VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU, FRANĠISKU
FIL-PANAMA FL-OKKAŻJONI TAL-
XXXIV JUM DINJI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ
(23-28 TA' JANNAR, 2019)

VELJA MAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU

Campo San Ġwanni Pawlu II – Metro Park (Panama)
Is-Sibt, 26 ta’ Jannar, 2019

 

Għeżież żgħażagħ, il-lejla t-tajba!

Rajna dak l-ispettaklu sabih fuq is-Siġra tal-Ħajja li wriena kif il-ħajja li rregalalna Ġesù hi storja ta’ mħabba, storja ta’ ħajja li tixtieq titwaħħad ma’ tagħna u trabbi l-għeruq fl-art ta’ kulħadd.  Dik il-ħajja mhix salvazzjoni mdendla ma’ “cloud” tistenna li  nniżżluha fuq il-kompjuter, laqnas xi “app” li rridu niskopruha jew xi taħriġ mentali frott tat-teknika tat-tkabbir personali.  U l-ħajja li joffrielna Alla lanqas mhi tutorial li minnu nitgħallmu (liema huma) l-aħħar novitajiet.  Is-salvazzjoni li jirregalalna Alla hi stedina biex nissieħbu mal-istorja ta’ mħabba li tintiseġ mal-istorja ta’ kull wieħed u waħda minna; li tgħejx u trid titwieled fostna sabiex aħna nkunu nistgħu nagħmlu l-frott hemmhekk, fejn inkunu ninsabu, kif aħna u ma’ min inkunu.  Hemmhekk jiġi l-Mulej biex iħawwel u jitħawwel; huwa Hu l-ewwel wieħed li jgħid “iva” lill ħajjitna, Hu dejjem l-ewwel wieħed.  Hu l-ewwel wieħed li jgħid “iva” għall-istorja tagħna, u jixtieq li aħna wkoll ngħidu “iva” flimkien miegħu.  Hu dejjem jasal qabilna, Hu l-ewwel wieħed.

Hekk kien issorprenda lil Marija u stedina biex issir parti minn din l-istorja.  Mingħajr dubju, iż-żgħażugħa ta’ Nażaret ma kinitx tidher “fil-meżżi soċjali” ta’ żmienha, hi ma kinitx “influencer”, iżda bla ma riedet u bla ma lanqas fittxitha, saret il-mara li l-aktar kellha influwenza fuq l-istorja.

U nistgħu insejħulha, bil-fiduċja ta’ wlied: Marija, “l-influencer”  ta’ Alla.  Bi ftit kliem sabet il-kuraġġ li tgħid “iva” u tafda fl-imħabba, tafda fil-wegħdiet ta’ Alla, li hu l-qawwa waħdanija bil-ħila li ġġedded, li tagħmel ġdida kull ħaġa.  U aħna lkoll, illum, għandna xi ħaġa xi nġeddu ġewwa fina.  Illum irridu nħallu lil Alla jġedded xi ħaġa fi qlubna.  Naħsbu ftit: xi rrid li Alla jġedded ġewwa qalbi?

Il-qawwa tal-”iva” ta’ Marija, żgħażugħa, dejjem timpressjona.  Il-qawwa ta’ dik il-kelma “ikun minni dak li trid int” li qalet lill-Anġlu.  Kienet xi ħaġa differenti minn sempliċi aċċettazzjoni passiva jew rassenjata.  Kienet xi ħaġa differenti minn “iva” li qisek qed tgħid: “Tajjeb, ejja nippruvaw u mbagħad naraw x’jiġri”.  Din l-espressjoni : imbagħad naraw x’jiġri, Marija ma kinitx tafha.  Kienet deċiża, fehmet u qalet “iva” mingħajr tidwir ta’ kliem.  Kienet xi ħaġa aktar, xi ħaġa differenti.  Kienet “l-iva”  ta’ min irid jinvolvi ruħu u jirriskja, ta’ min irid iċedi kollox, mingħajr ebda garanzija oħra dwar iċ-ċertezza li tagħmilha koxjenti li qed iġġorr wegħda.  U nistaqsi lil kull wieħed u waħda minnkom: intom qed iġġorru xi wegħda magħkom?  Liema wegħda qed inġorr f’qalbi, li rrid inkompli mmexxi ‘l quddiem?  Bla dubju, Marija kien se jkollha missjoni diffiċli, imma d-diffikultajiet ma kienux raġuni biex hi tgħid “le”.  Żgur li kien se jkollha l-kumplikazzjonijiet, imma ma kienux se jkunu dawn l-istess kumplikazzjonijiet li jitfaċċaw meta l-biża’ jwebbisna minħabba l-fatt li mhux kollox ikun ċar quddiemna jew aċċertat minn qabel.  Marija, ma għamlitx “insurance” fuq ħajjitha!  Marija qagħdet għal-logħba, u għalhekk hi qawwija, għalhekk hija influencer, hija l-influencer ta’ Alla!  “L-iva” u x-xewqa li taqdi kienu aktar qawwija mid-dubji u d-diffikultajiet. 

Illejla nisimgħu ukoll kif “l-iva” ta’ Marija tidwi u titkattar mill-ġens għal ieħor.  Ħafna żgħażagħ, fuq l-eżempju ta’ Marija jirriskjaw u jilqgħu l-isfida mmexxijin minn wegħda.  Grazzi, Erika u Rogelio, għat-testimonjanza li tajtuna.  Dawn it-tnejn kienu kuraġġużi!  Jixirqilhom applaws. Grazzi!  Qsamtu magħna l-biżgħat tagħkom, id-diffikultajiet, ir-riskju kollu li għextu qabel ma twieldet Ines.  Ħin minnhom għedtu: “Lilna l-ġenituri jiswielna ħafna li naċċettaw il-miġja ta’ tarbija b’xi marda jew diżabbiltà”, dan ċert, wieħed jifhmu.  Imma s-sopriża kienet meta intom żidtu tgħidu: “Meta twieldet bintna qtajnieha li nħobbuha b’qalbna kollha”.  Qabel ma waslet, quddiem l-aħbarijiet u d-diffikultajiet li kontu qed tiffaċċjaw, kontu ħadtu deċiżjoni u kontu għidtu bħal Marija “ħa jiġri minna”, kontu ddeċidejtu li tħobbuha.  Quddiem il-ħajja ta’ bintkom fraġli, bla difiża u fi ħtieġa tat-tweġiba tagħkom, ta’ Erika u Rogelio, intom għidtu: “iva” u b’hekk għandna lil Ines.  Intom kellkom il-kuraġġ li temmnu li d-dinja mhix biss għal min għandu s-saħħa!  Grazzi!

Li tgħid “iva” lill-Mulej ifisser li tħaddan il-ħajja kif tiġi, bid-dgħufija tagħha u ċ-ċokon u, ħafna drabi, saħansitra bil-kuntradizzjonijiet kollha u affarijiet li ma jagħmlux sens, bl-istess imħabba li biha tkellmu Erika u Rogelio.  Tieħu l-ħajja kif tiġi.  Ifisser li nħaddnu l-patrija tagħna, il-familji tagħna, lil ħbiebna kif inhuma bid-dgħufijiet u ċ-ċokon tagħhom.  It-tħaddin tal-ħajja jimmanifesta ruħu wkoll meta aħna nagħtu merħba li dak kollu li mhux perfett, lil dak kollu li mhux pur u distillat, imma li b’daqshekk huwa anqas dehen li jkun maħbub.  Forsi xi ħadd għax diżabbli jew fraġli mhux dehem li jkollu l-imħabba?”  Nistaqsikom: persuna diżabbli, persuna fraġli jistħoqqilha mħabba? (iwieġbu: iva!)  Mhix tinstama’ sew... (għajtu aktar: iva!).  Fhimtu?  Mistoqsija oħra, ħa naraw kif se twieġbu.  Xi ħadd minħabba li hu stranġier, li jkun żbalja, għax ikun marid jew fil-ħabs, jistħoqqlu mħabba?”  (iwieġbu: iva!).  Hekk għamel Ġesù: ħaddan lill-lebbruż, lill-għama, lill-paralitiku, ħaddan lill-fariżew u lill-midneb.  Ħaddan lill-ħalliel fuq is-salib u ħaddan u ħafer saħansitra li dawk li kienu dendluh mas-salib.

Għaliex?  Għax hu biss dak hu maħbub li jista’ jsalva.  Int ma tistax issalva persuna, ma tistax issalva sitwazzjoni, jekk ma tħobbhiex.  Hu biss min hu maħbub li jista’ jsalva.  Intennuha?  (flimkien)  Hu biss min hu maħbub li jista’ jsalva. Għal darb’oħra! (iż-żgħażagħ: “Hu biss min hu maħbub li jista’ jsalva”).  Tinsewhiex.  Għalhekk aħna konna salvati minn Ġesù: għax iħobbna u ma jistax jagħmel mod ieħor.  Nistgħu nagħmlu minn kollox, imma Hu jħobbna u jsalvana.  Għax hu biss dak li hu maħbub li jista’ jsalva.  Hu biss min jitħaddan li jista’ jkun ittrasformat.  L-imħabba tal-Mulej hi akbar mill-kuntradizzjoniet tagħna, mid-dgħufijiet tagħna u mit-trivjalitajiet tagħna.  Imma preċiżament permezz tal-kuntradizzjonijiet tagħna, tal-fraġiltajiet tagħna u t-trivjalitajiet tagħna li Hu jrid jikteb din l-istorja ta’ mħabba.  Hu ħaddan lill-iben il-ħali, ħaddan  lil Pietru wara li ċaħdu u jħaddan dejjem, dejjem, dejjem wara l-waqgħat tagħna u jgħinna nerġgħu nqumu fuq saqajna.  Għax il-vera waqgħa – attenti għal dan -  il-vera waqgħa, dik li tista tirvinalna ħajjitna, hi li nibqgħu mal-art u ma nħallux lil min jgħinna.  Hemm kant tal-alpini sabiħ ħafna, li jkantaw huma u telgħin fuq il-muntanja: “Fl-arti tat-tlugħ, ir-rebħa mhix fil-waqa’ imma f’li ma tibqax mal-art”.  Ma tibqax mal-art!  Tagħti idek sabiex jgħinuk tqum.  Ma tibqax fl-art.

L-ewwel pass jikkonsisti filli  ma nibżgħux naċċettaw il-ħajja kif tiġi, ma nibżgħux inħaddnu l-ħajja kif inhi.  Din hi s-siġra tal-ħajja li rajna llum (waqt il-velja).

Grazzi Alfredo, għat-testimonjanza u l-kuraġġ li taqsamha magħna lkoll.  Laqatni ħafna meta għidt: “Bdejt naħdem fil-bini sakem intemm dak il-proġett.  Mingħajr impieg l-affarijiet ħadu xejra oħra; mingħajr skola, mingħajr xejn x’nagħmel u bla xogħol”.  Kollox jinġabar f’dawk l-erba’ “mingħajr” li minħabba fihom ħajjitna tibqa’ mingħajr għeruq u tinxef: bla xogħol, bla edukazzjoni, bla komunita, bla familja.  Jiġifieri bla għeruq.  Mingħajr xogħol, mingħajr edukazzjoni, mingħajr komunità mingħajr familja.  Dawn l-erba’ “mingħajr” joqtlu.  Impossibbli li wieħed jikber jekk ma jkollux għeruq sodi u jkun wieqaf dritt u marbut mal-art.  Faċli li titħawwad meta jkollox ma’ fejn taqbad, ma’ fejn tiggranfa.  Din  hi mistoqsija li għandna nagħmlu lilna nfusna aħna l-adulti, aħna l-adulti li ninsabu hawn, anzi hija mistoqsija li intom għandkom tagħmlu lilna, li intom iż-żgħażagħ għandkom tagħmlulna lilna l-adutli, u hu dmir tagħna li nweġbukom: liema għeruq qed intukom?, liema sisien qed noffrulkom biex nibnukom bħala persuni?  Hija mistoqsija għalina l-adulti.  Kemm hu faċli tikkritika liż-żgħażagħ u toqgħod tgerger, jekk aħna ma noffrulhomx l-opportunitajiet tax-xogħol, tal-edukazzjoni u komunitarji biex jiggranfaw magħhom u joħolmu l-futur!  Mingħajr edukazzjoni diffiċli toħlom il-futur; mingħajr xogħol hu diffiċli toħlom il-futur; mingħajr familja u mingħajr komunità hu kważi impossibbli toħlom il-futur.  Għax li toħlom il-futur ifisser li titgħallem tagħti tweġiba mhux biss “għaliex” qed ngħejx, imma għal min  qed ngħejx, għal min hu ta’ min jagħti ħajtu.  U dan għandna nagħmluh aħna l-adulti, billi ntukom ix-xogħol, l-edukazzjoni, il-komunità, l-opportunitajiet.

