat ta’ sforz konkret ta’ kulħadd b’riżq il-ġid komuni.  Nagħmlilkom kuraġġ f’dan l-impenn tagħkom għall-ġid komuni, li jitlob minn kulħadd għerf, prudenza u ġenerożità.  Nafdakom f’idejn il-Missier tas-Sema, waqt li nitolbu, bl-interċessjoni tas-Sinjura Tagħna ta’ Apericida, biex jimla bid-doni tiegħu lil kull min hu preżenti, lill-familji rispettivi, lill-komunitajiet ta’ bnedmin u tax-xogħol u, minn qalbi, nitlob ’l Alla jberikkom.  Grazzi ħafna.

 

Miġjub għall-Malti minn Joe Farrugia