Żjara Pastorali ta’ Papa Franġisku

lid-djoċesijiet ta’ Pjazza Armerina u ta’ Palermo

fl-okkażjoni tal-25 anniversarju mill-mewt

tal-Beatu Pino Puglisi.

 

Laqgħa maż-Żgħażagħ

Diskors ta’ Papa Franġisku

Pjazza Politeama (Palermo)
Is-Sibt, 15 ta’ Settembru 2018

 

Għeżież ħbieb, il-lejla t-tajba!

Kuntent li fl-aħħar ta’ dan il-jum qed niltaqa’ magħkom! Kienet ġurnata ta’ għeja, imma ġurnata mill-isbaħ, sabiħa tassew!  Grazzi lill-Palermitani! Grazzi għat-tliet mistoqsijiet li għamiltuli!  Kont ġa naf x’inhuma u ktibt it-tweġibiet, iżda rrid nisħaq magħkom li jekk li tiġini xi idea oħra waqt li qed inweġibkom, ngħidha.

L-ewwel mistoqsija, dik tiegħek, kienet dwar kif tisma’ leħen il-Mulej u kif tagħmel biex fik timmatura tweġiba. Nistaqsi: kif nisimgħuh lill-Mulej? Fejn ikellimna? Għandkom in-numru tat-telefon biex iċċemplulu? .... Kif nisimgħuh lill-Mulej? Ser ngħidilkom xi ħaġa, li serja: Il-Mulej ma nisimgħuhx billi noqogħdu bilqiegħa fuq pultruna, tafux? Kif tista’ toqgħod bilqiegħda komdu bla ma tagħmel xejn u mbagħad trid tisma’ lill-Mulej. Niżgurak li tisma’ kollox barra l-Mulej. B’ħajja komda, bilqiegħa fuq pultruna, ma tistax tisma’ lill-Mulej. Ser ngħid xi ħaġa li hi importanti ħafna għall-ħajja tagħkom iż-żgħażagħ u nitlobkom tisimgħuha: jekk tibqgħu bilqiegħda ma tagħmlu xejn, ma jkollkomx kuntatt mal-Kelma dinamika t’Alla. Il-Kelma t’Alla mhijiex statika, u jekk int tkun statiku, ma tkunx tista’ tismagħha. Aħna niskopru lil Alla waqt il-mixja tagħna. Jekk m’intix f’mixja biex tagħmel xi ħaġa, biex taħdem għall-oħrajn, biex tagħti xhieda, biex tagħmel il-ġid, lill-Mulej ma tisimgħu qatt. Biex tisma’ lill-Mulej  jeħtieġ li tkun miexi, mhux toqgħod tistenna li tiġri xi ħaġa maġika f’ħajtek. Dan jidher fl-istorja ta’ mħabba tal-Bibbja, li ssaħħrek. F’din l-istorja naraw li l-Mulej il-ħin kollu jsejjaħ nies żgħażagħ. Dejjem hekk għamel. Alla jħobb jitkellem maż-żgħażagħ waqt li jkunu mexjin: aħsbu, per eżempju, fuq iż-żewġ  dixxipli ta’ Għemmaws.  Jew ikellimhom waqt li jkunu qed jagħmlu xi ħaġa: per eżempju David kien qed jieħu ħsieb il-merħla waqt li ħutu kienu trankwilli d-dar,  jew waqt xi gwerra. Alla jobgħod l-għażż u jħobb l-azzjoni. Żommuha f’qalbkom u f’moħħkom din: Alla jobgħod l-għażż u jħobb l-azzjoni. L-għażżenin ma jistgħux jirtu leħen il-Mulej; fhimtu?  Dan ma jfissirx li rridu nagħmlu l-eżerċizzju biex ikollna figura tajba, jew li mmorru niġru kuljum biex nagħmlu t-training. Le, mhux dan ifisser. Ifisser li rridu nċaqalqu qlubna, biex qalbna  tagħmel il-mixja tagħha. Aħsbu ftit fuq iż-żagħżugħ Samwel. Kien ikun lejl u nhar fit-tempju, iżda kien f’moviment kontinwu: ma kienx imkaxkar mill-affarijiet tiegħu, imma kien qed ifittex. Jekk trid tisma’ leħen il-Mulej, imxi u fittex. Il-Mulej ikellem lil min ikun qed ifittex. Min ifittex, jimxi. Dejjem hi ħaġa tajba li wieħed ifittex. Tkun ħaġa traġika, speċjalment għalikom iż-żgħażagħ, meta taħseb li tkun wasalt. Qed tifhmu? Qatt, qatt m’għandkom tħossu li wasaltu! Nerġa’ nsemmi l-eżempju tal-pultuna; inħobb ngħid li hi tassew ħaġa kerha  tara żagħżugħ ġa bil-pensjoni; tassew ħaġa kerha! Żagħżugħ irid ikun f’mixja u mhux bil-pensjoni. Iż-żgħożija tqanqlek biex timxi, imma jekk toħroġ bil-pensjoni fl-età ta’ 22 sena, allura tkun xjaħt kmieni wisq!  

 

Ġesù jagħtina parir biex inkunu nistgħu nisimgħu leħen il-Mulej; jgħidilna: “Fittxu u ssibu” (Lq 11,9). Imma fejn infittxu? Mhux fuq il-mobile għax kif ġa għidtilkom minn hemm ma jaslux is-sejħiet tal-Mulej. Lanqas fuq it-TV, il-Mulej m’għandu ebda channel hemmhekk.  Lanqas fil-mużika li tgħarrax jew f’xi trip li jħawdek, għax f’dawn il-linja ta’ kuntatt mas-sema hi maqtugħa. U lanqas ma tista’ tmur tfittex il-Mulej quddiem il-mera: din hi xi ħaġa  perikoluża. Isimgħu sew: ma tistax tmur tfittex il-Mulej quddiem il-mera meta tkun waħdek u tkun qed tirriskja li tibqa’ deluż bik innifsek. Il-qrusa li ġarrbu quddiem il-mera xi drabi ġġib magħha ħafna dwejjaq: “Jien min jien? X’qed nagħmel? Ma nafx x’naqbad nagħmel....” u  tasal biex tħossok tassew imdejjaq. Le. Hemm bżonn li tkunu dejjem mexjin. Lanqas m’għandkom tfittxu li tisimgħu leħen il-Mulej meta tkunu magħluqa fikom infuskom f’kamritkom u taħsbu fuq dak li għadda jew fuq dak li għad irid jiġi u ma tafuhx. Le, Alla jitkellem issa fir-relazzjoni; fil-mixja u fir-relazzjoni mal-oħrajn. Tingħalqux fikom infuskom, afdaw fiH, afdaw kollox f’idejH, fittxuH fit-talb, fittxuH fid-djalogu mal-oħrajn, dejjem fittxuH waqt li tkunu qed tagħmlu l-mixja tagħkom. Kunu afu li Ġesù jemmen fikom ħafna aktar milli intom temmnu fikom infuskom.  Dan hu importanti ħafna: Ġesù jemmen fikom ħafna aktar milli intom temmnu fikom infuskom; Ġesù jħobbkom ħafna aktar milli intom tħobbu lilkom infuskom. Fittxuh billi toħorġu minnkom infuskom, billi tagħmlu l-mixja tagħkom: Hu qiegħed jistennikom. Ingħaqdu fi gruppi, agħmlu ħbieb, imxu flimkien, agħmlu l-laqgħat,  siru Knisja  filwaqt li tagħmlu l-mixja tagħkom. L-Evanġelju huwa skola ta’ ħajja; l-Evanġelju jwassalna biex nimxu. Naħseb li dan hu l-mod kif inħejju ruħna biex nisimgħu lill-Mulej.     