Kif kien qed jgħid Alfredo, meta bniedem jintelaq u jibqa’ bla xogħol, bla edukazzjoni, mingħajr komunità u mingħajr familja, fl-aħħar tal-ġurnata jħossu vojt u jispiċċa biex dak il-vojt jimlieh b’xi ħaġa oħra, b’xi ħaġa kerha.  Għax issa, ma nafux għal min qed ngħejxu, nitqabdu u lil min qed inħobbu.  Lill-adulti li jinsabu hawn, u lil dawk li qed jarawna, nistaqsi:  x’qed tagħmel int biex tiġġenera l-futur taż-żgħażagħ tal-lum?  Għandek ħila titqabad biex ikollhom l-edukazzjoni, biex ikollhom ix-xogħol, biex ikollhom familja, biex ikollhom komunità?  Kull wieħed u waħda minna l-kbar, iwieġeb f’qalbu.

Niftakar darba waħda kont nitkellem ma’ xi żgħażagħ u wieħed staqsieni: “għaliex illum tant żgħażagħ ma jistaqsux lilhom infushom jekk Alla jeżistix jew isibuha bi tqila biex jemmnu fih u jiskartaw mill-impenn tal-ħajja?”  U jien weġibt: “U intom x’taħsbu?”.  Fost it-tweġibiet li ħarġu fil-konversazzjoni niftakar waħda li laqtitli qalbi u hi marbuta mal-esperjenza li Alfredo qasam magħna: “Padre, hu l-fatt li ħafna minnhom qed iħossu li ftit, ftit, donnhom waqfu jeżistu għall-oħrajn, u bosta drabi jħossuhom inviżibbli”.  Ħafna żgħażagħ iħossu li għall-oħrjan m’għadhomx jeżistu, lanqas għall familja, għas-soċjetà, għall-komunità..., u għalhekk, ħafna drabi jħossuhom inviżibbli.  Hija l-kultura tal-abbandun u tan-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni.  Mhux qed ngħid li kulħadd hekk, imma ħafna jħossu li m’għandhomx wisq jew m’għandhom xejn x’jagħtu għax m’għandhomx spazji reali li fihom huma jħossuhom ikkonsultati.  Kif jistgħu jaħsbu li Alla jeżisti jekk dawn iż-żgħażagħ infushom ilhom żmien li waqfu jikbru huma wkoll f’għajnejn ħuthom u għas-soċjetà?  B’hekk aħna qed inġegħeluhom ma jħarsux aktar lejn il-futur u nwaqqgħuhom vittmi ta’ kull tip ta’ droga, ta’ kull ħaġa li teqridhom.  Nistgħu nistaqsu lilna nfusna: x’qed nagħmel jien maż-żgħażagħ li nara?  Immaqdarhom, jew ma jinteressawnix?  Ngħinhom, jew mhux interessat fihom?  Hu minnu li għalija ilhom żmien li ma baqgħux jeżistu?

Nafuha tajjeb, mhux biżżejjed li tkun il-ġurnata kollha mwaħħal mal-mowbajl biex tħoss li għandek l-għarfien jew li inti maħbub.  Li tħossok importanti u mistieden għal xi ħaġa hi ħaġa ferm akbar milli tkun “imwaħħal mal-mowbajl”.  Ifisser li ssib spazji li fihom b’idejk, b’qalbek u b-moħħok tħossok parti minn komunità akbar li għandha bżonnok u li intom ukoll, żgħażagħ għandkom bżonnha.

