VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QT FRANĠISKU
FIL-PANAMA FL-OKKAŻJONI TAL-
XXXIV JUM DINJI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ
(23-28 TA' JANNAR, 2019)

LAQGĦA MAL-AWTORITAJIET, MAL-KORP DIPLOMATIKU
U R-RAPPREŻENTANTI TAS-SOĊJETÀ

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU

Palazz Bolivar – Ministeru tal-Affarijiet Barranin (Panama)
il-Ħamis, 24 ta’ Jannar, 2019

 

Sur President,
Si
njura Viċipresident,
Awtoritajiet distinti,
Si
njuri!

Sur President, irroddlok ħajr għal-kliem ta’ merħba u għall-istedina ġentili tiegħek biex inżur dan in-nazzjon.  Fil-persuna tiegħek nixtieq insellem u rrodd ħajr lill-poplu kollu tal-Panama, li minn Darién sa  Chiriquí u Bocas del Toro, għamel sforz li ma jitqiesx biex jilqa’ tant żgħażagħ ġejjin minn madwar id-dinja kollha.  Grazzi li ftaħtulna l-bieb ta’ darkom.

Qed nibda l-pellegrinaġġ tiegħi f’dan l-imkien storiku fejn  Simón Bolívar – kif għadu kemm fakkar is-Sur President – kien afferma li “jekk id-dinja kellha tagħżel il-kapitali tagħha, l-istmu tal-Panama kellu jkun il-post magħżul għal dan id-destin nobbli”, u kien laqqa’ lill-mexxejja ta’ żmienu biex isawwar il-ħolma tal-unifikazzjoni tal-Patrija l-Kbira.  Laqgħa li tgħinna nifhmu li l-popli tagħna għandhom il-ħila joħolqu, jsawwru u, fuq kollox, joħolmu patrija kbira li taf kif u trid  tilqa’, tirrispetta u tħaddan l-għana multikulturali ta’ kull poplu u kultura.  Imnebbħin minn din l-ispirazzjoni nistgħu nqisu lill-Panama bħal art li tlaqqa’ u art ta’ ħolm.

1. Il-Panama hi art li tlaqqa’

Hekk kien wera li kien il-Kungress Anfizjoniku u hekk qed jidher illum ukoll bil-miġja ta’ eluf ta’ żgħażagħ li jġibu magħhom ix-xewqa li jiltaqgħu flimkien u jiċċelebraw.

Minħabba l-qagħda privileġġjata tiegħu, pajjiżkom jirrappreżenta mkien strateġiku mhux biss għar-reġjun, iżda għad-dinja kollha.  Il-Panama, pont bejn l-oċejani u art naturali tal-laqgħat, hu l-aktar pajjiż (ġjografikament) dejjaq tal-kontinent Amerikan, huwa simbolu ta’ sostenibbiltà li tinbet mill-ħila li joħloq rabtiet u allejanzi.  Din il-ħila hi l-identità tal-qalb tal-poplu tal-Panama.

Kull wieħed u waħda minnkom għandkom post speċjali fil-bini tan-nazzjon u hu/hi msejħin sabiex taraw li din l-art tkun tista’ taqdi l-vokazzjoni tagħha li tkun art li tlaqqa’ u ta’ laqgħa;  dan jimplika determinazzjoni, impenn u ħidma ta’ kuljum sabiex l-abitanti kollha ta’ dan it-territorju jkollhom l-opportunità li jħossuhom atturi tad-destin tagħhom, ta’ dak tal-familji tagħhom u tan-nazzjon kollu kemm hu.  Huwa impossibbli li noħolmu futur għas-soċjetà mingħajr il-parteċipazzjoni attiva – u mhux biss tal-isem – ta’ kull wieħed u waħda mill-membri tagħha, b’mod illi d-dinjità tingħata għarfien u tkun garantita bl-aċċess għal tagħlim ta’ kwalità u t-tkattir ta’ xogħol xieraq.  Dawn iż-żewġ realtajiet huma għajnuna biex jingħata għarfien u jkunu valoriżżati l-ġenjalità u d-dinamiżmu kreattiv ta’ dal-poplu, u, fl-istess ħin, huma l-aħjar antidotu kontra kull tip ta’ protezzjoniżmu li jippretendi li jxekkel il-libertà u jgħakkes jew jittraskura d-dinjità taċ-ċittadini, speċjalment tal-aktar foqra.

L-intelliġenza” karatteristika ta’ dawn l-artijiet hi mmarkata mill-għana tal-popli nattivi tagħhom: Bribri, Buglé, Emberá, Kuna, Nasoteribe, Ngäbe e Waunana, li tant għandhom x’ jgħidu u jfakkru ibda mill-kultura tagħhom u l-viżjoni tad-dinja: insellmilhom u nistqarrilhom l-apprezzament tiegħi.  U l-fatt li dal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ beda ġimgħa ilu bil-Jum taż-żgħażagħ tal-popli indiġeni u l-Jum taż-żgħażagħ ta’ nisel Affrikan, m’għandu qatt jieqaf ikun sinjal ta’ tama.  Minn ahwn insellmilkom u rrodilkom ħajr talli għamiltu l-ewwel pass ta’ dal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ.  Li tkun art li tlaqqa’ jimplika li tiċċelebra, tagħraf u tisma’ l-ħtiġijiet partikolari ta’ dawn il-popli u tal-bnedmin kollha li jiffurmaw il-wiċċ tal-Panama u tkun taf tinseġ futur miftuh għat-tama, għax ikollok ħila tiddefendi l-ġid komuni lil hinn mill-interessi tal-ftit jew għas-servizz tal-ftit, biss, meta jkun hemm ir-rieda qawwija li tqassam ġidek bil-ġustizzja.

Il-ġenerazzjonijiet il-ġodda, bil-ferh u l-entużjażmu tagħhom, bil-libertà tagħhom, bis-sensibbiltà u t-talent kritiku tagħhom, bi dritt jistennew mill-adulti, imma speċjalment minn dawk kollha li għandhom rwol ta’ tmexxija fil-ħajja pubblika, li jġibu ruħhom bi qbil mad-dinjità u l-awtorità li assumew u li ġiet afdata lilhom.  Hi stedina biex jgħixu bil-qies u bit-trasparenza u b’responsabbiltà konkreta lejn l-oħrajn u lejn id-dinja; stedina biex il-ħajja mgħejxa turi li s-servizz pubbliku hu sinonimu tal-onestà u l-ġustizzja, u huwa l-maqlub ta’ kull għamla ta’ korruzzjoni.  Huma (il-ġenerazzjjoniet żgħażagħ) jesiġu impenn li bih – ibda minna li ngħidu li aħna nsara – ikollna l-kuraġġ li nibnu “politika awtentikament umana” (Kost. App. Gaudium et Spes, 73), li tqiegħed il-persuna fiċ-ċentru u l-qalba ta’ kollox; u dan jimbuttana biex noħolqu kultura ta’ trasparenza akbar bejn il-gvernijiet, is-settur privat u l-popolazzjoni kollha, kif tgħid dik it-talba sabiha li għandkom għall-patrija tagħkom: “Tina l-ħobżna ta’ kuljum biex inkunu nistgħu niekluh fi djarna u bis-saħħa (fiżika) denja ta’ bnedmin umani”.

2. Lil hinn minn art li tlaqqa’, il-Panama hi art tal-ħolm

Tul dal-jiem, il-Panama mhux se tkun mfakkra biss bħala ċentru reġjonali jew punt strateġiku għall-kummerċ u post li minnu jaqsmu ħafna nies; se tinbidel “f’fulkru” ta’ tama.  Imkien ta’ laqgħa fejn żgħażagħ  ġejjin mill-ħames kontinenti, mimlijin ħolm u tama, se jiċċelebraw, se jiltaqgħu, se jitolbu u jkebbsu mill-ġdid ix-xewqa u l-impenn li joħolqu dinja aktar umana.  B’dal-mod huma jisfidaw il-vista qasira ta’ opinjonijiet li ma jarawx aktar bogħod minn imniħerhom illi, msaħħrin mir-rassenjazzjoni, mill-kilba jew għax priġunieri tal-mudell teknokratiku, jemmnu li t-triq waħdanija possibbli hi dik “tal-logħoba tal-kompetizzjoni”, tal-ispekulazzjoni u “tal-liġi tal-aktar b’saħħtu, fejn is-setgħani jiekol lid-dgħajjef” (Eżort. App. Il-Ferh tal-Vanġelu, 53), u b’hekk ineħħu mill-futur kull perspettiva ġdida għall-umanità.  Hi u toffri ospitalità għall-ħolm ta’ dawn iż-żgħażagħ, il-Panama llum issir art tal-ħolm li tisfida tant ċertezzi ta’ żmienna u toħloq ixqfa vitali, li jagħtu konsistenza ġdida lill-mixja b’viżjoni ġdida, li tirrispetta u hi mimlija kumpassjoni lejn l-oħrajn.  Matul dal-jiem aħna se nkunu xhieda tal-ftuħ ta’ toroq ġodda ta’ komunikazzjoni u fehim, solidarjetà, kreattività u għajnuna reċiproka; kanali ta’ ħbiberija li jagħtu mbuttatura sewwa lill-impenn u jkissru l-anonimat u l-iżolament b’ħarsa lejn mod ġdid li bih nibnu l-istorja.

Hemm mod ieħor possibbli, nafu li ż-żgħagħżagħ jistednuna nagħtu sehemna fil-bini tal-istorja sabiex il-ħolm ma jibqax xi ħaġa ta’ bla sugu jew fl-arja, sabiex nagħtu mbuttatura biex jinħoloq patt soċjali li bih kulħadd ikollu l-opportunita li joħlom dwar għada: għax id-dritt għall-futur u dritt uman.

F’dan ix-xefaq donnu jieħu l-ħajja kliem Ricardo Mirò, li hu u jgħanni lill-patrija tant maħbuba, kien kiteb: “Għaliex jien u nħares lejk, o Patrija, / jista’ jingħad li sawwritek ir-rieda divina / sabiex taħt ix-xemx li ddawlek / miegħek tingħaqad l-umanità kollha” (Patria de mis amores -Patrija ta’ mħabbti).

Inġedded ir-radd ta’ ħajr tiegħi għal dak kollu li għamiltu – fuq kollox lilek, Sur President – sabiex din il-laqgħa setgħet isseħħ u nesprimi mill-ġdid lilek, Sur President, lil kull min hawn preżenti u lil dawk kollha li qed isegwuna bil-meżżi tal-komunikazzjoni, l-isbaħ xewqat tiegħi għal tama mġedda u ferh fis-servizz tal-ġid komuni.

Santa Maria La Antigua bierek u ħares lill-Panama!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber