O Alla li tista’ kollox u ħanin, Sid tal-Univers u tal-istorja. Kulma ħlaqt int huwa tajjeb, u l-ħniena tiegħek għall-iżbalji tal-bniedem hi bla tarf.

 

Illum niġu għandek nitolbuk iżżomm fis-sliem lid-dinja u lil kull min jgħix fiha, tbiegħed minnha l-mewġa qerrieda tat-terroriżmu, trodd il-ħbiberija u ssawwab fil-qlub tal-ħlejjaq tiegħek id-don tal-fiduċja u tad-disponibbiltà għall-maħfra.

 

Lilek li tagħti l-ħajja, nitolbuk ukoll għal dawk kollha li mietu vittmi ta’ attakki brutali ta’ terroriżmu. Agħtihom il-premju ta’ dejjem. Ħa jidħlu huma quddiemek għal din id-dinja, mifnija mill-ġlied u t-tilwim.

 

O Ġesù, Prinċep tal-Paċi, nitolbuk għal min ġie midrub f’dawn l-atti ta’ vjolenza diżumana: tfal u żgħażagħ, nisa u rġiel, anzjani, persuni innoċenti milquta mill-ħażen sempliċement b’kumbinazzjoni. Fejjaq il-ġisem tagħhom u l-qalb tagħhom u farraġhom bil-qawwa tiegħek, u fl-istess waqt xejjen kull mibegħda u xewqa għal vendetta.

 

Spirtu s-Santu Konsolatur, żur il-familji tal-vittmi tat-terroriżmu, familji li qed ibatu bla ebda ħtija tagħhom. Geżwirhom fil-mant tal-ħniena divina tiegħek. Agħmel li fik u fihom infushom isibu s-saħħa u l-kuraġġ biex ikomplu jkunu aħwa għall-oħrajn, fuq kollox għall-immigranti, u b’ħajjithom jagħtu xhieda ta’ mħabbtek.

 

Miss il-qlub tat-terroristi, biex jagħrfu l-ħażen ta’ għemilhom u jerġgħu lura fit-triq tal-paċi u tat-tjieba, tar-rispett għall-ħajja u tad-dinjità ta’ kull bniedem, ikunu xi jkunu r-reliġjon, il-provenjenza, l-għana jew il-faqar tiegħu.

 

O Alla, Missier Etern, fil-ħniena tiegħek isma’ t-talba li qed ngħollu quddiemek minn qalb il-ġenn u l-qtigħ il-qalb tad-dinja. Lejk induru b’tama qawwija, mimlija fiduċja fil-ħniena bla tarf tiegħek, waqt li nintelqu fl-interċessjoni tal-Omm Imqaddsa tiegħek, imqawwija mill-eżempju tal-beati martri tal-Perù, Zbigniew u Mikiel, li int għamilthom xhieda mill-aqwa tal-Vanġelu, hekk li waslu biex offrew demmhom, u nitolbu d-don tal-paċi u li titbiegħed minna l-pjaga tat-terroriżmu.

 

Bi Kristu Sidna.

 

Amen.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti min Francesco Pio Attard