Nirringrazzja lill-Arċisqof ta’ Asunción, Mons. Edmundo Ponziano Valenzuela Mellid u lill-Arċisqof (Ortodoss) tal-Amerika t’Isfel, Yatasios għall-kliem ta’ kortesija.

Fi tmiem din iċ-ċelebrazzjoni indawwru ħarsitna bil-fiduċja lejn il-Vereġni Marija, Omm Alla u Ommna.  Hi r-rigal li Ġesù ta lill-poplu tiegħu. Tahielna bħala Ommna fis-siegħa tas-salib u t-tbatija.  Hija frott tal-offerta ta’ Kristu għalina.  U minn dak il-ħin kienet dejjem u dejjem se tibqa’ ma’ uliedha, speċjalment l-iżgħar u l-aktar fil-bżonn.  Hi daħlet fin-nisġa tal-istorja tal-popli tagħna u ta’ nieshom.  Bħal f’ħafna pajjiżi tal-Amerika Latina, il-fidi tan-nies tal-Paragwaj hi mimlija mħabba lejn il-Verġni.  Morru għand l-Omm tagħkom bil-fiduċja, iftħu qalbkom magħha u afdawlha l-ferħat tagħkom u l-uġigħat, it-tamiet tagħkom u t-tbatijiet tagħkom.  Il-Verġni  tfarraġkom u bit-tenerezza ta’ mħabbitha tixgħel fikom it-tama.  Thedew qatt issejħu lil Marija u tafdaw fiha, Omm il-Ħniena għal uliedha kollha mingħajr distinzjoni.

Lill-Verġni, li flimkien mal-Appostli ipperseverat fl-istennija tal-Ispirtu s-Santu (cfr Atti 1, 13-14), nitlobha wkoll biex tishar fuq il-Knisja u ssaħħaħ ir-rabtiet fraterni bejn il-membri tagħha kollha, Omm għall-popli kollha.

Għeżież ħuti, nitlobkom, biex jekk jogħġobkom ma tinsewx titolbu għalija.  Naf tajjeb kemm hu maħbub il-Papa fil-Paragwaj.  Anki jien inżommkom f’qalbi u nitlob għalikom u għal Pajjiżkom.

U issa nistedinkom biex nirreċitaw l-Angelus lill-Verġni.

BARKA: Il-Mulej iberikkom u jħariskom: jiddi wiċċu fuqkom u jitkom il-ħniena tiegħu; idawwar ħarstu lejkom u jtikom il-paċi.  U l-barka t’Alla li jista’ kollox, Missier, Iben u Spirtu s-Santu, tinżel fuqkom u tibqa’ magħkom dejjem.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber