Dobry wieczór!

 

Illum kien jum speċjali, imma jum ta’ swied il-qalb. Il-Ġimgħa hu l-jum li fih niftakru fil-mewt ta’ Ġesù, u maż-żgħażagħ għadna kemm għalaqna l-ġurnata bit-talba tal-Via Crucis. Tlabna l-Via Crucis: it-tbatija u l-mewt ta’ Ġesù għalina lkoll. Isseħibna ma’ Ġesù fit-tbatija tiegħu. Imma mhux biss it-tbatija li bata elfejn sena ilu, imma t-tbatija li qed ibati llum ukoll. Kemm nies qed ibatu: morda, dawk mifnija mill-gwerra, dawk bla saqaf fuq rashom, l-imġewħa, dawk li qed jiġihom dubju mill-ħajja, li neqsin mill-ferħ, mis-salvazzjoni jew li qed iħossu l-piż ta’ dnubiethom.

 

Waranofsinhar żort l-Isptar tat-tfal. Anki hemm Ġesù qed ibati f’tant tfal morda. U dejjem jiġini li nistaqsi: “Għaliex għandhom ibatu t-tfal?”. Misteru. M’hemmx tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet.

 

Filgħodu għafsa ta’ qalb oħra: mort Auschwitz u Birkenau biex niftakar fit-tbatijiet ta’ sebgħin sena ilu… Kemm tbatija u wġigħ ta’ qalb, x’kefrija! Imma possibbli li aħna l-bnedmin, maħluqa xbieha ta’ Alla, kapaċi nagħmlu dawn l-affarijiet? Dawn l-affarijiet saru. Ma rridx insewdilkom qalbkom, imma jeħtieġ ngħid il-verità. Il-kefrija ma ntemmitx ma’ Auschwitz, ma Birkenau: anki llum, illum qed jiġu ttorturati n-nies; tant ħabsin qed jisfaw ittorturati, mill-ewwel, biex iġagħluhom jitkellmu… Terribbli! Illum għandna rġiel u nisa fil-ħabsijiet mimlija sa ruħ ommhom; qed jgħixu – skużawni l-kelma – bħal bhejjem. Din hi l-kefrija ta’ żmienna. Aħna ngħidu: Iva, rajna x’kefrija sebgħin sena ilu, kif kienu joqtluhom billi jisparawlhom, jew jgħallquhom, jew bil-gass. Imma llum f’tant postijiet fid-dinja, fejn hemm il-gwerra, l-istess qed jiġri.

 

F’din ir-realtà ġie Ġesù biex jerfagħha fuq spallejh. U qed jitlobna biex nitolbu. Nitolbu għal tant persuni bħal Ġesù li għandna fid-dinja tal-lum: dawk bil-ġuħ, bil-għatx, fid-dubju, morda, waħidhom, dawk li qed iħossu l-piż ta’ tant dubji u tant ħtijiet. Qed ibatu ħafna… Nitolbu għal tant tfal morda, innoċenti, li sa minn ċkunithom ilhom iġorru s-salib. U nitolbu għal tant irġiel u nisa li llum qed jiġu ttorturati f’tant pajjiżi tad-dinja; għall-ħabsin imdeffsin kollha hemm, qishom kienu annimali. Tad-dwejjaq dan li qed ngħidilkom, imma din hi r-realtà. Imma hu realtà wkoll il-fatt li Ġesù refa’ fuqu dawn il-ħwejjeġ kollha. Anki d-dnub tagħna.

 

Ilkoll aħna midinbin, ilkoll mgħobbijin bil-piż ta’ dnubietna. Ma nafx hawnx xi ħadd li ma jħossux midneb… Jekk hawn xi ħadd li ma jħossux midneb, ħa jgħolli jdejh… Ilkoll aħna midinbin. Imma Hu jħobbna, iħobbna! U bħala midinbin, imma bħala wlied Alla, ulied Missieru, ejjew nagħmlu lkoll flimkien talba għal dawn in-nies li qed ibatu llum fid-dinja minħabba tant ħwejjeġ koroh, tant ħruxijiet. U meta jċarċar id-dmugħ, it-tifel ifittex lil ommu; anki aħna, midinbin, aħna tfal, ħa nfittxu lil Ommna, u nitolbu lill-Madonna lkoll flimkien, kull wieħed u waħda bil-lingwa tiegħu.

 

Sliema…

 

Barka.

 

Nawguralkom il-lejl it-tajjeb, u l-mistrieħ it-tajjeb. Itolbu għalija! U għada nkomplu b’dan il-Jum sabiħ taż-Żgħażagħ. Grazzi ħafna!

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti min Francesco Pio Attard