VJAĠĠ APPOSTOLIKU F’RIO DE JANEIRO  FL-OKKAŻJONI TAT-XXVIII JUM DINJI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

 KONFERENZA STAMPA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU WAQT IT-TITJIRA LURA

 Titjira Papali - Il-Ħadd 28 ta’ Lulju 2013

 

Padre Lombardi:

Mela, għeżież ħbieb, bi pjaċir nilqgħu magħna f’dan il-vjaġġ lura lejn Ruma lill-Qdusija Tiegħu Franġisku; kien ġentili biżżejjed li jagħtina ftit ħin mhux ħażin biex jagħmel magħna analiżi ta’ dan il-vjaġġ u jwieġeb bil-libertà kollha għall-mistoqsijiet tagħkom.  Ngħaddi l-kelma lilu għal introduzzjoni ċkejkna u mbagħad wara nibdew bil-lista ta’ dawk li nkitbu biex jitkellmu u nisimgħu ftit mid-diversi gruppi nazzjonali u lingwistiċi.  Mela, ngħaddi l-kelma lilek, Santità, biex tibda.

 

 

Il-Papa Franġisku:

Il-lejla t-tajba, u grazzi ħafna.  Jien kunent.  Kien vjaġġ sabiħ, spiritwalment għamilli tajjeb.  Inħossni għajjien mhux ħażin, imma qalbi ferħana, u ninsab tajjeb, tajjeb: għamilli tajjeb spiritwalment.  Li tiltaqa’ man-nies jagħmillek tajjeb, għax il-Mulej jaħdem f’kull wieħed u waħda minna, jaħdem fil-qalb, u l-għana tal-Mulej tant hu kbir li dejjem nistgħu nirċievu tant ħwejjeġ minn għand l-oħrajn.  U dan lili jagħmilli tajjeb.  Dan, bħala l-ewwel analiżi.  Imbagħad irrid ngħid li t-tjieba, il-qalb tal-poplu Brażiljan hi kbira, verament: hi kbira.  Hu poplu li tassew jaf iħobb, poplu li jħobb jiffestiġġja, li anki fit-tbatija dejjem jaf isib triq biex minn xi mkien ifittex it-tajjeb.  U dan hu sew: hu poplu hieni, dan il-poplu bata wisq!  Il-ferħ tal-Brażiljani jittieħed, jittieħed!  U għandu qalb kbira dan il-poplu.  Imbagħad, irrid nitkellem fuq l-organizzaturi, kemm min-naħa tagħna, kemm min-naħa tal-Brażiljani; imma jien ħassejtni qisni kont quddiem kompjuter, kompjuter tad-demm u l-laħam…  Imma verament!  Kollox kien ikkalkulat bl-arloġġ, le?  Imma sabiħ.  Imbagħad, kellna l-problemi bl-ipotesijiet li saru fuq is-sigurtà: is-sigurtà hawnhekk, is-sigurtà hemmhekk; f’dawn il-ġranet ma seħħx inċident wieħed f’Rio de Janeiro kollu, u kollox kien spontanju.  B’inqas sigurtà, jien stajt noqgħod iżjed qrib tan-nies, ngħannaqha, insellmilha, mingħajr karozzi armati… din hi s-sigurtà li tafda f’poplu!  Tassew li dejjem hemm il-periklu li jkun hemm xi miġnun… eħ, iva, li jkun hemm xi miġnun li jagħmel xi ħaġa; imma hemm ukoll il-Mulej!  Imma, li tħalli spazju ta’ sigurtà bejn l-isqof u l-poplu hu ġennata, u jien nippreferi din il-ġennata: fuq barra, u bir-riskju ta’ xi ġennata oħra.  Nippreferi din il-ġennata: barra.  Li nkunu qrib ta’ xulxin jagħmel ġid lil kulħadd.

 

Imbagħad, l-organizzazzjoni tal-Jum, mhux qed ngħid għal xi ħaġa partikulari, imma kollox: il-parti artistika, il-parti reliġjuża, il-parti kateketika, il-parti liturġika… kollox kien mill-isbaħ!  Huma għandhom kapaċità qawwija li jesprimu ruħhom fl-arti.  Il-bieraħ, ngħidu aħna, għamlu ħwejjeġ mill-isbaħ, mill-isbaħ!  Imbagħad, Aparecida: għalija Aparecida hi esperjenza reliġjuża qawwija.  Niftakar il-Ħames Konferenza.  Jien mort hemm biex nitlob, biex nitlob.  Ridt immur waħdi, xi ftit fil-moħbi, imma kien hemm folla impressjonanti!  Imma, m’hux possibbli, dak kont nafu qabel wasalt.  U tlabna, aħna.  Ma nafx…  xi ħaġa… imma anki min-naħa tagħkom.  Il-ħidma tagħkom kienet, qaluli – jien ma qrajthomx il-gazzetti f’dawn il-jiem, ma kellix ħin, ma rajtx televiżjoni, xejn –, imma qaluli li kien xogħol tajjeb, tajjeb, tajjeb!  Grazzi, grazzi għall-kollaborazzjoni tagħkom, grazzi li għamiltu dan.  Imbagħad in-numru, l-għadd taż-żgħażagħ.  Il-lum – jien ma nistax nemmen – il-lum il-Gvernatur semma tliet miljuni.  Bil-kemm irrid nemmen.  Imma mill-altar – dan veru! – ma nafx jekk intom, xi wħud minnkom kontux qrib l-altar: mill-altar, sat-tarf nett, kien hemm il-bajja kollha mimlija, sad-dawra; iktar minn erba’ kilometri.  Imma, tant żgħażagħ.  U qaluli, qalli Mons. Tempesta, kien hemm 178 pajjiż: 178!  Anki l-Viċi-President tani dan in-numru: dan żgur.  Importanti!  Tal-ġenn!

 

Padre Lombardi:

 

Grazzi.  Mela, ngħaddu l-kelma l-ewwel lil Juan de Lara, li ġej mill-Efe, u hu Spanjol, u dan hu l-aħħar vjaġġ li qed jagħmel magħna: għalhekk bi pjaċir qed nagħtuh din il-possibbiltà.

 

Juan de Lara:

 

Santità, il-lejla t-tajba.  F’isem il-kollegi kollha rridu nirringrazzjawk għal dawn il-jiem li rregalajtilna f’Rio de Janeiro, għax-xogħol tiegħek u l-isforz li għamilt.  U anki, f’isem il-ġurnalisti kollha Spanjoli, irridu nirringrazzjawk għat-talb u l-ġesti għall-vittmi ta’ l-inċident tal-ferrovija f’Santiago de Compostela.  Grazzi mill-qalb.  L-ewwel mistoqsija ma tantx għandha x’taqsam mal-vjaġġ, imma qed naħtaf l-okkażjoni ta’ din il-possibbiltà, u nixtieq nistaqsik: Santità, f’dawn l-erba’ xhur ta’ Pontifikat rajna li ħloqt bosta Kummissjonijiet biex tirriforma l-Kurja.  Nixtieq nistaqsik: X’tip ta’ riforma għandek f’moħħkom?  Qed tikkontempla l-possibbiltà li tneħħi l-IOR [Istituto di Opere di Religione], l-hekk imsejjaħ Bank tal-Vatikan?  Grazzi.

 

Il-Papa Franġisku:

 

Il-passi li għamilt f’dawn l-erba’ xhur u nofs ġejjin minn żewġ aspetti: il-kontenut ta’ kull ma kellu jsir, kollox ġej min-naħa tal-Kongregazzjonijiet Ġenerali tal-Kardinali.  Kienu affarijiet li aħna l-kardinali tlabna minn dak li kellu jsir il-Papa l-ġdid.  Jien niftakar li tlabt ħafna affarijiet, għax kont qed naħseb li kien sa jkun xi ħadd ieħor…  Tlabna li, ngħidu aħna, titwaqqaf il-Kummissjoni ta’ tmien kardinali; nafu li hu importanti jkollna Konsulta outsider, mhux il-Konsulti li diġà għandna, imma outsider.  Dan kull darba fil-linja – hawn se nitbiegħed xi ftit, bil-ħsieb, imma dan biex nispjega aħjar – fil-linja tal-maturazzjoni tar-relazzjoni bejn sinodalità u primat.  Fi kliem ieħor, dawn it-tmien kardinali jiffavorixxu s-sinodalità, qed jgħinu lid-diversi episkopati tad-dinja jesprimu ruħhom fl-istess tmexxija tal-Knisja.  Hemm diversi proposti li saru u li madankollu għadhom ma tpoġġewx fil-prattika, bħalma hi r-riforma tas-Segreterija tas-Sinodu, fil-metodoloġija; bħall-Kummissjoni Post-Sinodali, li għandha karattru permanenti ta’ konsulta; bħall-konċistorji tal-kardinali, b’tematiċi mhux daqshekk formali – bħal, ngħidu aħna, il-kanonizzazzjoni, imma anki tematiċi oħra, u l-bqija.  Tajjeb, l-aspett tal-kontenuti ġej minn hemm!  It-tieni aspett hu l-opportunità.  Nistqarr magħkom li lili ma tantx swieli, fl-ewwel xahar tal-Pontifikat, biex organizzajt il-Kummissjoni tat-tmien kardinali, li hu l-ewwel punt.  Il-parti ekonomika kont qed naħseb li nittrattaha s-sena d-dieħla, għax m’hix l-aktar ħaġa importanti li kien hemm bżonn nittrattaw.  Imma l-aġenda nbidlet minħabba ċirkostanzi li intom tafu x’inhuma u li huma magħrufa pubblikament; tfaċċaw problemi li kellna naffrontaw.  L-ewwel: il-problema ta’ l-IOR, jew aħjar, ta’ kif immexxuh, kif niffurmawh, kif nirriformulawh, kif infejqu dak li hemm bżonn infejqu, u hawn għandna l-ewwel Kummissjoni ta’ riferiment, dan hu l-isem.  Intom tafu bil-kirografu [dokument awtentiku miktub l-idejn] li ffirmajt, dak li jitlob, dawk li jiffurmawha, kollox.  Imbagħad kellna l-laqgħa tal-Kummissjoni tal-ħmistax-il kardinal li għandhom f’idejhom l-aspetti ekonomiċi tas-Santa Sede.  Ġejjin mill-irkejjen kollha tad-dinja.  U hemm, aħna u nħejju għal din il-laqgħa, rajna l-ħtieġa li nwaqqfu Kummissjoni waħda ta’ riferiment għall-ekonomija kollha tas-Santa Sede.  Jew aħjar, ġiet affrontata l-problema ekonomika barra mill-aġenda, imma dawn l-affarijiet jiġru meta fl-uffiċċju tat-tmexxija wieħed jimxi lejn naħa, imma mbagħad jitfgħulu l-ballun lejn in-naħa l-oħra, u jkollok tara kif ħa twaqqfu.  Mhux hekk?  Il-ħajja hi hekk, imma anki dan hu s-sabiħ tal-ħajja.  Intenni l-mistoqsija li għamiltli dwar l-IOR.  Skużawni, qed nitkellem bil-Kastiljan.  Skużawni, it-tweġiba ġietni naturali bil-Kastiljan.

 

B’riferenza għal dik il-mistoqsija li għamiltli fuq l-IOR, jien ma nafx kif ħa tispiċċa l-biċċa ta’ l-IOR; xi wħud jgħidu li, forsi, aħjar li tkun bank, oħrajn li tkun fond ta’ għajnuna, oħrajn jaħsbu li għandha tingħalaq.  Imma!  Qed nisimgħu dawn l-ilħna kollha.  Jien ma nafx.  Jien nafda fix-xogħol tal-persuni ta’ l-IOR, li qed jaħdmu fuq dan, anki f’dak tal-Kummissjoni.  Il-President ta’ l-IOR sa jibqa’, l-istess li kien hemm qabel; imma d-Direttur u l-Viċi-Direttur tefgħu r-riżenja.  Imma dwar dan, jien ma nafx ngħidlek kif ħa tispiċċa l-biċċa, u din ukoll hi ħaġa sabiħa, għax wieħed isib, wieħed ifittex; aħna umani, f’dan; hemm bżonn insibu l-aħjar.  Imma, fuq dan iva: il-karatteristiċi ta’ l-IOR – sew jekk bank, sew jekk fond ta’ għajnuna, sew jekk xi ħaġa oħra – huma trasparenza u onestà.  Dan hekk irid ikun.  Grazzi.

 

Padre Lombardi:

 

Grazzi ħafna, Santità.  Mela, issa ngħaddu għal xi ħadd mir-rappreżentanti tal-grupp Taljan, u għandna wieħed li int taf tajjeb: Andrea Tornielli, li se jagħmillek mistoqsija f’isem il-grupp Taljan.

 

Andrea Tornielli:

 

Santità, għandi mistoqsija forsi xi ftit indiskreta: ġera mad-dinja kollha r-ritratt tiegħek, meta tlaqna, tiela’ t-taraġ ta’ l-ajruplan b’bagalja sewda f’idek, u dehru artikli fid-dinja kollha li kkummentaw fuq din il-ħaġa ġdida: iva, tal-Papa tiela’ t-taraġ… qatt ma ġrat, biex ngħidu hekk, li l-Papa tela’ bil-bagalja f’idu.  Allura, kien hemm ukoll ipotesijiet fuq x’kien fiha l-bagalja sewda.  Mela, il-mistoqsijiet tiegħi huma: l-ewwel, għaliex ġarrejtha int il-bagalja sewda u ma ġarrhiex xi kollaboratur tiegħek?  U t-tieni, jekk tistax tgħidilna x’kien hemm ġo fiha…  Grazzi.

 

Il-Papa Franġisku:

 

Ma kienx hemm iċ-ċavetta tal-bomba atomika!  Imma!  Ġarrejtha jien għax dejjem hekk għamilt: meta nivvjaġġa, jien inġorrha.  U ġewwa x’hemm?  Hemm ix-xafra tal-leħja, hemm il-Brevjar, hemm id-djajru, hemm ktieb biex insib x’naqra – ġibt miegħi wieħed fuq Santa Tereżina li tagħha jien devot.  Jien dejjem bil-bagalja f’idi mort jien u nivvjaġġa: normali għalija.  Imma hemm bżonn li nkunu normali…  Ma nafx… stramba ftit għalija din li qed tgħidli, li dak ir-ritratt dar id-dinja kollha.  Imma hemm bżonn nidraw inkunu normali.  In-normalità tal-ħajja.  Ma nafx, Andrea, jekk weġibtekx…

 

Padre Lombardi:

 

Mela, ngħaddu issa l-kelma lil rappreżentanta tal-lingwa Portugiża, Aura Miguel, li ġejja minn Radio Renascença.

 

Aura Miguel:

 

Santità, ridt nistaqsik għaliex int il-ħin kollu titlob b’tant insistenza biex in-nies titlob għalik?  M’hux normali, tas-soltu, li tisma’ Papa jitlob daqshekk lill-oħrajn biex jitolbu għalih…

 

Il-Papa Franġisku:

 

Dan jien dejjem tlabtu.  Meta kont saċerdot kont nitolbu, imma mhux daqshekk ta’ spiss; bdejt nitolbu iżjed b’ċerta frekwenza fil-ħajja tiegħi ta’ isqof, għax jiena nħoss li jekk il-Mulej ma jgħinx f’din il-ħidma ta’ għajnuna lill-Poplu ta’ Alla biex jimxi ’l quddiem, wieħed ma jistax…  Jien tassew inħossni b’tant limitazzjonijiet, b’tant problemi, midneb ukoll – intom dan tafuh! – u għandi bżonn li nitolbu dan.  Imma, tiġini minn ġewwa!  Anki lill-Madonna nitlobha biex titlob għalija lill-Mulej.  Hi drawwa, imma drawwa li ġejja minn qalbi u anki minn dak li għandi bżonn għall-ħidma tiegħi.  Jiena nħoss li għandi nitlob… ma nafx, hekk inħoss…

 

Padre Lombardi:

 

Issa ngħaddu għall-grupp tal-lingwa Ingliża, u ngħaddu l-kelma lill-kollega tagħna Pullella ta’ Reuters, li qiegħda hawn quddiem.

 

Philip Pullella:

 

Santità, f’isem il-grupp Ingliż, grazzi għad-disponibbiltà tiegħek.  Il-kollega de Lara diġà għamel il-mistoqsijiet li ridna nagħmlu aħna, għalhekk sa nimxi xi ftit fuq l-istess linji, xi ftit, imma: int u tfittex li tagħmel dawn il-bidliet, niftakar li għidt lill-grupp ta’ l-Amerika Latina li hemm tant qaddisin li qed jaħdmu fil-Vatikan, imma anki persuni li huma xi ftit inqas qaddisin, le?  Int sibt reżistenza għal din ix-xewqa tiegħek li tibdel l-affarijiet fil-Vatikan?  Sibt reżistenza?  It-tieni mistoqsija hi: int qed tgħix b’mod tassew awster, bqajt toqgħod f’Santa Marta, u l-bqija…  Int trid li l-kollaboraturi tiegħek, anki l-kardinali, jimxu fuq dan l-eżempju u forsi jgħixu f’komunitajiet, jew din ħaġa tiegħek biss?

 

Il-Papa Franġisku:

 

Il-bidliet… il-bidliet jiġu wkoll minn żewġ aspetti: minn dak li aħna l-kardinali tlabna, u dak li jiġi mill-personalità tiegħi.  Int tkellimt dwar il-fatt li jien bqajt f’Santa Marta: imma jien ma nistax ngħix waħdi fil-Palazz, u m’hux lussuż.  L-appartament pontifiċju m’hux daqshekk lussuż!  Hu spazjuż, hu kbir, imma m’hux lussuż.  Imma jien ma nistax ngħix waħdi jew ma’ grupp ċkejken ħafna!  Għandi bżonn tan-nies, li nsib in-nies, li nitkellem man-nies…  Hu għalhekk li meta l-istudenti ta’ l-iskejjel Ġiżwiti għamluli l-mistoqsija: “Għaliex int?  Minħabba l-awsterità, għall-faqar?”.  Le, le: għal raġunijiet psikjatriċi, sempliċement, għax psikoloġikament ma nistax.  Kull wieħed u waħda jrid jgħix ħajtu, bil-mod tiegħu ta’ kif jgħix, ta’ kif jeżisti.  Il-kardinali li jaħdmu fil-Kurja ma jgħixux ta’ għonja u fil-lussu: jgħixu f’appartament ċkejken, huma awsteri, huma, huma awsteri.  Dawk li naf jien, dawn l-appartamenti li l-APSA [Amministrazzjoni tal-Patrimonju tas-Santa Sede] tagħti lill-kardinali.  Imbagħad, jidhirli li hemm ħaġa oħra li ridt ngħid.  Kull wieħed u waħda għandu jgħix skond kif il-Mulej jitlob minnu li jgħix.  Imma l-awsterità – awsterità ġenerali – nemmen li hi meħtieġa għalina lkoll li naħdmu fis-servizz tal-Knisja.  Hemm tant sfumaturi dwar l-awsterità… kull wieħed u waħda għandu jfittex il-mixja tiegħu liema hi.  Rigward il-qaddisin, dan hu veru, hemm qaddisin: kardinali, saċerdoti, sorijiet, lajċi; nies li titlob, nies li taħdem ħafna, u anki persuni li jżuru l-foqra, fil-moħbi.  Jien naf b’xi wħud li moħħhom kif ħa jitimgħu lill-foqra u mbagħad, fil-ħin liberu tagħhom, imorru jwettqu l-ministeru tagħhom f’xi knisja jew oħra…  Huma saċerdoti.  Hemm qaddisin fil-Kurja.  U hemm ukoll xi wħud li m’humiex daqshekk qaddisin, u dawn huma dawk li l-iżjed jagħmlu ħoss.  Intom tafu li iżjed tagħmel ħoss siġra li taqa’ minn foresta li tikber.  U dan lili jnikkitni meta jseħħu dawn il-ħwejjeġ.  Imma hemm xi wħud li qed jagħtu skandlu, xi wħud.  Aħna għandna dan il-monsinjur fil-ħabs, naħseb li għadu fil-ħabs; ma marx il-ħabs għax kien jixbah preċiżament lill-Beata Imelda, ma kienx Beatu.  Huma skandli, dawn, li jagħmlu l-ħsara.  Ħaġa waħda – dan qatt m’għidtu, imma naf bih – nemmen li l-Kurja naqset xi ftit mil-livell li kellha darba, ta’ dawk in-nies tal-kurja ta’ l-antik… il-profil ta’ bniedem tal-kurja fl-antik, fidil, li kien jagħmel xogħlu sewwa.  Għandna bżonn ta’ dawn il-persuni.  Nemmen… għandna, imma m’humiex ħafna bħal dari.  Il-profil tal-bniedem tal-kurja ta’ dari: ħa ngħid hekk.  Għandna bżonn ta’ iżjed minn dawn.  Jekk iniex insib reżistenza?  Imma!  Jekk hemm ir-reżistenza, jien s’issa għadni ma rajthiex.  Hu veru li m’għamiltx wisq affarijiet, imma nista’ ngħid li iva, sibt l-għajnuna, u sibt anki persuni leali.  Ngħidu aħna, nieħu gost meta persuna tgħidli: “Ma naqbilx”, u dan sibt minnu.  “Imma din il-ħaġa ma narahiex l-istess, ma naqbilx miegħek: jien qed ngħid x’naħseb, imma għamel int”.  Dan hu veru kollaboratur.  U dan sibtu, fil-Kurja.  U dan hu sewwa.  Imma meta jkun hemm dawk li jgħidu: “Aħ, xi ġmiel, xi ġmiel, xi ġmiel”, u mbagħad jgħidu l-kontra minn wara dahrek…  S’issa għadni ma ntbaħtx.  Forsi iva, hemm xi wħud, imma ma ntbaħtx bihom.  Ir-reżistenza: f’erba’ xhur ma tantx ħa ssib…

 

Padre Lombardi:

 

Mela, issa ngħaddu għal Brażiljana, jidhirli li hekk jixraq.  Mela, għandna lil Patricia Zorzan.  Forsi aħjar jiġi qrib Izoard, biex wara nisimgħu Franċiż.

 

Patricia Zorzan:

 

Nitkellem f’isem il-Brażiljani.  Is-soċjetà nbidlet, iż-żgħażagħ inbidlu u fil-Brażil għandna ħafna żgħażagħ.  Int ma tkellimtx fuq l-abort, fuq iż-żwieġ bejn persuni ta’ l-istess sess.  Fil-Brażil għaddiet liġi li żżid id-dritt għall-abort u ppermettiet iż-żwieġ bejn persuni ta’ l-istess sess.  Għaliex ma tkellimtx fuq dan?

 

Il-Papa Franġisku:

 

Il-Knisja diġà esprimiet ruħha perfettament fuq dan.  Ma kienx hemm bżonn nerġa’ lura fuqu, kif lanqas tkellimt fuq il-frodi, fuq il-gideb u fuq ħwejjeġ oħra li dwarhom il-Knisja għandha duttrina ċara!

 

Patricia Zorzan:

 

Imma hu argument li jinteressa liż-żgħażagħ…

 

Il-Papa Franġisku:

 

Iva, imma ma kienx hemm bżonn nitkellem fuq dan, iktar milli fuq il-ħwejjeġ pożittivi li jiftħu t-triq quddiem iż-żgħażagħ.  Mhux veru?  Barra minn hekk, iż-żgħażagħ jafu biżżejjed liema hi l-pożizzjoni tal-Knisja!

 

Patricia Zorzan:

 

X’inhi l-pożizzjoni tal-Qdusija Tiegħek, tista’ tgħidilna?

 

Il-Papa Franġisku:

 

Dik tal-Knisja.  Jiena bin il-Knisja!

 

Padre Lombardi:

 

Mela, lura għall-grupp Spanjol: Dario Menor Torres Aħ, skużawni, Izoard, li diġà sejjaħnielu, biex hekk għandna xi ħadd mill-grupp Franċiż… u mbagħad, Dario Menor.

 

Antoine-Marie Izoard:

 

Il-jum it-tajjeb, Santità.  F’isem il-kollegi ta’ lingwa Franċiża fuq din it-titjira – qegħdin disgħa fuq din it-titjira.  Għal Papa li ma jridx jagħti intervisti, tassew aħna grati lejk.  Int sa mit-13 ta’ Marzu qed tippreżenta ruħek b’insistenza kbira u qawwija bħala l-Isqof ta’ Ruma.  Għalhekk, nixtiequ nifhmu liema hi t-tifsira profonda ta’ din l-insistenza, jekk għal li jista’ jkun iktar milli kolleġġjalità hix iktar kwistjoni ta’ ekumeniżmu, forsi, ta’ primus inter pares tal-Knisja?  Grazzi.

 

Il-Papa Franġisku:

 

Iva, f’dan hemm bżonn nimxu iżjed milli ngħidu.  Il-Papa hu isqof, Isqof ta’ Ruma, u għax hu Isqof ta’ Ruma hu suċċessur ta’ Pietru, Vigarju ta’ Kristu.  Huma titli oħra, imma l-ewwel titlu hu “Isqof ta’ Ruma”, u minn hemm joħroġ kollox.  Li ngħidu, naħsbu li dan ifisser primus inter pares, le, dan m’hux konsegwenza ta’ hekk.  Sempliċement, hu l-ewwel titlu tal-Papa: Isqof ta’ Ruma.  Imma hemm ukoll oħrajn…  Jidhirli li int semmejt l-ekumeniżmu: naħseb li dan jiffavorixxi xi ftit l-ekumeniżmu.  Imma, dan biss…

 

Padre Lombardi:

 

Issa, Dario Menor minn La Razón, minn Spanja.

 

Dario Menor Torres:

 

Mistoqsija fuq dak li qed tħoss.  Ġimgħa ilu int ikkummentajt li wieħed tifel staqsiek kif tħossok, jekk xi ħadd setax jimmaġina li jkun Papa u jekk setax jixtieq li jkun.  Int għidt li trid tkun miġnun biex tagħmel dan.  Wara l-ewwel esperjenza tiegħek qalb miljuni ta’ nies, kif kienu dawn il-ġranet f’Rio, tista’ tirrakkontalna kif tħossok li int Papa, jekk hix ħaġa iebsa ħafna, jekk intix ferħan, u, iżjed minn hekk, jekk b’xi mod kbirtx fil-fidi tiegħek, jew, għall-kuntrarju, ġiekx xi dubju?  Grazzi.

 

Il-Papa Franġisku:

 

Ix-xogħol ta’ isqof hu ħaġa sabiħa, sabiħa.  Il-problema tkun meta wieħed ifittex dak ix-xogħol hu: din ma tantx hi ħaġa sabiħa, din m’hix ġejja mill-Mulej.  Imma meta l-Mulej isejjaħ saċerdot biex isir isqof, din ħaġa sabiħa.  Dejjem hemm il-periklu li wieħed jaħseb li hu xi ftit iżjed superjuri fuq l-oħrajn, li m’hux bħall-oħrajn, xi ftit qisu prinċep.  Dawn huma perikli u dnubiet.  Imma x-xogħol ta’ isqof hu sabiħ: hu li tgħin lill-aħwa biex jimxu ’l quddiem.  L-isqof quddiem il-fidili, biex jurihom it-triq; l-isqof qalb il-fidili, biex iseddaq il-komunjoni; l-isqof wara l-fidili, għax spiss il-fidili għandhom ir-riħa tat-triq.  L-isqof irid ikun hekk.  Il-mistoqsija kienet jekk togħġobnix?  Lili togħġobni l-ħajja ta’ isqof, togħġobni.  Fi Buenos Aires kont ferħan ħafna, ferħan ħafna!  Kont ferħan, veru.  Il-Mulej kien miegħi f’dan.  Imma bħala saċerdot ukoll kont ferħan, u bħala isqof kont ferħan ħafna.  F’dan is-sens ngħid: togħġobni!

 

Mistoqsija minn xi ġurnalist:

 

U li tkun Papa?

 

Il-Papa Franġisku:

 

Anki dan, anki dan!  Meta l-Mulej iqiegħdek hemm, jekk int tagħmel dak li jrid minnek il-Mulej, tkun hieni.  Dan hu li nħoss jien.

 

Padre Lombardi:

 

Issa ieħor mill-grupp Taljan: Salvatore Mazza mill-Avvenire.

 

Salvatore Mazza:

 

M’hux jirnexxieli nqum bilwieqfa.  Niskuża ruħi, m’hux jirnexxieli nqum fuq saqajja minħabba l-wajers kollha li għandi taħt saqajja.  Aħna rajna f’dawn il-ġranet, rajniek mimli enerġija anki sa tard bil-lejl; qed narawk issa fuq l-ajruplan jitbandal, u int trankwillament bil-wieqfa, mingħajr l-iċken ħsieb ta’ xejn.  Xtaqna nistaqsuk: qed jingħad ħafna fuq il-vjaġġi li jmiss.  Qed jissemmew l-Asja, Ġerusalemm, l-Arġentina.  Int għandek diġà kalendarju ftit jew wisq maħsub u lest għas-sena li ġejja, jew kollox għadu jrid jiġi deċiż?

 

Il-Papa Franġisku:

 

Fiċ-ċert għad m’hemm xejn.  Imma nista’ ngħid xi ħaġa dwar x’qed nippjanaw.  Hu definit – skużani – it-22 ta’ Settembru f’Cagliari.  Imbagħad, fl-4 ta’ Ottubru, Assisi.  Fl-Italja, jum wieħed għandi ħsieb immur infittex lil niesi: immur bl-ajruplan fil-għodu u niġi lura ma’ l-ieħor, għax huma, imsieken, dejjem iċempluli u għandna relazzjoni tajba ma’ xulxin.  Imma għal jum wieħed biss.  Barra mill-Italja: il-Patrijarka Bartilmew I jixtieq jiltaqa’ miegħi biex infakkru l-ħamsin sena mil-laqgħa ta’ Athenagora u Pawlu VI f’Ġerusalemm.  Anki l-Gvern Israeljan għamilli stedina speċjali biex immur Ġerusalemm.  Naħseb li l-istess il-Gvern ta’ l-Awtorità Palestinjana.  Fuq dan qed naħsbuha: ma nafux għadna jekk immorrux jew le…  Imbagħad, fl-Amerika Latina naħseb li m’hemmx ċans nerġa’ mmur, għax il-Papa mill-Amerika Latina, l-ewwel vjaġġ tiegħu fl-Amerika Latina… ċaw ċaw!  Ikollna nistennew ftit!  Naħseb li nista’ mmur l-Asja, imma dan kollu għadu fl-ajru.  Kelli stedina biex immur is-Sri Lanka u anki l-Filippini.  Imma fl-Asja ta’ min imur.  Għax il-Papa Benedittu ma kellux iċ-ċans imur l-Asja, u dan importanti.  Hu mar l-Awstralja u mbagħad l-Ewropa u fl-Amerika, imma l-Asja…  Li mmur l-Arġentina: naħseb bħalissa nista’ nistenna ftit, għax dawn il-vjaġġi kollha għandhom ċerta prijorità.  Jien ridt immur Kostantinopli, fit-30 ta’ Settembru, biex inżur lil Bartilmew I, imma m’hux sa jkun possibbli, m’hux possibbli bl-aġenda li għandi.  Jekk niltaqgħu, dan nagħmluh f’Ġerusalemm.

 

Mistoqsija minn xi ġurnalist:

 

Fatima?

 

Il-Papa Franġisku:

 

Fatima, anki għal Fatima kelli stedina, veru, veru.  Hemm stedina biex inżur Fatima.

 

Mistoqsija minn xi ġurnalist:

 

30 ta’ Settembru jew 30 ta’ Novembru?

 

Il-Papa Franġisku:

 

Novembru, Novembru: Sant’Andrija.

 

Padre Lombardi:

 

Tajjeb.  Mela issa ngħaddu mill-ġdid għall-Istati Uniti, u nitlob lil Hada Messia mis-CNN biex tagħmillek il-mistoqsija tagħha.

 

Hada Messia:

 

Insellimlek…  Int qed iżżomm fuq saqajk aħjar minni…  Le, le, le: tajjeb, tajjeb.  Il-mistoqsija tiegħi hi: meta ltqajt maż-żgħażagħ Arġentini int, b’nofs ċajta, forsi wkoll b’nofs verità għidtilhom li xi kultant anki int tħossok xi ftit ġo gaġġa: nixtiequ nafu għal xiex kont qed tirreferi eżattament…

 

Il-Papa Franġisku:

 

Int taf kemm xtaqt ninżel fit-toroq ta’ Ruma, għax dan lili jogħġobni.  Fi Buenos Aires kont nieħu gost wisq niġri fit-toroq!  F’dan is-sens, inħossni ftit ġo gaġġa.  Imma, irrid ngħidha din, għax dawk tal-Ġendarmerija tal-Vatikan huma wisq twajbin, tajbin, tajbin, tajbin, u nħossni grat lejhom.  Issa qed iħalluni nagħmel xi ftit aktar minn qabel.  Nemmen li dmirhom hu li jieħdu ħsieb is-sigurtà.  Ġo gaġġa, f’dak is-sens.  Lili jogħġobni li ninżel fit-triq, imma nifhem li m’hux possibbli: nifhmu dan.  F’dan is-sens għidt hekk.  Għax jien kont imdorri – kif ngħidu aħna fi Buenos Aires – jien kont saċerdot callejero

 

Padre Lombardi:

 

Issa nsejħu mill-ġdid wieħed Brażiljan: għandna lil Marcio Campos, u nitlob ukoll lil Guénois biex jersaq għad-dawra li jmiss, f’isem il-Franċiżi.

 

Il-Papa Franġisku:

 

Jien staqsejt x’ħin hu, għax iridu jservu ċ-ċena.  Imma intom m’intomx bil-ġuħ?

 

Il-ġurnalisti:

 

Le, le

 

Marcio Campos:

 

Santità, irrid ngħidlek biex meta tiġik nostalġija tal-Brażil, tal-poplu Brażiljan, ferħan, tgħannaq il-bandiera li tajtek.  Irrid anki nirringrazzja lill-kollegi tiegħi tal-ġurnali ta’ kuljum Folha de São Paulo, Estado, Globo u Veja li ħallewni nirrappreżentahom b’din il-mistoqsija.  Santità, diffiċli takkumpanja Papa, diffiċli tassew.  Kollha kemm aħna għajjenin, int tarmi s-saħħa u aħna għajjenin…  Fil-Brażil, il-Knisja Kattolika tilfet bosta fidili fl-aħħar snin.  Il-Moviment tat-Tiġdid Kariżmatiku hu possibbiltà biex tevitaw li l-fidili jmorru għand il-Knisja Pentekostali jew Knejjes oħra Pentekostali?  Grazzi ħafna għall-preżenza tiegħek u grazzi ħafna li tinsab magħna.

 

Il-Papa Franġisku:

 

Hu minnu ħafna dak li int qed tgħid fuq kif niżel l-għadd tal-fidili: hu veru, hu veru.  Hemm l-istatistika.  Tkellimna ma’ l-isqfijiet Brażiljani dwar din il-problema, f’laqgħa li kellna l-bieraħ.  Int staqsejt fuq il-Moviment tat-Tiġdid Kariżmatiku.  Ħaġa waħda ngħidlek.  Tul is-snin, fl-aħħar tas-snin sebgħin u l-bidu tas-snin tmenin, dan ma kontx qed narah.  Darba waħda, meta tkellimt fuqhom, kont għidt hekk: “Dawn qed iħawdu ċelebrazzjoni liturġika ma’ skola tat-tfal!”.  Dan għidtu jien.  Iddispjaċieni.  Imbagħad, sirt nafhom aħjar.  Hu minnu wkoll li l-Moviment, b’kunsilliera tajbin, mexa fit-triq is-sabiħa.  U l-lum naħseb li dan il-moviment qed jagħmel tant ġid lill-Knisja, b’mod ġenerali.  Fi Buenos Aires, jiena kont inlaqqagħhom spiss u darba fis-sena kont nagħmel Quddiesa magħhom ilkoll fil-katidral.  Dejjem kont favur tagħhom, meta kkonvertejt, meta rajt il-ġid li kienu qed jagħmlu.  Għax f’dan iż-żmien tal-ħajja tal-Knisja – u hawn inwessa’ xi ftit it-tweġiba – nemmen li l-movimenti huma meħtieġa.  Il-movimenti huma grazzja ta’ l-Ispirtu.  “Imma, kif tista’ tissaporti moviment li hu daqshekk ħieles?”.  Anki l-Knisja hi ħielsa!  L-Ispirtu s-Santu jagħmel dak li jrid.  Imbagħad, hu li jagħmel ix-xogħol ta’ armonija; imma nemmen li l-movimenti huma grazzja, dawk il-movimenti li għandhom l-ispirtu tal-Knisja.  Għalhekk nemmen li l-Moviment tat-Tiġdid Kariżmatiku mhux biex iservi biex jevita li xi wħud jgħaddu għall-konfessjonijiet Pentekostali.  Le!  Iservi għall-ġid tal-Knisja nfisha!  Iġeddidna.  U kull wieħed u waħda għandu jfittex il-moviment li jgħodd għall-kariżma tiegħu, skond lejn fejn imexxih l-Ispirtu.

 

Mistoqsija minn xi ġurnalist.

 

Il-Papa Franġisku:

 

Għajjejt.

 

Padre Lombardi:

 

Mela, Guénois minn Le Figaro f’isem il-grupp Franċiż.

 

Jean-Marie Guénois:

 

Santità, mistoqsija flimkien mal-kollega tiegħi ta’ La Croix ukoll: int għidt li l-Knisja mingħajr il-mara titlef il-kapaċità tagħha li tagħti l-frott.  X’miżuri konkreti se tieħu?  Ngħidu aħna, id-djakonat femminili jew mara f’ras xi dikasteru?  U mistoqsija teknika żgħira: int għidt li qed tħossok għajjien.  Għandek arranġament speċjali fuq din it-titjira lura?  Grazzi, Santità.

 

Il-Papa Franġisku:

 

Nibda mill-aħħar.  Dan l-ajruplan m’għandux arranġamenti speċjali.  Jien qiegħed bil-qiegħda quddiem, siġġu sabiħ, imma komuni, bħal dak li għandu kulħadd.  Jiena ktibt ittra u ċempilt biex ngħid li jien ma ridtx arranġamenti speċjali fuq l-ajruplan: ċara?  It-tieni, il-mara.  Knisja mingħajr in-nisa hi bħall-Kulleġġ Appostoliku mingħajr Marija.  Ir-rwol tal-mara fil-Knisja m’hux biss il-maternità, l-omm tal-familja, imma hu aqwa minn hekk: hi sewwa sew l-ikona tal-Verġni, tal-Madonna; dik li tgħin lill-Knisja tikber!  Imma araw kif il-Madonna hi iżjed importanti mill-Appostli!  Hi iżjed importanti!  Il-Knisja hi femminili: hi Knisja, hi għarusa, hi omm.  Imma l-mara, fil-Knisja, mhux biss għandha… ma nafx kif jgħidu bit-Taljan… ir-rwol tal-mara fil-Knisja m’għandux jispiċċa biss bħala omm, bħala ħaddiema, limitata…  Le!  Hi ħaġa oħra!  Imma l-Papiet… Pawlu VI kiteb ħaġa sabiħa wisq fuq in-nisa, imma nemmen li hemm bżonn nimxu pass ieħor ’il quddiem fl-espliċitazzjoni ta’ dan ir-rwol u l-kariżma tal-mara.  Ma tistax tifhem min hi l-Knisja mingħajr in-nisa, imma nisa attivi fil-Knisja, bil-profil tagħhom, li jmexxuha ’l quddiem.  Jiġini f’moħħi eżempju li m’għandu xejn x’jaqsam mal-Knisja, imma hu eżempju storiku: fl-Amerika Latina, fil-Paragwaj.  Għalija, il-mara tal-Paragwaj hi l-mara l-iżjed glorjuża ta’ l-Amerika Latina.  Int mill-Paragwaj?  Wara l-Gwerra, baqgħu hemm tmien nisa għal kull raġel, u dawn in-nisa għamlu għażla xi ftit iebsa: l-għażla li jġibu t-tfal biex isalvaw il-Patrija, il-kultura, il-fidi u l-lingwa.  Fil-Knisja, hemm bżonn li naħsbu dwar il-mara f’din il-perspettiva: ta’ għażliet riskjużi, imma bħala nisa.  Dan irridu nespliċitawh aħjar.  Nemmen li s’issa għadna ma ħloqniex teoloġija profonda tal-mara, fil-Knisja.  Ngħidu biss li tista’ tagħmel dan, tagħmel dak, issa tagħmilha ta’ l-abbati, issa taqra l-Qari, issa hi l-presidenta tal-Caritas…  Imma, hemm iżjed minn hekk!  Hemm bżonn noħolqu teoloġija profonda tal-mara.  Dan hu li naħseb jien.

 

Padre Lombardi:

 

Għall-grupp Spanjol, mela, issa għandna lil Pablo Ordaz, mill-El País.

 

Pablo Ordaz:

 

Nixtiequ nafu liema hi r-relazzjoni tiegħek fuq xogħol, mhux biss ta’ ħbiberija, u ta’ kollaborazzjoni ma’ Benedittu XVI.  Qatt ma kellna qabel ċirkostanza simili; u jekk għandekx kuntatti spissi u jekk hux qed jgħinek f’dan ix-xogħol.  Grazzi ħafna.

 

Il-Papa Franġisku:

 

Naħseb li l-aħħar darba li kien hemm żewġ Papiet, jew tliet Papiet, ma tkellmux bejniethom, kienu qed jiġġieldu biex jaraw min hu l-veru.  Waslu sa tlieta fi żmien ix-Xiżma tal-Punent.  Hemm ħaġa…

 

Hemm ħaġa li tikkwalifika r-relazzjoni tiegħi ma’ Benedittu: għandi mħabba kbira lejh.  Dejjem kelli.  Għalija hu bniedem ta’ Alla, bniedem umli, bniedem li jitlob.  Jien fraħt wisq meta hu ġie elett Papa.  Anki meta hu rriżejna, għalija kien eżempju ta’ kobor!  Bniedem kbir.  Bniedem kbir biss jista’ jagħmel dan!  Bniedem ta’ Alla u bniedem tat-talb.  Issa hu qed jgħix fil-Vatikan, u xi wħud jgħiduli: imma kif jista’ jkun dan?  Żewġ Papiet fil-Vatikan!  Possibbli ma tħossux qiegħed fin-nofs?  Imma ma jistax joħloq rivoluzzjoni kontrik?  Dawn l-affarijiet kollha li jgħidu, le?  Jien sibt frażi biex infisser dan: “Hu bħal meta jkollok in-nannu d-dar”, imma n-nannu għaref.  Meta f’familja n-nannu jkun joqgħod id-dar, hu meqjum, hu maħbub, hu mismugħ.  Hu bniedem ta’ prudenza!  Ma jindaħalx.  Jien għidtlu kemm-il darba: “Santità, ilqa’ n-nies, għix ħajtek, ejja magħna”.  Ġie għall-inawgurazzjoni u t-tberik ta’ l-istatwa ta’ San Mikiel.  Hekk hu, dik il-frażi tgħid kollox.  Għalija hu bħal meta jkollok in-nannu d-dar: missieri.  Kieku kelli xi diffikultà jew xi ħaġa li ma fhimtx, inċempel: “Imma, għidli, dan nista’ nagħmlu?”.  U meta mort għandu biex inkellmu fuq dik il-problema kbira, tal-Vatileaks, hu qalli kollox b’sempliċità liema bħalha… b’servizz.  U ħaġa li ma nafx jekk tafuhiex, naħseb li iva, imma m’iniex ċert: meta kellimna, fid-diskors tat-tluq, fit-28 ta’ Frar, qalilna: “Fostkom hemm il-Papa li jmiss: jien inwiegħdu ubbidjenza”.  Imma hu bniedem kbir; dan hu bniedem kbir!

 

Padre Lombardi:

 

Mela, issa ngħaddu l-kelma mill-ġdid lil Brażiljana, Anna Ferreira; mela jersaq qrib ukoll Gian Guido Vecchi għat-Taljani.

 

Anna Ferreira:

 

Santità, il-lejla t-tajba.  Grazzi.  Nixtieq ngħidlek “grazzi” għal ħafna drabi: grazzi li ġibt tant ferħ fil-Brażil, u grazzi wkoll li qed twieġeb għall-mistoqsijiet tagħna.  Aħna l-ġurnalisti nieħdu gost wisq nagħmlu l-mistoqsijiet.  Nixtieq naf, għaliex il-bieraħ lill-isqfijiet Brażiljani int kellimthom fuq sehem in-nisa fil-Knisja tagħna.  Nixtieq nifhem aħjar: kif għandu jkun dan is-sehem tagħna n-nisa fil-Knisja?  U int kif taħsibha anki dwar l-ordinazzjoni tan-nisa?  Kif għandha tkun il-pożizzjoni tagħna fil-Knisja?

 

Il-Papa Franġisku:

 

Nixtieq nispjega xi ftit dak li għidt fuq sehem in-nisa fil-Knisja: ma tistax tillimitah għall-fatt li tagħmilha ta’ abbati jew ta’ presidenta tal-Caritas, tal-katekista…  Le!  Trid tkun iżjed minn hekk, imma wisq iżjed b’mod iżjed profond, anki iżjed mistikament, b’dak li jien għidt fuq it-teoloġija tan-nisa.  U dwar l-ordinazzjoni tan-nisa l-Knisja tkellmet u qalet: “Le”.  Qalha Ġwanni Pawlu II, imma b’formulazzjoni definittiva.  Dak magħluq, dak il-bieb, imma fuq dan irrid ngħidlek xi ħaġa.  Għidtha diġà, imma nirripetiha.  Il-Madonna, Marija, kienet iżjed importanti mill-Appostli, mill-isqfijiet u mid-djakni u mis-saċerdoti.  Il-mara, fil-Knisja, hi iżjed importanti mill-isqfijiet u mis-saċerdoti; kif, dak li rridu nfittxu li nespliċitaw aħjar, għax nemmen li hi nieqsa espliċitazzjoni teoloġika ta’ dan.  Grazzi.

 

Padre Lombardi:

 

Gian Guido Vecchi, mill-Corriere della Sera: nitlob lis-Sinjura Pigozzi biex tersaq quddiem u mbagħad wara lil Nicole.

 

Gian Guido Vecchi:

 

Santità, anki f’dan il-vjaġġ int tkellimt iżjed minn darba fuq il-ħniena.  Dwar id-divorzjati li reġgħu żżewġu u l-frekwenza tas-sagramenti, hemm il-possibbiltà li tinbidel xi ħaġa fid-dixxiplina tal-Knisja?  Li dawn is-Sagramenti jkunu okkażjoni biex iqarrbu lil dawn in-nies, iktar milli jkunu barriera li tifridhom mill-fidili l-oħra?

 

Il-Papa Franġisku:

 

Dan hu suġġett li joħroġ dejjem.  Il-ħniena hi ikbar minn dak il-każ li int qed issemmi.  Jiena nemmen li dan hu ż-żmien tal-ħniena.  Din il-bidla ta’ epoka, anki tant problemi fil-Knisja – bħax-xhieda xejn tajba ta’ xi saċerdoti, anki l-problemi ta’ korruzzjoni fil-Knisja, anki l-problema tal-klerikaliżmu, biex nagħti eżempju – ħallew tant ġrieħi, tant ġrieħi.  U l-Knisja hi Omm: hemm bżonn toħroġ iddewwi l-ġrieħi, bil-ħniena.  Imma jekk il-Mulej qatt ma jegħja jaħfer, aħna m’għandniex għażla oħra ħlief din: l-ewwel nett, indewwu l-ġrieħi.  Il-Knisja hi omm, u jeħtieġ timxi f’din it-triq tal-ħniena.  U trid issib il-ħniena għal kulħadd.  Imma jiena naħseb, meta l-iben il-ħali reġa’ lura d-dar, missieru ma qallux: “Imma int, isma’, poġġi: x’għamilt bil-flus?”.  Le!  Għamillu festa!  Imbagħad, forsi, meta l-iben ried jitkellem, tkellem.  Il-Knisja hekk trid tagħmel.  Meta jkun hemm xi ħadd… mhux biss nistennewhom: immorru nfittxuhom!  Din hi l-ħniena.  U jiena nemmen li dan hu l-kairós: dan iż-żmien hu kairós ta’ ħniena.  Imma din l-ewwel intuwizzjoni diġà kellu Ġwanni Pawlu II, meta beda b’Fawstina Kowalska, il-Ħniena Divina… hu kellu xi ħaġa, kien ħass il-bżonn ta’ dan iż-żmien.  Nirriferi għall-problema tat-Tqarbin lill-persuni fit-tieni rabta, għax id-divorzjati jistgħu jirċievu t-Tqarbin, m’hemmx problema, imma meta jkunu fit-tieni relazzjoni, ma jistgħux.  Jiena nemmen li dan hemm bżonn narawh fit-totalità tal-pastorali taż-żwieġ.  U għalhekk hu problema.  Imma anki – nagħmel parentesi – l-Ortodossi għandhom prassi differenti.  Huma jsegwu t-teoloġija ta’ l-ekonomija, kif isejħulha huma, u jagħtu t-tieni possibbiltà, jippermettuh.  Imma naħseb li din il-problema – u nagħlaq il-parentesi – irridu nistudjawha fil-kuntest tal-pastorali taż-żwieġ.  U għalhekk, żewġ affarijiet; l-ewwel: wieħed mis-suġġetti li rridu nikkonsultaw ma’ dawn it-tmienja fil-Kunsill tal-Kardinali, li magħhom sa niltaqgħu fl-1, it-2 u t-3 ta’ Ottubru, hu kif sa nimxu ’l quddiem fil-pastorali taż-żwieġ, u din il-problema toħroġ hemm.  U t-tieni ħaġa: ħmistax ilu żarni s-Segretarju tas-Sinodu ta’ l-Isqfijiet, biex niddiskutu s-suġġett tas-Sinodu li jmiss.  Tani suġġett antropoloġiku, imma wara li ddiskutejna u rġajna ddiskutejna, morna ’l quddiem u rġajna lura, wasalna għal dan is-suġġett antropoloġiku: il-fidi kif tgħin il-pjanfikazzjoni tal-persuna, imma fil-familja, u mmorru allura fuq il-pastorali taż-żwieġ.  Qegħdin f’mixja lejn pastorali taż-żwieġ xi ftit profonda.  U din hi problema ta’ kulħadd, għax hemm ħafna, le?  Ngħidu aħna, insemmi biss waħda: il-Kardinal Quarracino, il-predeċessur tiegħi, kien jgħid li għalih nofs iż-żwiġijiet huma nulli.  Kien jgħidli hekk, għaliex?  Għax jiżżewġu mingħajr maturità, jiżżewġu bla ma jintebħu li dan ħa jagħmluh għal ħajjithom kollha, jew jiżżewġu għax soċjalment hemm bżonn jiżżewġu.  U f’dan tidħol ukoll il-pastorali taż-żwieġ.  U anki l-problema ġudizzjali ta’ l-annullamenti taż-żwiġijiet, dik hemm bżonn nerġgħu nħarsu lejha, għax it-Tribunali Ekkleżjastiċi m’humiex biżżejjed.  Hi kumplessa, il-problema tal-pastorali taż-żwieġ.  Grazzi.

 

Padre Lombardi:

 

Grazzi.  Mela issa għandna lis-Sinjura Pigozzi li ġejja mill-Paris Match, għal darb’oħra hi mill-grupp Franċiż

 

Carolina Pigozzi:

 

Il-lejla t-tajba, Santità.  Nixtieq naf jekk int, mindu sirt Papa, għadekx tħossok Ġiżwita

 

Il-Papa Franġisku:

 

Hi mistoqsija teoloġika, għax il-Ġiżwiti jagħmlu vot ta’ ubbidjenza lejn il-Papa.  Imma jekk il-Papa hu Ġiżwita, forsi jrid iwiegħed li jobdi lill-Ġeneral tal-Ġiżwiti  Ma nafx din kif se nsolvuha  Jiena nħossni Ġiżwita fl-ispiritwalità tiegħi; fl-ispiritwalità ta’ l-Eżerċizzi, l-ispiritwalità, dik li għandi f’qalbi.  Imma tant inħossni hekk li fi żmien tlitt ijiem sa mmur niċċelebra mal-Ġiżwiti l-festa ta’ Sant’Injazju: inqaddes il-Quddiesa fil-għodu.  Ma bdilthiex l-ispiritwalità tiegħi, le.  Franġisku, Franġiskan: le.  Inħossni Ġiżwita u naħsibha ta’ Ġiżwita.  Mhux ipokritament, imma naħsibha ta’ Ġiżwita.  Grazzi lilek.

 

Padre Lombardi:

 

Jekk għad fadallek xi ftit saħħa, baqa’ xi mistoqsija jew tnejn.  Issa, Nicole Winfield, li ġejja mill-Associated Press, u hemmimma ma kienximma jien verament kelli lista hawn, ħsibt li kontu organizzati Allura, tajjeb, Elisabetta, idħol fil-lista int ukoll, skużani.

 

Nicole Winfield:

 

Santità, grazzi mill-ġdid li ġejt “qalb l-iljuni”.  Santità, fir-raba’ xahar tal-pontifikat tiegħek, ridt nitolbok tagħmel analiżi żgħira.  Tista’ tgħidilna liema kienet l-aħjar ħaġa li ġratlek bħala Papa, anneddotu, u liema kienet l-agħar ħaġa, u liema ħaġa ssorprendietek l-iżjed f’dan il-perjodu?

 

Il-Papa Franġisku:

 

Imma ma nafx kif inwieġeb għal dan, verament.  Affarijiet kbar, affarijiet kbar ma kienx hemm.  Affarijiet sbieħ iva; ngħidu aħna, il-laqgħa ma’ l-Isqfijiet Taljani kienet sabiħa wisq, sabiħa wisq.  Bħala Isqof tal-kapitali Taljana, magħhom ħassejtni qisni d-dar.  U dan kien sabiħ, imma ma nafx kienx l-aqwa ħaġa.  Anki xi ħaġa li nikknitni, imma li pjuttost daħlet f’qalbi, kienet iż-żjara f’Lampedusa.  Imma dik tal-biki, dik għamlitli tajjeb.  Imma meta jaslu hemm dawn id-dgħajjes, iħalluhom mili barra mill-kosta u dawn ikollhom jaslu waħidhom bid-dgħajsa.  U dan inikkitni, għax naħseb li dawn il-persuni huma vittmi ta’ sistema soċjo-ekonomika dinjija.  Imma l-agħar ħaġa – skużawni – hi li ġietni x-xjatika – veru! – li kelli fl-ewwel xahar minħabba li biex nagħti l-intervisti kienu jpoġġuni fuq pultruna u dan għamilli xi ftit ħażin.  Kienet xjatika ta’ wġigħ kbir, ta’ wġigħ kbir!  Ma nixtieqha fuq ħadd!  Imma dawn l-affarijiet: li nitkellem man-nies, il-laqgħa mas-seminaristi u r-reliġjużi kienet sabiħa ħafna, kienet sabiħa ħafna.  Anki l-laqgħa ma’ l-istudenti tal-kulleġġi Ġiżwiti kienet sabiħa ħafna, ħwejjeġ tajbin.

 

Mistoqsija:

 

Liema ħaġa ssorprendietek l-iżjed?

 

Il-Papa Franġisku:

 

Il-persuni, il-persuni, il-persuni tajba li sibt.  Sibt tant persuni tajba fil-Vatikan.  Ġieni d-dubju x’ħa ngħid, imma dan veru.  Irrid nagħmel ġustizzja jien u ngħid dan: tant persuni tajba.  Tant persuni tajba, tant persuni tajba, imma tajba tajba tajba!

 

Padre Lombardi:

 

Elisabetta, imma lil din tafha u anki lil Sergio Rubini, li forsi aħjar jersaq, biex hekk ikollna l-Arġentini.

 

Elisabetta Piqué:

 

Papa Franġisku, qabel xejn, f’isem il-ħamsin elf Arġentin li ltqajt magħhom hemm u li qaluli: “Sa tivvjaġġa mal-Papa, jekk jogħġbok, għidlu li kien fantastiku, stupend; staqsih meta sa jiġi”; imma int diġà għidt li m’intix sejjer…  Allura, se nagħmillek mistoqsija iżjed diffiċli.  Bżajt meta rajt ir-rapport fuq Vatileaks?

 

Il-Papa Franġisku:

 

Le!  Nirrakkontalek anneddottu dwar ir-rapport Vatileaks.  Meta mort għand il-Papa Benedittu, wara li tlabna fil-kappella, qgħadna fl-istudju tiegħu u rajt kaxxa kbira u envelop kbir.  Skużawni…

 

Benedittu qalli: “F’din il-kaxxa kbira hemm id-dikjarazzjonijiet kollha, kull ma qalu x-xhieda, kollox hemm.  Imma l-ġabra fil-qosor u l-ġudizzju finali qegħdin f’dan l-envelop.  U hawn miktub ta-ta-ta…”.  Kellu kollox f’moħħu!  Imma x’intelliġenza!  Kollox bl-amment, kollox!  Imma le, [kliem bl-Ispanjol] ma twerwirtx, le.  Le, le.  Imma hi problema kbira, eħ?  Imma ma bżajtx.

 

Sergio Rubín:

 

Santità, żewġ affarijiet.  Din l-ewwel waħda: int insistejt ħafna fuq kif inwaqqfu l-ammont ta’ fidili li qed iħallu l-Knisja.  Fil-Brażil telqu ħafna.  Tittama li dan il-vjaġġ sa jgħin u li n-nies sa terġa’ lura lejn il-Knisja, se tħossha iktar qrib?  U t-tieni ħaġa, iżjed familjari: lilek kienet togħġbok ħafna l-Arġentina u kellek għal qalbek ħafna lil Buenos Aires.  L-Arġentini qed jistaqsu jekk intix timmissja ħafna lil Buenos Aires; int kont iddurha b’tal-linja, fil-karozzi tal-linja, kont timxi fit-toroq.  Grazzi ħafna.

 

Il-Papa Franġisku:

 

Jiena nemen li vjaġġ papali dejjem ġid jagħmel.  U nemmen li fil-Brażil dan se jħalli l-ġid, imma mhux biss il-preżenza tal-Papa, imma dak li seħħ f’dan il-Jum taż-Żgħażagħ: huma mmobilizzaw ruħhom u se jagħmlu ħafna ġid, forsi sa jgħinu ħafna lill-Knisja.  Imma dawn il-fidili li telqu, ħafna m’humiex kuntenti għax iħossuhom li jagħmlu parti mill-Knisja.  Nemmen li dan sa jkun pożittiv, mhux biss minħabba l-vjaġġ, imma fuq kollox minħabba l-Jum: il-Jum kien ġrajja mill-isbaħ.  U dwar Buenos Aires, iva, xi kultant nimmissjaha.  U dan inħossu.  Imma nimmissjaha b’mod seren, b’mod seren; hi nostalġija serena.  Imma jien nemmen li int, Sergio, lili tafni wisq aħjar mill-oħrajn kollha, int tista’ twieġeb għal din il-mistoqsija.  Bil-ktieb li ktibt!

 

Padre Lombardi:

 

Allura għandna r-Russu u mbagħad kien hemm Valentina, li kienet id-dekana, li riedet tagħlaq hi.

 

Alexey Bukalov:

 

Il-lejla t-tajba, Santità.  Santità, lura għall-ekumeniżmu: il-lum l-Ortodossi qed jiċċelebraw 1,025 sena ta’ Kristjaneżmu, hemm festi kbar ħafna għaddejjin f’għadd ta’ bliet kapitali.  Napprezza jekk tista’ tgħaddi kumment dwar dan.

 

Il-Papa Franġisku:

 

Fil-Knejjes Ortodossi żammew din il-liturġija fl-istat bikri tagħha, tant sabiħa.  Aħna tlifna xi ftit is-sens ta’ l-adorazzjoni.  Huma żammewh, huma jfaħħru lil Alla, huma jaduraw lil Alla, ikantaw, il-ħin ma jgħoddx.  Iċ-ċentru hu Alla, u dan hu għana li xtaqt insemmi fl-okkażjoni ta’ din il-mistoqsija li int għamiltli.  Darba waħda, aħna u nitkellmu fuq il-Knisja Oċċidentali, fuq l-Ewropa tal-Punent, fuq kollox fuq il-Knisja li xjaħet l-iżjed, qaluli din il-frażi: Lux ex oriente, ex occidente luxus”.  Il-konsumiżmu, il-ġid, għamlulna wisq deni.  Imma intom żammejtu sħiħ fiċ-ċentru dan il-ġmiel ta’ Alla, il-punt ta’ riferiment.  Meta taqra lil Dostoevskij – jiena nemmen li għal kulħadd għandu jkun awtur li taqrah u terġa’ taqrah, għax fih ħafna għerf – tħoss xi ftit liema hi r-ruħ Russa, ir-ruħ Orjentali.  Hi ħaġa li tista’ tagħmlilna ħafna ġid.  Għandna bżonn ta’ dan it-tiġdid, ta’ din l-arja friska tal-Lvant, ta’ dan id-dawl ta’ l-Orjent.  Ġwanni Pawlu II dan kitbu fl-Ittra tiegħu.  Imma wisq drabi l-luxus tal-Punent itellifna l-mira.  Ma nafx, dan jiġini li ngħid.  Grazzi.

 

Padre Lombardi:

 

Allura nagħlqu b’Valentina li, kif kienet hi li fetħet fil-vjaġġ ’l hawn, issa tikkonkludi hi l-vjaġġ lura.

 

Valentina Alazraki:

 

Santità, grazzi li żammejt il-wegħda tiegħek li twieġeb għall-mistoqsijiet tagħna fit-titjira lura

 

Il-Papa Franġisku:

 

Żammejtkom milli tieklu ċ-ċena

 

Valentina Alazraki:

 

Ma jimpurtax, ma jimpurtax.  Il-mistoqsija, min-naħa tal-Messikani kollha, aktarx tkun: meta ġej Guadalupe?…  Imma dik hi l-mistoqsija tal-Messikani  Tiegħi hi din: int sa tikkanonizza żewġ Papiet kbar: Ġwanni XXIII u Ġwanni Pawlu II.  Nixtieq naf liema hu – fil-fehma tiegħek – il-mudell ta’ qdusija li joħroġ kemm minn wieħed u kemm mill-ieħor, u x’impatt ħallew fuq il-Knisja u fuqek.

 

Il-Papa Franġisku:

 

Ġwanni XXIII hu xi ftit jew wisq il-figura tas-“saċerdot tal-kampanja”, is-saċerdot li jħobb lil kull wieħed u waħda mill-fidili, li jaf jieħu ħsieb tal-fidili; u dan għamlu bħala isqof, bħala nunzju.  Imma kemm xhieda falza ta’ Magħmudijiet ta fit-Turkija favur il-Lhud!  Hu bniedem ta’ kuraġġ, saċerdot twajjeb tal-kampanja, b’sens ta’ umoriżmu hekk kbir, tant kbir, u qdusija daqshekk ieħor għolja.  Meta kien nunzju, xi wħud fil-Vatikan ma tantx kienu jġibuh, u meta kien jasal b’xi ħaġa jew biex jitlob xi ħaġa, f’ċerti uffiċċji kienu jħalluh jistenna.  Qatt ma gerger: kien joqgħod jitlob ir-Rużarju, jaqra l-Brevjar, qatt.  Bniedem manswet, umli, bniedem li kien ukoll ħsiebu fil-foqra.  Meta l-Kardinal Casaroli ġie lura minn missjoni – jidhirli fl-Ungerija jew f’dik li kienet iċ-Ċekoslovakkja ta’ dak iż-żmien, ma niftakarx liema mit-tnejn – mar għandu biex ifissirlu kif kienet marret il-missjoni li kellu, f’dik l-epoka tad-diplomazija tal-“passi ċkejknin”.  U kellhom udjenza – għoxrin jum wara Ġwanni XXIII kien miet – u x’ħin Casaroli qam biex jitlaq, waqqfu: “Oħ, Eminenza – le, ma kienx Eminenza – Eċċellenza, mistoqsija: int għadek tmur tara lil dawk iż-żgħażagħ?”.  Għax Casaroli kien imur fil-Ħabs tal-Minorenni ta’ Casal del Marmo u kien joqgħod jilgħab magħhom.  U Casaroli wieġbu: “Iva, iva!”.  “Titlaqhom qatt”.  Dan lil diplomatiku, li kien għadu kemm wasal lura minn missjoni diplomatika, minn vjaġġ hekk impenjattiv; u Ġwanni XXIII qallu: “Liż-żgħażagħ titlaqhom qatt”.  Imma dan bniedem kbir, bniedem kbir!  Imbagħad il-Konċilju: hu bniedem doċli għal-leħen ta’ Alla, għax dan wasal għandu mill-Ispirtu s-Santu, wasal għandu u hu kien doċli għalih.  Piju XII ried ilaqqgħu, imma ċ-ċirkostanzi kienu għadhom ma mmaturawx biżżejjed.  Naħseb li dan [Ġwanni XXIII] ma qagħadx jaħseb fiċ-ċirkostanzi: ħass hekk u għamlu.  Bniedem li kien iħalli l-Mulej imexxih hu.  Dwar Ġwanni Pawlu II jiġi f’moħħi li nsejjaħlu “il-missjunarju kbir tal-Knisja”: hu missjunarju, hu missjunarju, bniedem li wassal il-Vanġelu kullimkien, intom dan tafuh aħjar minni.  Imma int kemm-il vjaġġ għamilt?  Imma kien imur!  Kien iħoss fih dan in-nar biex ixandar il-Kelma tal-Mulej.  Hu Pawlu ieħor, San Pawl, bniedem hekk; għalija dan hu bniedem kbir.  U li nagħmlu ċ-ċerimonja tal-kanonizzazzjoni ta’ dawn it-tnejn flimkien nemmen li hu messaġġ lill-Knisja: dawn it-tnejn huma bravi, huma bravi, huma tnejn bravi.  Imma għaddejja l-kawża ta’ Pawlu VI u anki tal-Papa Luciani: dawn it-tnejn mexjin.  Imma, ħaġa oħra li naħseb li diġà għidt, imma ma nafx jekk hux hawnhekk jew xi mkien ieħor: id-data tal-kanonizzazzjoni.  Kien qed jissemma t-8 ta’ Diċembru ta’ din is-sena, imma hemm problema kbira; dawk li sa jiġu mill-Polonja, il-foqra, għax dawk li għandhom il-mezzi jistgħu jiġu bl-ajruplan, imma dawk li ġejjin, il-foqra, jiġu bil-bus, u diġà f’Diċembru t-toroq ikunu miksija bis-silġ; u allura nemmen li rridu nerġgħu naħsbuha fuq id-data.  Jien tkellimt mal-Kardinal Dziwisz u hu ssuġġerieli żewġ possibbiltajiet: jew Kristu Re ta’ din is-sena, jew il-Ħadd tal-Ħniena Divina tas-sena d-dieħla.  Naħseb li għal Kristu Re ta’ din is-sena ma tantx fadal żmien, għax il-Konċistorju sa jiltaqa’ fit-30 ta’ Settembru u sa tmiem Ottubru ftit hemm żmien, imma ma nafx, irrid nitkellimha mal-Kardinal Amato.  Imma naħseb li m’hux sa jkun it-8 ta’ Diċembru.

 

Mistoqsija:

 

Imma sa jiġu kkanonizzati flimkien?

 

Il-Papa Franġisku:

 

It-tnejn li huma flimkien, iva.

 

Padre Lombardi:

 

Grazzi, Santità.  Min jonqos iżjed?  Ilze?  Imbagħad żgur inkunu għamilniehom kollha, anki iżjed minn dawk li kienu nkitbu qabel

 

Ilze Scamparini:

 

Nixtieq nitlob il-permess li nagħmel mistoqsija xi ftit delikata: ritratt ieħor li wkoll dar xi ftit id-dinja kien dak ta’ Mons. Ricca u ta’ l-aħbarijiet fuq l-intimità tiegħu.  Nixtieq naf, Santità, x’għandek fi ħsiebek li tagħmel fuq din il-kwistjoni?  Kif sa taffronta din il-kwistjoni u kif għandek ħsieb li taffronta l-kwistjoni kollha tal-lobby min-naħa ta’ l-omosesswali?

 

Il-Papa Franġisku:

 

Il-każ ta’ Mons. Ricca: għamilt dak li d-Dritt Kanoniku jitlob li jsir, li hi l-investigatio previa.

U minn din l-investigatio ma ħareġ xejn minn dak li bih qed jakkużawh, ma sibna xejn minn dan.  Din hi t-tweġiba.  Imma jien irrid inżid xi ħaġa oħra dwar dan: fil-Knisja ħafna drabi nara, lil hemm min dan il-każ u anki f’dan il-każ, li hemm min imur ifittex, ngħidu aħna, “id-dnubiet taż-żgħożija”, u jagħmilhom pubbliċi.  Mhux id-delitti, eħ!  Id-delitti huma ħaġa oħra: l-abbuż fuq il-minorenni hu delitt.  Le, id-dnubiet.  Imma jekk persuna, lajka jew saċerdot jew soru, għamlet dnub u mbagħad nidmet minnu, il-Mulej jaħfer, u meta l-Mulej jaħfer, il-Mulej jinsa, u dan hu importanti għal ħajjitna.  Meta aħna mmorru nqerru u ngħidu bis-sinċerità kollha: “Dnibt f’dan”, il-Mulej jinsa u aħna m’għandniex dritt li ma ninsewx, għax inkunu qed nirriskjaw li l-Mulej ma jinsiex [id-dnubiet] tagħna.  Dan hu periklu.  Dan hu importanti: teoloġija tad-dnub.  Spiss naħseb f’San Pietru: għamel wieħed mill-ikreh dnubiet, dak li ċaħad lil Kristu, u b’dan id-dnub għamluh Papa.  Irridu naħsbu f’kollox.  Imma, lura għall-mistoqsija iżjed konkreta tiegħek: f’dan il-każ, għamilt l-investigatio previa u ma sibna xejn.  Din hi l-ewwel mistoqsija.  Imbagħad, int tkellimt fuq il-lobby ta’ l-omossesswali.  Imma!  Inkitbu ħafna affarijiet fuq il-lobby ta’ l-omosesswali.  Jiena s’issa għadni ma sibt lil ħadd fil-Vatikan li wrieni l-karta ta’ l-identità bil-kelma “gay” fuqha.  Jgħidu li hemm min hu.  Nemmen li meta wieħed isib quddiemu persuna hekk, irid jiddistingwi l-fatt li persuna hi omosesswali mill-fatt li qed tagħmel lobby, għax l-ebda lobby m’hu tajjeb.  Dak hu ħażin.  Jekk persuna hi omosesswali u qed tfittex lill-Mulej u għandha rieda tajba, allura min jien jien biex niġġudikaha?  Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika dan ifissru b’mod tant sabiħ, imma jgħid – stenna ftit, kif ngħidu… – u jgħid: “m’għandhomx jiġu emarġinati dawn il-persuni minħabba f’dan; għandhom jiġu integrati fis-soċjetà”.  Il-problema m’hix li jkollok din it-tendenza; le, irridu nkunu aħwa; wieħed hu wieħed, imma jekk hemm ieħor, hemm ieħor.  Il-problema hi meta jsir lobby minn fuq dahar din it-tendenza: lobby minn dawk li huma skjavi tal-flus, lobby minn politiċi, lobby minn mażuni, tant lobby.  Din hi l-problema l-iżjed gravi għalija.  U nirringrazzjak ħafna li għamilt din il-mistoqsija.  Grazzi ħafna!

 

Padre Lombardi:

 

Grazzi.  Jidhirli li iżjed minn hekk ma stajniex nagħmlu.  Saħanistra approfittajna ruħna żżejjed mill-Papa li diġà kien qal li kien xi ftit għajjien, u issa nawgurawlu li jistrieħ xi ftit.

 

Il-Papa Franġisku:

 

Grazzi lilkom, u l-lejl it-tajjeb, il-vjaġġ it-tajjeb u l-mistrieħ it-tajjeb.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard