IL-PAPA FRANĠISKU

REGINA COELI

Pjazza San Pietru
It-Tnejn tal-Anġlu, 22 ta’ April, 2019

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Illum u għall-bqija ta’ dil-ġimgħa, fil-liturġija u wkoll fil-ħajja jibqa’ jtenni ruħu l-ferħ tal-Għid tal-qawmien ta’ Ġesù, avveniment straordinarju li fakkarnieh ilbieraħ.  Fil-Velja tal-Għid dwew kliem l-Anġli maġenb il-qabar fl-għodwa tal-ewwel jum wara s-Sibt.  Huma kienu qalu: ‘Għaliex qed tifttxu qalb il-mejtin lil dak li hu ħaj?  Ma jinsabx hawn, qam” (Lq 24, 5-6).  Il-qawmien mill-mewt ta’ Kristu huwa l-aktar avveniment li jaqleb ta’ taħt fuq l-istorja umana, garanzija tar-rebħa tal-Imħabba t’Alla fuq id-dnub u fuq il-mewt filwaqt li lit-tama tagħna tal-ħajja jirregalalha pedament samm daqs il-blat.  Ġara dak li umanament qatt ma seta’ jseħħ: “Ġesù ta’ Nazaret (...)  Alla qajjmu mill-imwiet għaliex ma setax ikun li l-mewt iżżommu taħt is-setgħa tagħha” (Atti 2, 22.24)

F’dil-ġurnata tat-Tnejn “tal-Anġlu”, bl-Evanġelju skont Mattew (cfr 28, 8-15), il-liturġija teħodna fejn il-qabar vojt ta’ Ġesù.  Jagħmlilna tajjeb immoru fejn il-qabar vojt ta’ Ġesù bi ħsiebna.  In-nisa mimlijin biża’ u ferħ, telqin bilġri biex iwasslu l-aħbar lid-dixxipli li l-aqbar kien vojt; u f’dak il-waqt Ġesù jidher quddiemhom.  Huma “resqu lejh, qabdulu riġlejh u nxteħtu quddiemu” (v. 9).  Missewh: ma kienx fantażma, kien Ġesù, ħaj bil-laħam, kien  Hu.  Ġesù jkeċċi l-biża’ minn qlubhom u jħeġġiġhom ferm aktar biex imorru jagħtu l-aħbar ta’ dak li ġara lill-aħwa.  L-Evanġelji kollha jagħtu importanza kbira lir-rwol tan-nisa.  L-irġiel, imbeżżgħin, kienu ssakkru fiċ-ċenaklu.  Pietru u Ġwanni, wara li kienet infurmathom il-Madalena, jmorru biss bis-serqa jagħtu daqqa t’għajn u jaraw li l-qabar kien miftuħ u battal.  Imma kienu n-nisa l-ewwel li ltaqgħu mal-Irxoxt u li wasslu l-aħbar li Hu ħaj.

Illum, għeżież ħuti, jidwi lilna wkoll il-kliem li Ġesù qal lin-nisa: “Tibżgħu xejn; morru wasslu l-aħbar...” (v. 10).  Wara r-riti tat-Tridu tal-Għid, li għenuna ngħixu mill-ġdid il-misteru tal-mewt u l-qawmien tal-Mulej tagħna, issa, bl-għajnejn tal-fidi nikkuntemplawh imqajjem u ħaj.  Aħna wkoll imsejħin biex niltaqgħu miegħu personalment u nsiru ħabbara u xhieda tiegħu.

Permezz tas-Sekwenza antika tal-Għid, f’dal-ġranet intennu: “Kristu, tama tiegħi, qam!”  U fih aħna wkoll irxuxtajna, għaddejna mill-mewt għall-ħajja, mill-jasar tad-dnub għall-libertà tal-imħabba.  Inħallu, għalhekk, il-messaġġ ta’ faraġ tal-Għid jilħaqna u jgħattina bid-dawl glorjuż tiegħu, dawl li jdewweb id-dlam tal-biża’ u tas-swied il-qalb.  Ġesù rxuxtat jimxi fejnna.  Hu jidher lil kull min isejjaħlu u jħobbu.  L-ewwel u qabel kollox bit-talb, imma wkoll bil-ferħat żgħar mgħejxa bil-fidi u l-gratitudni.  Nistgħu nħossuh magħna wkoll meta naqsmu mal-oħrajn waqtiet ta’ ġentilezza, akkoljenza, ħbiberija, kontemplazzjoni tan-natura.  Jalla dal-jum ta’ festa, li fih hi drawwa nirrikrejaw ftit ruħna u nistrieħu jgħinna nġarrbu l-preżenza ta’ Ġesù.

Nitolbu lill-Verġni Marija biex minnha nixorbu b’idejna miftuħa l-paċi u s-serenità, doni tal-Irxoxt, sabiex naqsmuhom ma’ ħutna, speċjalment ma’ min hu l-aktar fil-bżonn ta’ faraġ u tama.

 

Wara r-Regina Coeli

Għeżież ħuti,

irrid nesprimi mill-ġdid il-qrubija spiritwali u paterna tiegħi mal-poplu tas-Sri Lanka.  Jien qrib ħafna ta’ ħija, il-Kardinal Malcolm  Ranjith Patabendige Don, u mal-Knisja kollha tal-Arċidjoċesi ta’ Colombo.  Nitlob għall-għadd kbir ta’ vittmi u feruti u nitlob lil kulħadd joffri l-għajnuna kollha meħtieġa lil dan in-nazzjon għażiż.  Bl-istess mod nawgura li kulħadd jikkundanna dawn l-atti terroristiċi, atti diżumani li qatt m’huma ġustifikati.  Nitolbu lill-Madonna...

(Sliem għalik, Marija........)

F’dil-klima tal-Għid tipika tal-ġurnata tal-lum, insellem minn qalbi lilkom ilkoll, familji, gruppi parrokkjali, assoċjazzjonijjiet u pellegrini singoli, li ġejtu mill-Italja u minn diversi pajjiżi tad-dinja.

Nawgura lil kulħadd li tgħixu bil-fidi dawn il-ġranet tal-Ottava tal-Għid, li fihom tibqa’ tiġġedded it-tifkira tal-Qawmien ta’ Kristu.  Aħtfu kull okkażjoni tajba biex tkunu xhieda tal-ferħ u l-paċi tal-Mulej Irxoxt.

L-Għid it-tajjeb u qaddis lil kulħadd!  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci.

Miġjub għall-Malti  mit-Taljan minn Joe Huber