“Qum, mur f’Ninwè, il-belt il-kbira, u xandrilha li ngħidlek jien” (Ġon 3:2). B’dawn il-kelmiet il-Mulej dar fuq Ġona u talbu jitlaq lejn dik il-belt kbira li kienet waslet biex tinqered minħabba l-ħafna ħażen tagħha. Fil-Vanġelu naraw ukoll lil Ġesù miexi lejn il-Galilija biex ixandar il-Bxara t-tajba (ara Mk 1:14). Iż-żewġ qari juruna lil Alla miexi quddiem l-ibliet tal-bieraħ u tal-lum. Il-Mulej jimxi: imur Ninwè, il-Galilija,… Lima, Trujillo, Puerto Maldonado… il-Mulej jiġi hawn. Jiċċaqlaq minn postu biex jidħol fl-istorja personali tagħna, konkreta. M’ilniex li ċċelebrajna dan: hu l-Għimmanu-El, Alla li jrid joqgħod dejjem magħna. Iva, hawn f’Lima, jew hu x’inhu l-post li fih qed tgħix, fil-ħajja ta’ kuljum tax-xogħol dejjem l-istess, fl-edukazzjoni tal-ulied, mimlijin tama, qalb ix-xewqat tiegħek u l-impenji tiegħek; fl-intimità tad-dar u qalb l-istorbju jtarrax tat-toroq tagħna. Huwa hemm, qalb it-toroq kollha trab tal-istorja, li l-Mulej jiġi jiltaqa’ miegħek.

 

Xi drabi jista’ jiġrilna l-istess li ġralu Ġona. L-ibliet tagħna, bis-sitwazzjonijiet ta’ tbatija u ta’ inġustizzja li jirripetu ruħhom ta’ kuljum, jistgħu jqanqlu fina t-tentazzjoni li naħarbu, li ninħbew, li nitilqu mgħaġġlin. U r-raġunijiet, kemm għal Ġona u kemm għalina, ma jonqsux. Meta nħarsu lejn il-belt nistgħu nibdew naraw li “hawn insibu ċittadini li jfittxu l-mezzi xierqa għall-iżvilupp tal-ħajja personali u familjari tagħhom, imma bosta huma dawk li ‘mhumiex ċittadini’, huma ‘nofs ċittadini’ jew huma ż-‘żibel tal-belt’”[1] mixħuta fuq il-ġnub tat-toroq tagħna, li jmorru jgħixu fit-trufijiet tal-ibliet tagħna mingħajr il-kundizzjonijiet meħtieġa għal ħajja dinjituża, u b’għafsa ta’ qalb naraw kif ħafna drabi fost dan iż-“żibel uman” hemm l-uċuħ ta’ tant tfal u adolexxenti. Hemm il-wiċċ tal-futur.

 

U meta naraw dawn il-ħwejjeġ fl-ibliet tagħna, fil-postijiet fejn ngħixu – li jistgħu jkunu mkejjen ta’ laqgħa u ta’ solidarjetà, ta’ ferħ – dan jispiċċa jqanqal fina dak li nistgħu nsejħulu s-sindromu ta’ Ġona: spazju li fih naħarbu u naqtgħu qalbna (ara Ġon 1:3). Spazju għall-indifferenza, li jibdilna f’anonimi u torox quddiem l-oħrajn, iġibna essri impersonali b’qalb bierda, u b’dan l-atteġġjament nagħmlu ħsara lill-qalb tal-poplu, ta’ dan il-poplu ta’ qalb kbira. Kif fakkarna Benedittu XVI, “il-qies tal-umanità jitkejjel essenzjalment bir-relazzjoni mat-tbatija u ma’ min ibati. Dan jiswa kemm għall-individwu kif ukoll għas-soċjetà. Soċjetà li ma jseħħilhiex tilqa’ ’l dawk li jbatu u li ma għandha ħila tagħmel xejn biex permezz tal-‘kom-passjoni’ t-tbatija tinqasam u tinġarr anki fil-ġewwieni, hija soċjetà kiefra u ma għandhiex mill-bnedmin”.[2]

 

Meta arrestaw lil Ġwanni [l-Battista], Ġesù mar il-Galilija jipprietka l-Vanġelu ta’ Alla. B’differenza minn Ġona, Ġesù, quddiem ġrajja ta’ swied il-qalb u inġusta kif kien l-arrest ta’ Ġwanni, daħal fil-belt, daħal il-Galilija u beda minn dak il-poplu ċkejken jiżra’ dak li kellu jsir il-bidu tal-ikbar tama: is-Saltna ta’ Alla hi fil-qrib, Alla ġie fostna. U l-Vanġelu nnifsu jurina l-ferħ u l-effett-katina li dan jipproduċi: beda bi Xmun u Indrì, imbagħad Ġakbu u Ġwanni (ara Mk 1:14-20) u, minn dakinhar, għadda għal Santa Roża ta’ Lima, San Toribju, San Martin de Porres, San Ġwann Macías, San Franġisk Solano, u wasal sa għandna, imħabbar mis-sħaba ta’ xhieda li emmnu fih. Wasal sa Lima, sa għandna, biex jimpenjana mill-ġdid bħal mediċina mġedda kontra l-globalizzazzjoni tal-indifferenza. Għax quddiem din l-Imħabba ma tistax tibqa’ indifferenti.

 

Ġesù sejjaħ lid-dixxipli tiegħu biex jgħixu llum dak li għandu togħma tal-eternità: l-imħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu; u dan jagħmlu bl-uniku mod li bih jista’ jagħmlu, bil-mod divin: iqanqal il-ħlewwa u l-imħabba ħanina, iqanqal il-mogħdrija u jiftħilhom għajnejhom biex jitgħallmu jaraw ir-realtà bil-mod divin. Jistedinhom joħolqu rabtiet ġodda, pattijiet ġodda li fihom iġorru l-eternità.

 

Ġesù jdur l-ibliet; dan jagħmlu mad-dixxipli tiegħu u jibda jara, jisma’, joqgħod attent għal dawk li kienu ċedew taħt il-mant tal-indifferenza, imħaġġrin mid-dnub gravi tal-korruzzjoni. Jibda jikxef tant sitwazzjonijiet li kienu qed jifgaw it-tama tal-poplu tiegħu u jqanqal fih tama ġdida. Isejjaħ lid-dixxipli tiegħu u jistedinhom imorru warajh, jistedinhom iduru l-ibliet, imma jibdlilhom ir-ritmu, jgħallimhom iħarsu lejn dak li qabel kienu jibqgħu għaddejjin minn quddiemu, jurihom urġenzi ġodda. Indmu, jgħidilhom, is-Saltna ta’ Alla hi li tiltaqa’ ma’ Ġesù Alla li jħallat il-ħajja tiegħu mal-ħajja tal-poplu tiegħu, jinvolvi ruħu u jinvolvi oħrajn biex ma jibżgħux jagħmlu minn din l-istorja, storja ta’ salvazzjoni (ara Mk 1:15,21ss).

 

Ġesù jissokta jimxi fit-toroq tagħna, bħall-bieraħ ikompli jħabbat fuq il-bibien, iħabbat fuq il-qlub biex ikebbes mill-ġdid it-tama u x-xewqat profondi tagħna: biex it-tifrik jiġi megħlub mill-fraternità, l-inġustizzja mirbuħa mis-solidarjetà, u l-vjolenza mitfija bl-armi tal-paċi. Ġesù jkompli jsejjaħ u jrid jidlikna bl-Ispirtu tiegħu biex aħna wkoll immorru nidilku b’dik id-dilka li tista’ tfejjaq it-tama miġruħa u ġġedded il-ħarsa tagħna.

 

Ġesù jkompli jimxi u jqanqal it-tama li teħlisna minn relazzjonijiet vojta u minn analiżijiet impersonali u jsejħilna biex nidiehsu bħal ħmira li ttella’ l-għaġna, hemm fejn aħna, fejn ingħatalna li ngħixu, f’dik ir-rokna ċkejkna ta’ kuljum. Is-Saltna tas-smewwiet tinsab f’nofskom – jgħidilna –, tinsab hemm fejn nafu nużaw xi ftit tal-ħlewwa u tal-mogħdrija, fejn ma nibżgħux noħolqu spazji biex l-għomja jaraw, il-magħtuba jimxu, l-imġiddima jissaffew u t-torox jisimgħu (ara Lq 7:22), u hekk dawk kollha li konna ħsibniehom mitlufa jistgħu jgawdu mill-Qawmien. Alla ma jegħja qatt u mhux ħa jegħja jimxi kemm hemm bżonn biex jilħaq lil uliedu. Lil kull wieħed u waħda minn uliedu. Kif nistgħu nkebbsu t-tama jekk neqsin mill-profeti? Kif nistgħu naffrontaw il-futur jekk neqsin mill-għaqda? Kif se jasal Ġesù f’tant postijiet, jekk jonqsuna x-xhieda qalbiena u validi?

 

Illum il-Mulej qed isejjaħlek biex timxi miegħu fl-ibliet, jistiednek timxi miegħu fil-belt tiegħek. Isejjaħlek tkun dixxiplu missjunarju tiegħu, u hekk ikollok sehem f’dik is-sejħa li minn taħt l-ilsien trid tkompli tidwi f’kull rokna ta’ ħajjitna: Ifraħ, il-Mulej huwa miegħek!

 


 

TISLIMA FINALI

 

Nirringrazzja lill-Kardinal Juan Luis Cipriani, Arċisqof ta’ Lima, għall-kelmtejn tiegħu, u lill-ħuti l-Isqfijiet ta’ Puerto Maldonado u Trujillo, li l-ġurisdizzjonijiet ekkleżjastiċi tagħhom stajt inżurhom f’dawn il-jiem; nirringrazzja wkoll lill-President tal-Konferenza Episkopali u lil ħuti l-isqfijiet tal-preżenza tagħhom u lilkom ilkoll li grazzi għalikom din iż-żjara ħalliet marka li ma titħassarx fil-qalb tiegħi.

 

Nirringrazzja lil dawk kollha li għamlu dan il-vjaġġ possibbli, u dawn kienu ħafna, u ħafna bla isem. Qabelxejn lis-Sur President Pedro Pablo Kuczynski, l-awtoritajiet ċivili, l-eluf ta’ voluntiera li bis-servizz sieket tagħhom u b’ħafna sagrifiċċju, bħal “nemliet żgħar” taw sehemhom biex seta’ jsir kollox. Grazzi, voluntiera anonimi! Nirringrazzja lill-kummissjoni organizzatriċi u lil dawk kollha li bid-dedikazzjoni u l-impenn tagħhom għamlu din il-laqgħa possibbli. B’mod speċjali rrid nirringrazzja lill-grupp ta’ periti li ddisinjaw it-tliet altari fit-tlitt ibliet: il-Mulej iżommilkom sħaħ il-gosti tajba tagħkom! Ħadt pjaċir niltaqa’ magħkom.

 

Bdejt il-pellegrinaġġ tiegħi fostkom billi għidt li l-Perù hu art ta’ tama. Art ta’ tama minħabba fil-bijodiversità li nsibu fiha flimkien mal-ġmiel tal-postijiet li jista’ jgħinna niskopru l-preżenza ta’ Alla.

 

Art ta’ tama għall-għana tat-tradizzjonijiet tagħha u tad-drawwiet li mmarkaw ir-ruħ ta’ dan il-poplu.

 

Art ta’ tama grazzi għaż-żgħażagħ, li mhumiex il-futur imma l-preżent tal-Perù. Lilhom nitlob jiskopru fl-għerf tan-nanniet tagħhom, tal-anzjani, id-DNA li mexxa lill-qaddisin kbar tagħkom. Għeżież tfal, nitlobkom, titilfux l-għeruq tagħkom. Nanniet u anzjani, tieqfu qatt tgħaddu lill-ġenerazzjonijiet iż-żgħar l-għeruq tal-poplu tagħkom u l-għerf tat-triq li twassal għas-Sema. U lilkom kollha nistedinkom ma tibżgħux tkunu l-qaddisin tas-seklu wieħed u għoxrin.

 

Ħuti Peruvjani, għandkom ħafna raġunijiet għax tittamaw. Dan rajtu u stajt immissu b’idejja f’dawn il-jiem. Nitlobkom, ħarsu t-tama, tħalluhomx jisirquhielkom. U m’hemmx mod aħjar kif tħarsu t-tama milli billi tibqgħu magħqudin, biex dawn ir-raġunijiet kollha li jżommuha ħajja jikbru iżjed jum wara l-ieħor.

 

It-tama f’Alla ma tqarraqx bina (ara Rum 5:5).

 

Se nġorrkom fil-qalb tiegħi.

 

Alla jberikkom. U jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija. Grazzi.

 

[Barka]

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard


 

[1] Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 74.

[2] Ittra enċiklika Spe salvi, 38.