U dan fehmuh tajjeb il-qaddisin.  Qed naħseb, per eżempju, f’Don Bosco (iż-żgħażagħ iċapċpu) li ma marx ifittex liż-żgħgżagħ f’xi post il-bogħod jew speċjali – jidher li hawnhekk hawn min iħobb lil Don Bosco!, applaws!  Don Bosco ma marx ifittex liż-żgħażagħ xi mkien speċjali jew imbiegħed; tgħallem sempliċiment iħares, jara dak kollu li kien qed jiġri fil-belt u jħares lejh bl-għajnejn ta’ Alla, u b’hekk laqtuh mijiet ta’ tfal u żgħażagħ abbandunati, mingħajr skola, mingħajr xogħol u mingħajr l-id ħabiba tal-komunità.  Ħafna nies kienu jgħejxu f’dik l-istess belt, u ħafna kienu jikkritikaw liż-żgħażagħ, imma ma kinux jafu jħarsu lejhom bl-għajnejn t’Alla.  Liż-żgħażagħ jeħtieġ inħarsu lejhom bl-għajnejn ta’ Alla.  Hu hekk għamel, Don Bosco, għaraf jagħmel l-ewwel pass: iħaddan il-ħajja kif inhi; u, ibda minn dan, ma beżax jagħmel it-tieni pass: joħloq komunità flimkien magħhom sabiex bix-xogħol u bl-istudju jħossuhom maħbubin.  Jagħtihom għeruq li jħossuhom marbutin magħhom biex jaslu s-sema.  Biex ikunu xi ħaġa fis-soċjetà.  Jeħtieġu għeruq biex jitwaħħdu magħhom sabiex l-ewwel riħ li jonfoħ ma jqaċċathomx.  Dan għamel Don Bosco, dan għamlu l-qaddisin, dan jagħmlu l-komunitajiet li jafu jħarsu lejn iż-żgħażagħ bl-għajnejn ta’ Alla.  Tħossuha din, intom il-kbar, li tħarsu lejn iż-żagħażagħ bl-għajnejn ta’ Alla?.

Qed naħseb f’tant postijiet fl-Amerika Latina tagħna li jaħdmu sfiq f’dik li jsejħulha il-familja l-kbira dar ta’ Kristu, illi bl-istess spirtu ta’ ċentri oħra, ifitxxu li jilqgħu l-ħajja kif inhi bit-totalità u l-kumplessità tagħha, għax jafu li “għas-siġra (dejjem) hemm it-tama; jekk tinqata’ terġa’ ttella u ma jiġux nieqsa ż-żraġen tagħha (Ġb 14,7)

U dejjem tista’ “tiġġedded u twarrad”, dejjem tista’ terġa’ tibda mill-ġdid meta jkun hemm komunità, is-sħana ta’ dar fejn wieħed jagħmel l-għeruq, li toffri l-fiduċja meħtieġa u tħejji l-qalb biex tiskopri xefaq ġdid: xefaq ta’ iben maħbub, imfittex, misjub u mogħti għal missjoni.  Il-Mulej jidher fl-uċuħ konkreti.  Li tgħid “iva” bħal Marija għal din l-istorja ta’ mħabba hu “iva” sabiex tkun strument ta’ bini, fil-kwartieri fejn noqgħodu, komunitajiet ekkleżjali bil-ħila li jterrqu t-toroq tal-belt, li jħaddnu u jinsġu relazzjonijiet ġodda.  Li nkunu “influencer” fis-seklu XXI ifisser li nkunu ħarriesa tal-għeruq, ħarriesa ta’ dak kollu li ma jħallix lil ħajjitna ssir “duħħan”, li ħajjitna tevapora fix-xejn.  Intom adulti, kunu ħarriesa ta’ dak kollu li jippermettilna nħossu li aħna ta’ xulxin, ħarriesa ta’ kulma jġegħelna nħossu li aħna nappartjenu lil xulxin.

Hekk għexitu l-Jum Dinji taż-Żgħażagħ fi Krakovja Nirmeen.  Iltaqgħet ma’ komunità ħajja, ferrieħa, li marret tiltaqa’ magħha, tagħtha sens ta’ appartenenza, u għalhekk ta’ identità, u ppermmettitilha tgħejx il-ferħ li ġġib il-laqgħa ma’ Ġesù.  Nirmeen kienet teviah lil Ġesù, kienet tiskartah, iżżomm bogħod minnu, sakemm xi ħadd għenha tħawwel l-għeruq, taha l-appartenenza, u dik il-komunità tatha l-kuraġġ li tibda dil-mixja li rrakkuntatilna.

Qaddis latino-amerikan, darba staqsa lilu nnifsu: “il-progress tas-soċjetà se jkun biss li tasal ikollok l-aħħar mudell ta’ karrozza jew li tikseb l-aħħar teknoloġija li jagħti s-suq?  F’dan hu l-kobor kollu tal-bniedem?  Mhemm xejn aktar milli tgħejx għal dan biss? (San Alberto Hurtado, Meditazzjoni tal-Ġimgħa Mqaddsa għaż-żgħażagħ, 1946).  Jien nistaqsikom, lilkom iż-żgħażagħ:  intom tridu dan it-tip ta’ tkabbir:  Jew le?  (“Le”).  M’intomx ċerti.. minn hawn mhux qed tinstemgħu sew, x’qed jiġri?... (“Le”).  L-importanza mhix biss li jkollok karrozza tal-aħħar mudell, jew li tixtri l-aħħar teknoloġija li hemm fis-suq.  Intom ġejtu maħluqin għal xi ħaġa akbar!  Marija fehmithu u qalet: “Ħalli jsir minni!”.  Nirmeen fehmitu u qalet: “Ħalli jsir minni!”  Smajniehom hawn.  Ħbieb, nistaqsikom: “Intom lesti li tgħidu “iva”? (“Iva”).  Issa qed twieġbu, hekk togħġbuni aktar!  L-Evanġelju jgħallimna li d-dinja mhix se tkun aħjar għax se jkun hawn anqas nies morda, anqas nies debboli, anqas nies dgħajfa jew anzjani biex nieħdu ħsiebhom, u lanqas għax se jkun hawn anqas midinbin, le, mhux se tkun aħjar minħabba f’dan.  Id-dinja tkun aħjar meta jkun hawn aktar nies li, bħal dawn il-ħbieb li kellmuna, jkunu disposti u jkollhom il-kuraġġ li jġorru l-għada fi ħdanhom u li jemmnu fil-qawwa tal-imħabba ta’ Alla li tittrasforma.  Lilkom żgħażagħ nistaqsikom: tridu tkunu influencer fuq l-istil ta’ Marija?  (“Iva”).  Hi kellha l-kuraġġ li tgħid: “ħalli jsir minni”.  L-imħabba biss tagħmilna aktar umani mhux it-tilwim, mhux l-istudju biss: hija biss l-imħabba li tagħmilna aktar umani, ittina milja akbar, il-bqija huwa tajjeb imma mediċina ta’ serħan ir-ras vojt.

Minn hawn u ftit ieħor niltaqgħu ma’ Ġesù fl-Ewkaristija.  Żgur li għandkom ħafna x’tgħidulu, ħafna x’tirrakkuntawlu dwar ħafna sitwazzjonijiet ta’ ħajjitkom, tal-familji tagħkom u ta’ pajjiżkom.  Meta tkunu quddiem Ġesù, wiċċ imb’wiċċ, għamlu l-qalb, tibżgħux tiftħulu qlubkom sabiex ikebbes aktar fikom in-nar ta’ mħabbtu, sabiex isuqkom biex tħaddnu l-ħajja bil-fraġilità kollha tagħha, biċ-ċokon kollu tagħha, imma wkoll bil-kobor u s-sbuħija kollha tagħha.  Jalla Ġesù jgħinkom tiskopru s-sbuħija tal-fatt li intom qiegdin tgħejxu u fuq ruħkom.  Ħajjin u fuq ruħkom!

Tibżgħux tgħidu lil Ġesù li itom ukoll tixtiequ tipparteċipaw fl-istorja ta’ mħabba tiegħu fid-dinja, li intom magħmulin għal xi ħaġa akbar!

Ħbieb, nitlobkom ukoll biex filwaqt li tkunu wiċċ imb’wiċċ ma’ Ġesù, tkunu bravi u titolbu għalija sabiex jien ukoll ma nibżax inħaddan il-ħajja, sabiex ikolli ħila nħares l-għeruq u bħal Marija ngħid: “Ħalli jsir minni skont kelmtek!”

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber