VJAĠĠ APPOSTOLIKU F’RIO DE JANEIRO

FL-OKKAŻJONI TAT-XXVIII JUM DINJI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

LAQGĦA MAL-EPISKOPAT BRAŻILJAN

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA FRANĠISKU

Arċiveskovat ta’ Rio de Janeiro
Is-Sibt, 27 ta’ Lulju 2013

Għeżież Huti,

Kemm hi ħaġa tajba u sabiħa li ninsab hawn magħkom, Isqfijiet tal-Brażil!

Grazzi talli ġejtu, u ppermettuli li nkellimkom bħala ħbieb, għalhekk nippreferi nkellimkom bl-Ispanjol biex inkun nistà nesprimi ruħi aħjar dak li għandi f’qalbi. Nitlobkom tiskużawni!

Ninsabu miġburin maqtugħin ftit għalina, f’dan il-post imħejji għalina minn ħuna Mons. Orani, biex nibqgħu ftit fejn qegħedna u nkun nistgħu nitkellmu qalb ma’ qalb, bħala rgħajja li lilhom Alla afda l-Merħla tiegħu. Fit-toroq ta’ Rio, żgħażagħ tad-dinja kollha u tant iktar moltitudnijiet qegħdin jistennewna, mixtieqa li jintlaħqu mill-ħarsa ta’ ħniena ta’ Kristu r-Ragħaj it-Tajjeb, li aħna msejħin biex nirrendu preżenti. Ingawdu, mela, minn dan il-waqt ta’ mistrieħ, ta’ kondiviżjoni, ta’ vera fraternità.

Waqt li nibda mill-Presidenza tal-Konferenza Episkopali u tal-Arċiveskovat ta’ Rio de Janeiro, irrid inħaddan lil kulħadd u lil kull wieħed, b’mod speċjali lill-Isqfijiet emeriti.

Iktar minn diskors formali, irrid naqsam magħkom diversi riflessjonijiet.

L-ewwel waħda ġietni f’moħħi darb’oħra meta żort is-santwarju ta’ Apericida. Hemm, f’riġlejn l-istatwa tal-Immakulata Konċezzjoni, tlabt għalikom, għall-Knejjes tagħkom, għall-presbiteri tagħkom, ir-reliġjużi rġiel u nisa, għas-seminaristi tagħkom, għal-lajċi u l-familji tagħhom u, b’mod partikulari, għaż-żgħażagħ u għall-anzjani, li t-tnejn huma t-tama ta’ poplu; iż-żgħażagħ, għaliex iġorru l-qawwa, l-illużjoni, it-tama tal-futur; l-anzjani, għaliex huma l-memorja, l-għerf ta’ poplu. [1]

1. Aparecida: ċavetta ta’ qari għall-missjoni tal-Knisja

Ġewwa Aparecida, Alla offra lill-Brażil l-Omm propja tiegħu. Imma, ġewwa Apericida, Alla ta wkoll lezzjoni dwaru, dwar il-mod tiegħu li jkun u li jaġixxi. Lezzjoni dwar l-umiltà li tappartjeni lil Alla bħala trattat essenzjali, u li hija fid-DNA ta’ Alla. Hemm xi ħaġa perenni li jeħtieġ nitgħallmu fuq Alla u dwar il-Knisja ġewwa Apericida; tagħlima li la l-Knisja fil-Brażil, lanqas il-Brażil innifsu ma għandhom jinsew.

Fil-bidu  tal-ġrajja ta’ Apericida hemm it-tiftix tal-imsejkna sajjieda. Tant ġuħ u ftit li xejn riżorsi. In-nies dejjem jinħtieġu l-ħobż. In-nies dejjem jitilqu mill-bżonnijiet tagħhom, ukoll illum. Għandhom dgħajsa dgħajfa u li mhix tajba, għandhom xbieki skaduti, forsi wkoll imqatta, insuffiċjenti.

L-ewwel hemm l-isforz fiżiku, forsi l-għejja, minħabba s-sajd, u madankollu ir-riżultat huwa skars: falliment, nuqqas ta’ suċċess. Minkejja l-isforzi kollha, ix-xbieki huma vojta.

Imbagħad, meta jrid Alla, Hu nnifsu jidħol fil-Misteru tiegħu. L-ilmijiet huma profondi u madankollu jaħbu dejjem il-possibiltà ta’ Alla; u Hu wasal għall-għarrieda, min jaf hux meta jkunu qatgħu jieshom jistennewh. Is-sabar ta’ dawk li jistennewh dejjem issib ruħha fi prova. U Alla wasal b’mod ġdid, għaliex Alla huwa sorpriża: immaġni ta’ fuħħar fraġli, oskurat mill-ilmijiet tax-xmara, ukoll imxejħa miż-żmien. Alla dejjem jidħol fil-libsa tal-ftit.

Hekk hi allura l-immaġni tal-Immakulata Konċezzjoni. L-ewwel il-ġisem, imbagħad ir-ras, imbagħad l-għaqda ta’ ġisem u ras: unità. Il-Brażil kolonjali kien maqsum mill-ħajt tal-għajb tal-iskjavitù. Il-Madonna Apericida tippreżenta ruħha bil-wiċċ iswed, l-ewwel mifruda, imbagħad unita fl-idejn tas-sajjieda

Hawn għandna tagħlima li Alla jrid joffrilna. Is-sbuħija tiegħu riflessa fl-Omm, konċepita mingħajr dnub oriġinali, toħroġ mill-oskurità tax-xmara. F’Apericida, sa mill-bidu, Alla jirregala messaġġ ta’ rikompożizzjoni ta’ dak li huwa maqsum, ta’ kompattazzjoni ta’ dak li huwa mifrud. Ħitan, abbissi, distanzi preżenti wkoll illum huma ddestinati li jgħibu. Il-Knisja ma tistax tittraskura din il-lezzjoni: tkun strument ta’ rikonċiljazzjoni.

Is-sajjieda ma jiddisprezzawx il-misteru li ltaqgħu miegħu fix-xmara, ukoll jekk il-misteru jidher mhux komplut. Ma jarmux il-bċejjeċ tal-misteru. Jistennew il-milja tiegħu. U din ma tittardjax biex tasal. Hemm xi ħaġa ta’ għerf li hemm bżonn li nitgħallmuha. Hemm bċejjeċ ta’ misteru, bċejjeċ ta; mużajk, li se mmorru niltaqgħu miegħu. Ma rridux naraw kollox  b’wisq għaġġla u Alla għall-kuntrarju jħallina narawh naqra naqra. Ukoll il-Knisja hemm bżonn li titgħallem din l-istennija.

Imbagħad, is-sajjieda ġarrew f’darhom il-misteru. In-nies sempliċi dejjem għandhom spazju biex jospitaw il-misteru. Jistà jkun li naqqasna id-diskors tagħna dwar il-misteru għal spjega razzjonali; fin-nies, iżda, il-misteru jidħol fil-qalb. Fid-dar tal-foqra Alla dejjem isib post.

Is-sajjieda “agasalham”: ilibbsu mill-ġdid il-misteru tal-Verġni mistadha, bħallikieku kienet qed tħoss il-bard u kellha bżonn min isaħħanha. Alla jitlob li jkun imkennen fl-iktar post sħun tagħna: il-qalb. Imbagħad ikun Alla li jagħti  s-sħana li jkollna bżonn, imma l-ewwel jidħol bil-makakkerija f’dak li qed jittallab. Is-sajjieda jgħattu dak il-misteru tal-Verġni bil-mant tal-faqar tal-fidi tagħhom. Isejħu lill-ġirien biex jaraw is-sbuħija misjuba; jinġabru madwarha; jirrakkuntaw l-inkwiet tagħhom fil-preżenza tagħha u jafdawlha l-kawżi tagħhom. Hekk huma jaċċettaw li l-intenzjonijiet ta’ Alla jistgħu jitwettqu: grazzja, imbagħad oħra; grazzja li tiftaħ it-triq għal oħra; grazzja li tħejji oħra. Alla b’mod gradwat jgħaddi jferrex l-umiltà misterjuża tal-qawwa tiegħu.

Hemm tant x’nitgħallmu minn dan l-atteġġjament tas-sajjieda. Knisja li tagħmel wisà għall-misteru ta’ Alla; Knisja li tospita fiha nfisha tali misteru, b’tali mod li hu jkun jista’ jiġbed in-nies, jiġbidhom lejh. Is-sbuhija ta’ Alla biss tistà tagħmel dan. It-triq ta’ Alla hija s-seħer li jiġbed. Alla jġiegħel li jinġarr id-dar. Huwa jerġà jqajjem fil-bniedem ix-xewqa li jżommu f’ħajtu, f’daru, f’qalbu. Huwa jerġà jqajjem fina x-xewqa li nsejħu l-ġirien sabiex jagħrfu sbuħitu. Il-missjoni titwieled propju minn dan is-seħer divin, minn dan l-istagħġib tal-laqgħa. Qed nitkellmu dwar missjoni, minn Knisja missjunarja. Naħseb dwar is-sajjieda li jsejħu lill-ġirien biex jaraw il-misteru tal-Verġni. Mingħajr is-sempliċità tal-atteġġjament tagħhom, il-missjoni tagħna hija ddestinata għall-falliment.

Il-Knisja għandha dejjem il-bżonn urġenti li titgħallem mill-ġdid il-lezzjoni ta’ Apericida, dan ma tistax tinsieh. Ix-xbieki tal-Knisja huma fraġli, forsi msewwijjin; id-dgħajsa tal-Knisja m’għadhiex il-qawwa tat-transatlantiċi kbar li jaqsmu l-oċeani. U madankollu Alla jrid jimmanifesta ruħu propju permezz tal-mezzi tagħna, mezzi fqajrin, għaliex huwa dejjem hu li jaġixxi.

Għeżież ħuti, ir-riżultat tax-xogħol pastorali ma jistrieħx fuq il-għana tar-riżorsi, imma fuq il-kreattività tal-imħabba. Bla ebda dubju ta’ xejn hemm bżonn tal-perseveranza, l-isforz, xogħol iebes, programmazzjoni, organizzazzjoni, imma l-ewwel u qabel kollox hemm bżonn li nkunu nafu li l-qawwa tal-Knisja ma tabitax fiha nfisha, imma tinħeba fl-ilmijiet profondi ta’ Alla, li fihom hija msejħa biex tixħet ix-xbieki.

Lezzjoni oħra li l-Knisja hemm bżonn li dejjem tiftakar hija li ma tistax titbiegħed mis-sempliċità, inkella tinsa kif titkellem il-lingwaġġ tal-Misteru u hija stess tibqà ‘l barra mill-bieb tal-Misteru, u, ovvjament, ma jirnexxilhiex tersaq lejn dawk li jħarsu lejn il-Knisja għal dak li ma jistgħux jagħtu minnhom infushom, jiġifieri Alla. Xi drabi, nitilfu n-nies għax ma jifhmuniex għaliex insejna s-sempliċità, waqt li impurtajna minn barra ukoll ċerta razzjonalità barranija għan-nies tagħna. Mingħajr il-grammatika tas-sempliċità, il-Knisja tiċċaħħad mill-kondizzjonijiet li jirrendu possibbli “is-sajd” ta’ Alla fl-ilmijiet profondi tal-Misteru tiegħu.

L-aħħar ħsieb: Apericida dehret f’salib it-toroq. It-triq li kienet tgħaqqad lil Rio, il-kapitali, ma’ San Paolo, il-provinċja kollha riżorsi li dakinhar kienet qiegħda titwieled, u Minas Gerais, il-minjieri mixtieqa mill-Qrati Ewropej: salib it-toroq tal-Brażil kolonjali. Alla jidher f’salib it-toroq. Il-Knisja fil-Brażil ma tistax tinsa tali vokazzjoni mnaqqxa fiha sa mill-ewwel nifs: li tkun it-taħbita tal-qalb, biex tiġbor u tferrex.

2. L-apprezzament għat-triq tal-Knisja fil-Brażil

L-Isqfijiet ta’ Ruma dejjem kellhom f’qalbhom il-Brażil u l-Knisja tiegħu. Twettaq vjaġġ meraviljuż. Mit-tnax-il dijoċesi waqt il-Konċilju Vatikan I għall-275 ċirkoskrizjoni attwali. Din ma kienetx l-espansjoni ta’ organizzazzjoni jew negozju, imma pjuttost id-dinamiżmu tal-‘ħames ħobżiet u żewġ ħutiet’ evanġeliċi, li permezz tat-tjubija tal-Missier, f’idejn bil-kallijiet saru tkattru.

Illum, irrid nirrikonoxxi x-xogħol bla waqfien tagħkom ir-Rgħajja, fil-Knejjes tagħkom. Qed naħseb dwar l-Isqfijiet fil-foresti, waqt li jitilgħu u jinżlu x-xmajjar, fl-oqsma nofshom nexfin, fil-Pantanal, fil-pampas, fil-ġungli urbani tal-megalopoli. Ħobbu dejjem, b’dedikazzjoni totali l-imrieħel tagħkom! Imma qed naħseb ukoll f’tant ismijiet u t-tant uċuħ, li ħallew il-marka tagħhom li ma titħassarx fil-mixja tal-Knisja fil-Brażil, waqt li taw fl-idejn it-tjubija kbira tal-Mulej lejn din il-Knisja[2].

L-Isqfijiet ta’ Ruma qatt ma kienu bogħod; segwew, inkuraġġew, akkumpanjaw. Tul l-għaxriet ta’ snin riċenti, il-beatu Ġwanni XXIII stieden b’insistenza lill-Isqfijiet Brażiljani biex jesponu l-ewwel pjan pastorali tagħhom, u, minn dak il-bidu, nibtet tradizzjoni pastorali vera fil-Brażil, li wriet iva li l-Knisja ma kinitx transatlantiku mitluq għal riħu, imma li dejjem kellu boxxla. Is-serv ta’ Alla Pawlu VI, minbarra li nkuraġġixxa li jkun milqugħ il-Konċilju Vatikan II, b’fedeltà, imma wkoll bi kreattività (cfr l-Assemblea Ġenerali taċ-CELAM ġo Medellin), influwixxa b’mod deċiżiv fuq l-awtokuxjenza tal-Knisja fil-Brażil permezz tas-Sinodu dwar l-evanġelizzazzjoni u dak it-test fundamentali ta’ riferenza għadu attwali: l- Evangelii nuntiandi. Il-beatu Ġwanni Pawlu II żar il-Brażil tliet darbiet, ġrieh minn tarf għall-ieħor, mit-tramuntana san-nofsinhar, waqt li nsista fuq il-missjoni pastorali tal-Knisja, fuq il-komunjoni u l-parteċipazzjoni, fuq il-preparazzjoni għall-Ġublew il-Kbir, fuq l-evanġelizzazzjoni l-ġdida. Benedittu XVI għażel Aperecida biex jirrejalizza l-V Assemblea taċ-CELAM u dan ħalla marka kbira fil-Knisja tal-Kontinent  kollu kemm hu.

Il-Knisja fil-Brażil laqgħet u applikat b’oriġinalità l-Konċilju Vatikan II u l-vjaġġ imwettaq, minkejja li kellu jegħleb ċertu mard ta’ tfulitu, bil-mod il-mod wassal għal Knisja iktar matura, miftuħa, ġeneruża u missjunarja.

Illum ninsabu f’mument ġdid. Kif hu espress sewwa fid-Dokument ta’ Aperiċida: din mhix epoka ta’ bidla, imma hija bidla ta’ epoka, illum huwa dejjem urġenti li nistaqsu: x’qed jitlob minna Alla? Għal din id-domanda nixtieq nipprova noffri xi linji ta’ tweġiba.

3. L-ikona ta’ Għemmaws bħala ċavetta ta’ qari tal-preżent u tal-futur

Qabel xejn m’hemmx bżonn inċedu għall-biżà li dwarha kien jitkellem il-beatu John Henry Newman: “Id-dinja nisranija qiegħda bil-mod il-mod issir sterili, u se tispiċċa bħala art sfruttata sal-qiegħ li ssir ramel.” [3] Mhemmx għalfejn inċedu għad-diżillużjoni, għall-qtigħ il-qalb, għall-qrid. Ħdimna ħafna u, xi daqqiet, jidhrilna li aħna telliefa, u nħossu s-sentiment ta’ min irid jagħlaq staġun mitluf, waqt li jħares lejn dawk li jitilquna jew li ma jqisuniex iktar kredibbli jew rilevanti.

Ejjew naqraw f’dan id-dawl, għal darb’oħra, l-episodu ta’ Għemmaws (cfr Lk 24, 13-15). Iż-żewġ dixxipli jaħarbu minn Ġerusalemm. Jitbegħdu mill-“għera” ta’ Alla.Jinsabu skandalizzati bil-falliment tal-Messija li fih kienu ttamaw u li issa kien jidher tellief, umiljat  wara t-tielet jum (vv. 17-21). Il-misteru diffiċli tan-nies li tħalli l-Knisja; ta’ persuni li, wara li jħallu lilhom infushom jiġu mqarrqin minn proposti oħra, iħossu li issa l-Knisja - il-Ġerusalemm tagħhom - ma tistà toffri xejn iktar sinifikattiv u mportanti. U allura ikomplu triqthom weħedhom, bid-delużjoni tagħhom.  Forsi l-Knisja dehret wisq debboli, forsi wisq ‘il bogħod mill-bżonnijiet tagħhom, forsi fqajra wisq biex twieġeb għall-inkwiet tagħhom, forsi bierda wisq fil-konfront tagħhom, forsi mitlufa wisq fiha nfisha, forsi priġuniera tal-lingwaġġi riġidi tagħha, forsi d-dinja tidher li rrendiet il-Knisja rovina tal-imgħoddi, insuffiċjenti għad-domandi l-ġodda; forsi l-Knisja kellha risposti għall-infanzja tal-bniedem imma mhux għall-età adulta[4]. Il-fatt hu li llum hemm wisq li huma bħad-dixxipli ta’ Għemmaws; mhux dawk biss li jfittxu tweġibiet fil-gruppi reliġjużi ġodda u mxerrda, imma wkoll dawk li jidhru issa bla Alla kemm fit-teorija kif ukoll fil-prattika.

Quddiem din is-sitwazzjoni, x’tagħmel?

Hemm bżonn ta’ Knisja li ma tibżax tidħol fil-lejl tagħhom. Hemm bżonn ta’ Knisja kapaċi tiltaqà magħhom fi triqthom. Hemm bżonn ta’ Knisja li lesta tinserixxi ruħha fil-konversazzjoni tagħhom. Hemm bżonn ta’ Knisja li taf tiddjaloga ma’ dawk id-dixxipli, li, qegħdin jaħarbu minn Ġerusalemm, qed jiġġerrew mingħajr skop, weħedhom, bid-diżappunti tagħhom, bid-delużjoni ta’ Kristjaneżmu meqjus bħala art sterili, infertili, inkapaċi li jagħmel sens.

Il-proċess bla waqfien ta’ globalizzazzjoni, l-urbanizzazzjoni mhix kontrollata u qawwija spiss  wegħdu ħwejjeġ kbar. Ħafna huma dawk li inġibdu mal-potenzjalità tagħhom, li sintendi fiha elementi pożittivi, bħal, per eżempju, it-tnaqqis tad-distanzi, l-avviċinament bejn il-persuni u l-kulturi, id-diffużjoni tal-informazzjoni u tas-servizzi. Imma mill-banda l-oħra, bosta qegħdin jgħixu l-effetti negattivi ta’ dawn ir-realtajiet mingħajr ma jintebħu kif dawn qed jippreġudikaw il-propja viżjoni tal-bniedem u tad-dinja.  Dan qed iġib konfużjoni kbira, u vojt li n-nies mhix kapaċi tfisser; dwar l-iskop tal-ħajja, id-diżintegrazzjoni personali, it-telf tal-esperjenza li inti tkun tappartjeni għal “bejta” [dar], u n-nuqqas ta’ spazju personali u ta’ rbit perssonali profond.

U billi mhemmx min jakkumpanjahom u jurihom b’ħajtu dik il-vera mixja, bosta fittxew toroq iqsar, għaliex jidher ferm għoli il-“qies” tal-Knisja l-Kbira. Hemm ukoll dawk li jagħrfu l-ideal tal-bniedem u ta’ ħajja propost mill-Knisja imma m’għandhomx il-kuraġġ li jħaddnuh. Jaħsbu li dan l-ideal huwa ferm kbir għalihom, huwa lil hemm mill-possibiltajiet tagħhom; il-għan li hemm bżonn iżżomm ma jistgħax jintlaħaq. Madankollu ma jistgħux jgħixu mingħajr ma jkollhom xi ħaġa, saħansitra karikatura, ta’ dak li donnu jidher ferm għoli u ‘l bogħod. Bid-diżillużjoni f’qalbhom, imorru jfittxu xi ħaġa li terġà għal darb’oħra tilludihom, jew jirrassenjaw ruħhom għal aċċettazzjoni parzjali, li, fl-aħħar minn l-aħħar, ma jirnexxilhiex tagħti milja lil ħajjithom.

Is-sens kbir ta’ abbandun u ta’ solitudni, ta’ nuqqas ta’ appartenenza lanqas għalihom infushom li spiss toħroġ minn dawn is-sitwazzjonijiet, hija wisq ta’ niket biex tkun moħbija. Jibqa’ l-bżonn għal xi forma ta’ żvog. Dejjem hemm l-għażla tat-tgergir u l-qrid. Imma wkoll dan it-tgergir u qrid isir bħal boomerang li jergġà lura u jispiċċa biex iżżid in-niket. Ftit huma n-nies li għadhom kapaċi jisimgħu il-leħen tad-dulur; l-aħjar li jifdlilna nagħmlu hu li nillupjawh.

Quddiem din ix-xena, hemm bżonn ta’ Knisja li kapaċi timxi maġenb in-nies, li tmur ‘il hemm minn sempliċiment tismagħhom; Knisja li takkumpanjhom fil-vjaġġ tagħhom.  Knisja kapaċi li tagħmel sens mill-lejl li hemm fil-ħarba ta’ tant minn ħutna rġiel u nisa minn Ġerusalemm; Knisja li tagħraf kif fl-istess raġunijiet li għalihom in-nies li qegħdin jitbiegħdu hemm ukoll diġà r-raġunijiet għaliex għandhom jiġu lura. Imma jinħtieġ li nkunu nafu kif infissru, bil-kuraġġ, l-istampa l-kbira. Ġesù ħeġġeġ il-qlub tad-dixxipli ta’ Għemmaws.

Irrid li, illum, ilkoll nistaqsu lilna nfusna: għadna Knisja li kapaċi tħeġġeġ il-qlub? Knisja li kapaċi treġġà lura lejn Ġerusalemm? Li mill-ġdid takkumpanja lejn id-dar? F’Ġerusalemm hemm l-għeruq tagħna: Skrittura, Katekeżi, Sagramenti, Kumunità, ħbiberija mal-Mulej, Marija u l-Appostli.....Għadna kapaċi nirrakkontaw dawn l-għejjun b’mod li nerġgħu nagħtu l-ħajja lis-seħer ta’ sbuħithom?

Ħafna nies telqu minħabba li kien imwiegħed lilhom xi ħaġa iktar għolja, xi ħaġa iktar qawwija, xi ħaġa iktar malajr.

Imma hemm xi ħaġa iktar għolja mill-imħabba rivelata f’Ġerusalemm? Xejn mhu iktar għoli mit-tbaxxija tas-Salib, għaliex hemm jintlaħaq tassew l-għoli tal-imħabba! Għadna kapaċi nuru din il-verità lil dawk li jaħsbu li l-vera għoli tal-ħajja tinsab x’imkien ieħor?

Nafu b’xi ħaġa iktar qawwija mill-qawwa moħbija fid-dgħufija tal-imħabba, tal-ġid, tal-verità, tas-sbuħija?

It-tiftix ta’ dak li huwa dejjem iktar veloċi jiġbed lill-bniedem tallum: Internet veloċi, karrozza veloċi, ajruplani veloċi, rapporti veloċi....U madankollu iħoss il-bżonn iddisprat ta’ kalma, irrid ngħid li timxi bil-mod. Il-Knisja għadha taf timxi bil-mod: li tieħu ż-żmien biex tismà, fis-sabar, biex tħit mill-ġdid u terġa’ tinseġ? Jew il-Knisja wkoll inġarret mill-kurrent ta’ ferneżija għal-effiċjenza? Għeżież ħuti, ejjew nirkupraw mill-ġdid il-kalma li nkunu nafu nimxu bl-istess pass tal-pellegrini tagħna, bir-ritmu ta’ mixi tagħhom, li nkunu dejjem qrib biex nippermettulhom jitkellmu dwar id-diżillużjoni li hemm f’qalbhom, hekk li nkunu nistgħu ngħinuhom fihom. Huma jridu jinsew lil Ġerusalemm li fiha jabitaw is-sorsi tagħhom, imma fl-aħħar se jispiċċaw li jaqbadhom l-għatx. Hemm bżonn ta’ Knisja li kapaċi takkumpanjahom mill-ġdid fir-ritorn lejn Ġerusalemm! Knisja li tistà twassalhom jiskopru mill-ġdid l-affarijiet glorjużi u ferrieħa li jgħidu dwar Ġerusalemm, li ġġiegħlhom jifhmu li hija Ommi, Ommna u m’aħniex iltiema! Fiha twelidna. Fejn hi l-Ġerusalemm tagħna, fejn twelidna? Fil-Magħmudija, fl-ewwel laqgħa ta’ mħabba, fis-sejħa, fil-vokazzjoni![5] Hemm bżonn ta’ Knisja li terġà lura biex iġorr is-sħana, biex tħeġġeġ il-qalb.

Hemm bżonn ta’ Knisja li kapaċi terġà tagħti ċ-ċittadinanza lil tant minn uliedha li qegħdin jimxu bħal f’eżodu

4. L-isfidi tal-Knisja fil-Brażil

Fid-dawl ta’ dak li għidt, nixtieq nenfasizza uħud mill-isfidi tal-maħbuba Knisja li hawn fil-Brażil.

Il-prijorità tal-formazzjoni: Isqfijiet, saċerdoti, reliġjużi, lajċi

Għeżież ħuti, jekk ma niffurmawx ministri kapaċi li jsaħħnu l-qalb tan-nies, li jimxu magħhom bil-lejl, li jiddjalogaw magħhom fl-illużjonijiet u d-diżillużjonijiet tagħhom, li jerġgħu jibnu mill-ġdid it-tifrik tagħhom, x’tama jista’ jkollna fil-vjaġġ tagħna llum u fil-futur? Mhux minnu li Alla ddallam fihom. Nitgħallmu nħarsu iktar fil-fond: jonqos min ikebbes qalbhom, bħal sar mad-dixxipli ta’ Għemmaws (cfr Lk 24,32).

Hu għalhekk li huwa importanti li nġibu ‘l quddiem formazzjoni xierqa li toħloq persuni kapaċi li jidħlu fil-lejl mingħajr ma jkunu mirbuħa mid-dlam u jintilfu; kapaċi li jisimgħu il-ħolm tan-nies, bla ma jħallu li huma wkoll jiġu mqarqa; li jaqsmu fid-diżappunti tagħhom bla ma huma stess jaqtgħu qalbhom u jitnikktu; kapaċi jissimpitaizzaw mat-tifrik li hemm fl-oħrajn mingħajr ma jħallu lilhom infushom jiddewbu u jiddekomponu fl-identità propja tagħhom.

Hemm bżonn ta’ formazzjoni soda, umana, kulturali, effettiva, spiritwali, dottrinali.[6] Għeżież ħuti fl-Episkopat, hemm bżonn li jkollna l-kuraġġ għal reviżjoni mill-qiegħ tal-istrutturi ta’ formazzjoni u ta’ tħejjija tal-kleru u tal-lajkat tal-Knisja li hawn fil-Brażil. Mhux biżżejjed l-formazzjoni tkun meqjusa bħala prijorità vaga, kemm fid-dokument u kemm fil-laqgħat. Jinħtieġ l-għaqal prattiku li nwaqqfu fuq saqajhom strutturi ta’ tħejjija sodi, fuq livelli lokali, reġjonali u nazzjonali, u li jkunu tassew għal qalb tal-Isqfijiet, mingħajr tqanċiċ ta’ forzi, l-attenzjoni u l-akkumpanjament. Is-sitwazzjoni attwali tesiġi formazzjoni kwalifikata fil-livelli kollha. L-Isqfijiet ma jistgħux jiddelegaw dan ix-xogħol. Intom ma tistgħux tiddelegaw dan ix-xogħol, imma tqisuh fundamentali għall-mixja tal-Knejjes tagħkom

Kolleġġjalità u  solidarjetà tal-Konferenza Episkopali

Għall-Knisja fil-Brażil mhux biżżejjed leader nazzjonali, hemm bżonn ta’ xibka ta’ “xhieda” reġjonali, li, waqt li jwasslu l-istess lingwaġġ, jassikuraw kullimkien mhux l-unanimità, imma l-vera unità fil-għana tad-diversità.

Il-komunjoni hija tila li jeħtieġ tintiseġ b’sabar u perseveranza, li timxi gradwalment “waqt li ttressaq il-punti” biex tippermetti kopertura dejjem iżjed mifruxa u ħoxna. Gverta bi ftit ħjut tas-suf ma ssaħħanx.

Huwa mportanti li niftakru f’Apericida, il-metodu li niġbru flimkien id-diversità. Mhux tant diversità ta’ ideat biex nipproduċu dokument, imma varjetà ta’ esperjenzi ta’ Alla biex inħaddmu dinamika vitali.

Id-dixxipli ta’ Għemmaws reġgħu lura Ġerusalemm jirrakkuntaw l-esperjenza li kellhom fil-laqgħa ma’ Kristu Rxoxt  (cfr Lk 24,33-35).U hemm saru jafu bil-manifestazzjonijiet l-oħra tal-Mulej u tal-esperjenzi ta’ ħuthom. Il-Konferenza Episkopali hija propju spazju vitali li jippermetti tali bdil ta’ xhieda rigward il-laqgħat tal-Irxoxt, fit-Tramuntana, fin-Nofsinhar, fil-Punent.......Jeħtieġ, allura, valorizzazzjoni li tikber tal-element lokali u reġjonali. Mhux biżżejjed il-burokrazija ċentrali, imma hemm bżonn li titkabbar il-kolleġgjalità u s-solidarjetà, tkun tassew għana għal kulħadd.[7]

 Stat permanenti ta’ missjoni u konversjoni pastorali.

Aparecida tkellmet dwar stat permanenti ta’ missjoni[8] u dwar il-bżonn ta’ konversjoni pastorali.[9] Huma żewġ riżultati importanti ta’ dik l-Assemblea għall-Knisja kollha tal-inħawi, u il-mixja mwettqa fil-Brażil fuq dawn iż-żewġ punti hija sinifikattiva.

Dwar il-missjoni ta’ min jiftakar li l-urġenza tinbet mill-motivazzjoni interna tagħha, hija dwar li tgħaddi wirt.  Dwar il-metodu huwa meħtieġ niftakru li wirt huwa bħal xhud, l-istaffa f’tiġrija tal-istaffetta [baton in a relay race]: mhux titilqu fl-arja u min jirnexxilu jaħtfu, sewwa, u min ma jirnexxilux jibqà mingħajru. Biex nittrasmettu l-wirt hemm bżonn li ngħadduh personalment, inmissu lil dak li rridu nirregalawhulu, li lilu rridu ngħaddu dan il-wirt.

Dwar il-konverżjoni pastorali irrid infakkar li “pastorali” mhix ħaġ’oħra għajr l-eżerċizzju tal-maternità tal-Knisja. Hija tiġġenera, tredda, tkabbar, tikkorreġi, titmà, tmexxi minn idu.... Hemm bżonn, mela, Knisja li tkun kapaċi tiskopri il-ġuf matern tal-ħniena. Mingħajr il-ħniena, illum ftit li xejn għandna cans li nidħlu f’dinja ta’ “feruti”, li jinħtieġu min jifhimhom, jaħfrilhom, iħobbhom.

Fil-missjoni, ukoll f’livel kontinentali,[10]  huwa ferm importanti li nqawwu l-familja, li tibqà ċellula essenzjali għas-soċjetà u għall-Knisja; iż-żgħażagħ, li huma l-wiċċ futur tal-Knisja; in-nisa, li għandhom rwol fundamentali fit-trasmissjoni tal-fidi u huma qawwa ta’ kuljum f’soċjetà fejn jgħadduha ‘l quddiem u jġedduha. Ma nnaqqsux l-impenn tan-nisa fil-Knisja, għall-kuntrarju nippromwovu r-rwol attiv tagħhom fil-komunità ekkleżjali. Kemm-il darba l-Knisja titlef in-nisa, fid-dimensjoni totali u reali tagħha, hija tissogra li ssir sterili. Apericida ssostni wkoll il-vokazzjoni u l-missjoni tar-raġel fil-familja, fil-Knisja u fis-soċjetà, bħala missirijiet, ħaddiema u ċittadini [11]. Żommuh dan f’kunsiderazzjoni serja!

Il-Kompitu tal-Knisja fos-soċjetà

Fil-qasam tas-soċjetà hemm ħaġa waħda biss li l-Knisja titlob b’ċarezza partikulari: il-libertà li xxandar l-Evanġelju b’mod sħiħ, ukoll meta dan jimponi kuntrast mad-dinja, ukoll meta jmur kontra l-kurrent, li tiddefendi t-teżor li tiegħu hija biss l-għassiesa, u l-valuri li ma ħolqitx hi, imma li rċeviethom u li trid tkun fidila lejhom.

Il-Knisja tisħaq fuq id-dritt li sservi l-bniedem fis-sħuħija kollha tiegħu. Il-Knisja trid tagħmel preżenti il-patrimonju spiritwali li mingħajru s-soċjetà titfarrak u l-bliet megħluba mill-ħitan, l-abbissi u l-barrieri tagħhom. Il-Knisja għandha d-dritt u d-dmir li żżomm mixgħula l-fjamma tal-libertà u tal-għaqda tal-bniedem.

Edukazzjoni, saħħa, paċi soċjali huma l-urġenzi Brażiljani. Il-Knisja għandha kelma xi tgħid dwar dawn it-temi, għaliex biex twieġeb b’mod adegwat għal tali sfidi mhumiex biżżejjed solużzjonijiet purament tekniċi, imma hemm bżonn li fihom ikollhom viżjoni umana, tal-libertà tiegħu, tal-valur tiegħu, tal-ftuħ tiegħu lejn dak traxxendenti. U intom, għeżież ħuti, la tibżgħux toffru dan il-kontribut tal-Knisja li huwa għall-ġid tas-soċjetà kollha kemm hi u li toffru din il-kelma “inkarnata” wkoll bix-xhieda.

L-Amażonja bħala mappa ta’ tornasol, bank ta’ prova għall-Knisja u għas-soċjetà Brażiljana

Hemm l-aħħar punt li fuqu nixtieq nieqaf, u li jien inqis rilevanti għall-mixja attwali u futura mhux biss tal-Knisja fil-Brażil, imma wkoll tat-tessut soċjali kollu: l-Amażonja. Il-Knisja tinsab fl-Amażonja mhux bħal min minn għandu l-valiġġi f’idu lest biex jitlaq wara li sfrutta dak kollu li setà. Il-Knisja hija preżenti fl-Amażonja sa mill-bidu permezz ta’ missjunarji, kongregazzjonijiet reliġjużi, saċerdoti, lajċi u isqfijiet, u għadha hemm preżenti u determinanti għall-futur tal-inħawi. Qiegħed naħseb dwar l-merħba li l-Knisja fl-Amażonja toffri llum lill-immigranti Ħaitjani wara t-terremot terribbli, li qaleb il-Pajjiż tagħhom ta’ taħt fuq.

Nixtieq nistieden lil kulħadd biex jirrifletti dwar dak li Apericida qalet dwar l-Amażonja,[12] ukoll is-sejħa qawwija dwar ir-rispett u dwar il-kustodja tal-ħolqien kollu. Li Alla fada lill-bniedem mhux biex jisfruttah b’mod selvaġġ, imma biex jirrendieh ġnien. Fl-isfida pastorali li tirrapreżenta l-Amażonja ma nistax ma nrodd ħajr dwar dak li l-Knisja fil-Brażil qiegħda tagħmel: il-Kummissjoni Episkopali għall-Amażonja mwaqqfa fl-1997 diġà tat bosta frott u tant djoċesijiet wieġbu b’mod immedjat u ġeneruż għat-talba ta’ solidarjetà, billi bagħtu missjunarji lajċi u saċerdoti. Niżżi ħajr lill-Mons. Jaime Chemelo pijunier ta’ dan ix-xogħol u lill-Kard. Hummes il-President attwali tal-Kummissjoni. Imma rrid inżid li jeħtieġ li l-ħidma tal-Knisja tkun inċentivata u imħaddma aktar. Hemm bżonn ta’ aktar persuni li jagħtu formazzjoni ta’ kwalità, fuq kollox persuni li jagħtu formazzjoni u professuri tat-tejoloġija, biex jiflu r-riżultati miksuba fil qasam tal-formazzjoni ta’ kleru li hu nattiv ta’ hawn, ukoll biex ikollna saċerdoti addattati għall-kondizzjonijiet lokali u biex jikkonsolidaw, biex ngħidu hekk, il-“wiċċ amażoniku” tal-Knisja. F’dan, jekk jogħġobkom, nitlobkom biex tkunu qalbiena, biex ikollkom parresia! Fil-lingwaġġ “porteno” [ta’ Buenos Aires] qiegħed ngħidilkom biex tkunu bla ebda biżà.

Għeżież ħuti, fittixt li noffrilkom b’mod fratern xi riflessjonijiet u xi linji ta’ xogħol fi Knisja bħal dik fil-Brażil li hija mużajk kbir ta’ ġebel żgħir, ta’ immaġni, ta’ forom ta’ problemi, ta’ sfidi; imma li propju minħabba f’dawn ir-raġunijiet, teżor enormi. Il-Knisja qatt mhi uniformità, imma diversità li tarmonizza ruħha fl-unità u dan jgħodd f’kull realtà ekkleżjali.

Il-Verġni Immakulata ta’ Aperiċida tkun il-kewkba li ddawwal l-impenn tagħkom u l-mixja tagħkom biex iġġorru, bħal ma għamlet hi, lil Kristu lil kull raġel u lil kull mara tal-Pajjiż immens tagħkom. Ikun Hu, bħal ma għamel maż-żewġ dixxipli ta’ Għemmaws, li jsaħħan il-qalb u jirregala tama ġdida u żgura.

 

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

 


[1] Id-Dokument ta’ Aparecida jsostni kif it-tfal, iż-żgħażagħ u l-anzjani jibnu l-futur tal-popli (cfr n. 447).

[2] Qed naħseb dwar tant figuri bħal, biex nikkwota ftit biss: Lorscheider, Mendes de Almeida, Sales, Vital, Camara, Macedo... flimkien mal-ewwel Isqof Brażiljan Pero Fernandes Sardinha (1551/1556) maqtul minn tribu Gellieda lokali.

[3] Ittra tas-26 ta’ Jannar 1833, fi: L-Ittri 8u d-Djarji ta’ John Henry Newman, vol. III, Oxford 1979, p. 204.

[4] Fid-dokument ta’ Aparecida jiġu ppreżentati sistematikament ir-raġunijiet fil-fond ta’ dan il-fenomenu (cfr n. 225).

[5] Cfr a. ukoll l-erbà punti ndikati minn Aparecida (n. 226).

[6] Fid-dokument ta’ Aparecida attenzjoni kbira hija riservata għall=formazzjoni tal-Kleru,kif ukoll tal-lajċi (cfr nn. 316-325; 212).

[7] Ukoll dwar dan l-aspett id-Dokument ta’ Aparecida joffri linji ta’ mixi mportanti (cfr nn. 181-183; 189).

[8] Cfr n. 216.

[9] Cfr nn. 365-372.

[10] Il-konklużjonijiet tal-Konferenza ta’ Aparecida jinsistu dwar il-wiċċ ta’ Knisja li hija min-natura tagħha stess evanġelizzatruċi, li teżisti biex tevanġelizza, b’kuraġġ u libertà, fil-livelli kollha (cfr nn.547-554).

[11] Cfr nn. 459-463.

[12] Cfr b’mod partikulari in-numri 83-87 u minn punt di vista ta’ pastorali unitarja in-n. 475.