Imbagħad tisimgħu l-Mulej jistedinkom biex tagħmlu ħaġa jew oħra...... Fl-Evanġelju naraw li lil xi ħadd qallu: “Ejja warajja”,  u lil xi ħaddieħor qallu: “Mur agħmel dan....”. Il-Mulej iwasslek biex tisma’ dak li Hu jrid minnek, iżda bil-patt li int ma toqgħodx bilqiegħda ma tagħmel xejn, imma li timxi,  tfittex lill-oħrajn, tfittex li tiddjaloga u tibni komunità,  u fuq kollox li titlob. Itlob bi kliemek, bi kliem li joħroġ minn qalbek. Din hi l-isbaħ talba. Ġesù dejjem isejħilna biex inwessgħu ħarsitna: ma nikkuntentawx ruħna billi nħarsu lejn ix-xefaq minn fuq ix-xatt;  le,  jeħtieġ nimxu ‘l quddiem. Ġesù ma jridx li int tibqa’ tħares minn bilqiegħda fuq il-bank, imma jridek tinżel fil-ground. Ma jridekx tibqa’ wara l-kwinti  tispija l-oħrajn x’qed jagħmlu jew  fuq it-tribuna  tikkummenta, imma jridek tidħol fix-xena. Intefa’  agħmel dan! Qed tibża’ minn xi fjask?  Tfalli, paċenzja. Ilkoll min jaf kemm-il darba fallejna. Fil-ħajja, mhijiex traġedja li tfalli. Traġedja meta tibża’ tagħmel il-pass: dik hi traġedja: meta ma tkunx lest  tagħti ħajtek! Aħjar taffronta l-ħolm sabiħ u jkollok xi żelqa milli tkun pensjonant qabel il-waqt għax ma tridx titħabat -  b’żaqq kbira, bilqiegħda komdu.  Aħjar idealista tajjeb milli realista għażżien: aħjar Don Quixote minn Sancho Panza!

Hemm ukoll xi ħaġa oħra li tista’ tgħinkom; għidtħa xi darb’oħra, imma nixtieq nerġa’ ngħidha: oħolmu bil-kbir! Oħolmu kbir! Għax fil-ħolm kbir issibu ħafna kliem tal-Mulej li jgħidilkom xi ħaġa.

Imxu, fittxu, oħolmu.... U hemm kelma oħra li tgħinkom tisimgħu leħen il-Mulej: aqdu, agħmlu xi ħaġa għall-oħrajn. Oħroġ għall-oħrajn, u toqgħodx taħseb fik innifsek bħal dawk li isimhom huwa: “jien, miegħi, għalija”, bħal dawk  li jgħixu biss għalihom infushom u jispiċċaw bħal ħall, b’togħma qarsa....   

It-tieni mistoqsija.  Ħa nara ktibtx xi ħaġa.... Il-gżira tagħkom hi tassew ċentru fejn iltaqgħu ħafna kulturi.... Lil Sqallija ma nafhiex; tista’ tgħid li din hi l-ewwel darba: mort darba Lampedusa u issa ġejt hawn. Anki l-lingwa u d-djaletti tagħkom għandhom l-għeruq tagħhom f’diversi ilsna, għax minn hawnhekk għaddew kulturi li ħallew il-marka tagħhom. Intom poplu, frott  ta’ kulturi u popli oħra. Ħadt gost nisma’ mingħandkom, mingħandek,  li Sqallija – li hi fiċ-ċentru tal-Mediterran - dejjem kienet art li laqgħet nies ta’ kulturi differenti. Dan mhuwiex biss tradizzjoni kulturali sabiħa, imma wkoll messaġġ ta’ fidi. Żgur li l-vokazzjoni tagħkom hi li tkunu nisa u rġiel ta’ encounter: li tiltaqgħu ma’ oħrajn u twasslu lilhom ukoll biex jiltaqgħu ma’ oħrajn. Tiffavorixxu l-imġiba ta’ laqgħa  għax id-dinja tal-lum hi dinja ta’ tilwim, ta’ gwerer, ta’ glied..... In-nies ma tifhimx.... Il-fidi tinbena fuq il-laqgħa, il-laqgħa ma’ Alla. Alla ma ħalliniex waħidna; Hu niżel  jiltaqa’ magħna, Hu jiġi jiltaqa’ magħna, u Hu jagħmel l-ewwel pass biex jiltaqa’ magħna. Il-fidi hi mibnija fuq il-laqgħa.  U meta niġu għal-laqgħa ta’ bejnietna, x’importanza nagħtu lid-dinjità tal-oħrajn? Alla jridna nsalvaw flimkien, iridna nkunu kuntenti flimkien, u mhux  egoisti, naħsbu biss fina nfusna. Iridna nsalvaw bħala poplu.  Il-kelma “poplu”: intom poplu b’identità kbira u jeħtieġ li tkunu miftuħa għall-popli kollha - kif ġa għamiltu fi żmenijiet oħra - b’ħidma ta’ integrazzjoni, ta’ akkoljenza, ta’ rispett lejn id-dinjità tal-oħrajn, ta’ solidarjetà..... Dawn mhumiex proponimenti tajba ta’ nies edukati, imma huma mġiba li minnha jingħarfu l-insara. Illum qed inbatu minn nuqqas kbir ta’ mħabba: mhux l-imħabba sentimentali tas-soap operas u tat-teleserials, imma l-imħabba konkreta, l-imħabba tal-Evanġelju. Lilek  u lil dawk kollha li għamlu l-mistoqsija, nistaqsik: kif inhi sejra mħabbtek? Kif inhu t-termometru ta’ mħabbtek?        

Aħna tassew bravi biex nagħmlu d-distinzjonijiet, li huma  ġusti u jiswew wkoll, imma xi drabi ninsew is-sempliċità tal-fidi. Il-fidi x’ tgħidilna? “Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ” (2 Kor 9,7) Imħabba u ferħ: din hi l-akkoljenza. Fil-ħajja ma nistgħux niddistingwu biss – kif  spiss nagħmlu biex niġġustifikaw ruħna -, iżda hemm bżonn nikkonvolġu ruħna.  Ser intenni  dan bid-djalett uman: hemm bżonn inħammġu idejna! Fhimtu? Jekk ma tkunux kapaċi tħammġu idejkom, qatt ma tistgħu tkunu akkoljenti, qatt ma taslu biex taħsbu fl-ieħor u fil-bżonnijiet tiegħu. Għeżież, “il-ħajja mhux nispjegawha, imma ngħixuha!” L-ispjegazzjonijiet inħalluhom għal wara; il-ħajja rridu ngħixuha. Dan mhux kliemi, imma kliem li qalu  awtur magħruf sew hawnhekk. Jiswa ħafna għall-ħajja nisranija: il-ħajja nisranija rridu ngħixuha. L-ewwel mistoqsija li rridu nagħmlu lilna nfusna hi: qed inpoġġi l-kapaċitajiet tiegħi, it-talenti u dak kollu li naf għad-dispożizzjoni tal-oħrajn? Għandi ħin għall-oħrajn? Lest li nilqa’ lill-oħrajn? Matul il-ġurnata qed infittex li ngħix l-imħabba konkreta? 

Illum kollox jidher li jġibna flimkien, iżda fir-realtà nħossuna iżolati, ‘l bogħod minn xulxin. Aħsbu ftit kemm solitudni tħossu f’qalbkom: kemm-il darba  ssibu ruħkom waħidkom  bid-dwejjaq, ma’ dik is-solitudni? Dan hu t-termometru li jindikalek kemm hi baxxa t-temperatura tal-akkoljenza, ta’ kemm tħammeġ idejk, ta’ kemm taqdi. Id-dwejjaq juru nuqqas ta’ impenn, u bla impenn qatt ma tistgħu tkunu bennejja tal-ġejjieni!  Intom jeħtieġ li tkunu bennejja tal-ġejjieni; il-ġejjieni hu f’idejkom! Aħsbu sew dwar dan: il-ġejjieni hu f’idejkom. Ma tistgħux taqbdu l-mobile u ssejħu lil xi ditta biex tibni l-ġejjieni: il-ġejjieni tagħmlu int b’idejk, b’qalbek, b’imħabbtek, bl-affarijiet li jappassjonawk, bil-ħolm tiegħek. Flimkien ma’ oħrajn. Imma trid tkun akkoljenti u ta’ servizz għall-oħrajn.

Għandna bżonn ta’ rġiel u nisa veri, u mhux ta’ nies li jilagħbuha ta’ rġiel u nisa. Rġiel u nisa  li joħduha kontra d-diżonestà u l-isfruttament. Tibżgħux titkellmu, tgħajtu!  Neħtieġu rġiel u nisa li jgħixu relazzjonijiet ħielsa u li jeħilsu lill-oħrajn, li jħobbu lil dawk l-aktar dgħajfa u jaħdmu bis-sħiħ għal-legalità, xi ħaġa li turi l-onestà interjuri. Għandna bżonn ta’ rġiel u nisa li jagħmlu dak li jgħidu – agħmel dak li tgħid – u li jgħidu le għall-gattopardiżmu  li jikkorrompi. Nagħmlu dak kollu li nistgħu  biex l-affarijiet jimxu ‘l quddiem u mhux nagħtu biss passata żebgħa u suq għax sebaħ. Il-ħajja ma ssirx b’passata żebgħa; il-ħajja titlob impenn; wieħed irid jissielet,  irid jakkuża,  irid jiddiskuti, irid jirriskja ħajtu għal ideal, irid joħlom.... Dan hu li tridu tagħmlu. Tkunu akkoljenti jfisser tkunu intom infuskom, taqdu lill-oħrajn,  tħammġu idejkom u tagħmlu dak kollu li għidtilkom. Taqblu? Taqblu tassew?

U  issa l-aħħar mistoqsija; ktibt xi ħaġa waqt li kont qed titkellem..... Kif nistgħu ngħixu l-ħajja tagħna ta’ żgħażagħ hawnhekk, f’artna? Nieħu gost ngħid li intom imsejħin biex tkunu sebħ ta’ tama. It-tama f’Palermo, fi Sqallija, fl-Italja, fil-Knisja tibda minnkom. F’qalbkom u f’idejkom intom għandkom il-possibbiltà li twelldu u ssaħħu t-tama. Biex tkunu s-sebħ tat-tama tridu tqumu kull filgħodu b’qalb żagħżugħa, mimlija tama, filwaqt li tissiltu magħkom infuskom biex ma tħossukomx xjuħ, biex ma ċċedux għal-loġika li tgħid li m’hemm xejn x’jista’ jsir.  Li tgħid kollox ħażin, xejn ma jinbidel, kollox mitluf... hi loġika perversa. Din hi loġika perversa; dan hu pessimiżmu, li jwassalek biex taħseb li m’hemmx fidwa għal din l-art, li kollox spiċċa. Le!  Ngħidu le għall-fataliżmu, għall-pessimiżmu; u iva għat-tama,  għat-tama nisranija.  Intom kapaċi tnisslu t-tama, kapaċi tkabbruha. Jekk jogħġobkom, igħidu le għar-rassenjazzjoni! Isimgħuni sew: iż-żagħżugħ ma jistax ikun rassenjat. Le għar-rassenjazzjoni! Kollox jista’ jinbidel. “Imma Father, lil min għandi nsejjaħ biex kollox jinbidel?” Lil qalbek, lill-ħolm tiegħek, lill-kapaċità tiegħek ta’ raġel, ta’ mara li tista’ tagħti l-frott.  Tridu tiġġeneraw.  Kif għada għad tista’ tiġġenera iben jew bint, tista’ wkoll tiġġenera ċiviltà ġdida, ċiviltà akkoljenti, ċiviltà fraterna, ċiviltà ta’ mħabba. Kollox jista’ jinbidel!       

Kunu wlied ħielsa. Waqt li kont qed titkellem bdejt ngħid li veru qed ngħixu żmien ta’ kriżi u dan nafuh ilkoll. Kriżijiet differenti, imma d-dinja tinsab fi kriżi; bosta gwerer żgħar, imma fid-dinja hawn il-gwerra; ħafna problemi finanzjarji, imma ż-żgħażagħ huma bla xogħol... Ninsabu f’dinja ta’ kriżi; dinja li fiha nistgħu naraw anki d-diżorjentament li jwassal għall-kriżi. Il-kelma kriżi tfisser li jżeffnuk f’baħar ta’ inċertezza; il-kelma kriżi tfisser li int ma tistax tieqaf u ma tagħmel xejn għax kollox jaqa’, kollox jintilef. Liema huma l-valuri tagħkom?

Kellimtkom dwar it-tama, dwar il-ġejjieni: intom it-tama. Tkellimt dwar il-preżent: illum intom għandkom it-tama f’idejkom. Imma nistaqsikom: f’dan iż-żmien ta’ kriżi, għandkom għeruq? Kull wieħed minnkom iwieġeb f’qalbu: “Għandi għeruq?  Jew tlifthom? Jien żagħżugħ bla għeruq? L-għeruq tiegħi tqaċċtu għal kollox?”.  Kellimtkom fuq żgħażagħ komdi bilqiegħda fuq pultruna, fuq żgħażagħ bil-pensjoni, fuq żgħażagħ li ma jagħmlux il-mixja tagħhom. Issa qed nistaqsik: int żagħżugħ li għandu l-għeruq jew wieħed bl-għeruq imqaċċta?  Semmejna artkom li għandha ħafna kultura: int għandek l-għeruq tiegħek fil-kultura ta’ ġensek? Int għandek għeruqek imħawlin fil-valuri tal-poplu tiegħek, fil-valuri tal-familja tiegħek? Jew inkella tinsab fl-ajru, bla għeruq?  Skużawni li ser nuża din l-espressjoni: jew inkella bħal “gass”, bla ebda bażi, bla għeruq?  “Imma Father fejn nista’ nsib l-għeruq?” Fil-kultura tagħkom issibu ħafna għeruq! Fid-djalogu mal-oħrajn.... Imma fuq kollox  -  u din hi xi ħaġa li rrid nisħaq fuqha – tkellmu mal-anzjani. “Father, imma dawk dejjem jgħidu l-istess ħaġa!” Isimgħuhom! Argumentaw magħhom, għax jekk toħduha mal-anzjani, huma jkellmukom b’mod aktar profond  u jgħidulkom ħafna affarijiet.  Huma jagħtukom l-għeruq, imbagħad f’idejkom. Dawn l-għeruq inisslu tama li twarrad fil-ġejjieni. Twarrad b’mod differenti, imma jkollha l-għeruq. Bla għeruq kollox jintilef: bla għeruq ma tistax tnissel  tama. Wieħed poeta qal: “Dak li jwarrad fuq is-siġra jiġi minn dak li hemm taħt l-art”,  jiġi mill-għeruq. Fittxu l-għeruq.

Lil dawk li jaħsbu  li l-anzjani jdejquk għax  dejjem jgħidu l-istess affarijiet, nagħtihom dan il-parir: morru għandhom, ġegħluhom jitkellmu, argumentaw  magħhom; u huma jibdew jgħidulkom affarijiet interessanti, li jsaħħukom, li jagħtukom il-forza biex timxu ‘l quddiem. “Imma jien irrid nagħmel l-istess affarijiet li għamlu huma?”  Le!  Imma minn għandhom ħudu l-forza, l-appartenenza. Żagħżugħ li ma jagħmilx parti minn soċjetà, minn familja, minn kultura, hu żagħżugħ bla identità, bla wiċċ. Fi żmien ta’ kriżi jeħtieġ noħolmu, jeħtieġ li npoġġu ruħna f’mixja, li naqdu lill-oħrajn, li nkunu akkoljenti, li nkunu żgħażagħ li niltaqgħu, li nittamaw, li jkollna l-ġejjieni f’idejna. Hemm bżonn inkunu żgħażagħ kapaċi jnisslu  t-tama fil-ġejjieni li twarrad mill-għeruq tagħhom. Nitlobkom: tkunux  żgħażagħ bl-għeruq imqaċċta,  “vojta”,  għax bla għeruq la jkollkom appartenenza u lanqas identità.    

Nieħu gost narakom hawn, fil-Knisja, żgħażagħ  li jwasslu t-tama bil-ferħ,  li jwasslu t-tama ta’ Ġesu’ li tegħleb id-dnub. Mhux qed ngħidilkom li intom qaddisin. Intom ilkoll midinbin, bħali, bħal kulħadd. Imma l-qawwa ta’ Ġesu li tegħleb id-dnub tgħinkom timxu ‘l quddiem. It-tama tegħleb il-mewt. Ejjew noħolmu u ngħixu l-kultura tat-tama, il-kultura tal-ferħ, il-kultura li tagħmilna parti minn poplu, minn familja, il-kultura li taf tieħu l-forza mill-għeruq biex twarrad u tagħti l-frott.  

Grazzi ħafna talli smajtuni, tal-paċenzja tagħkom... Intom filwieqfa u jien bilqiegħda.... skużawni imma dal-ħin l-għakisi ta’ saqajja jugħġawni wisq! Grazzi. U tinsewx: l-għeruq, il-preżent f’idejkom u aħdmu għat-tama fil-ġejjieni, biex ikollkom appartenenza u identità.  Grazzi!

Issa ser nagħtikom il-barka. Naf li fostkom hawn żgħażagħ kattoliċi, insara, dawk ta’ tradizzjonijiet reliġjużi oħra u anki xi wħud li huma anjostiċi. Nagħti l-barka lil kulħadd u nitlob lil Alla jbierek dik iż-żerriegħa ta’ ansjetà li hemm fi qlubkom.

Mulej, Mulej Alla, ħares lejn dawn iż-żgħażagħ. Inti taf lil kull wieħed u waħda minnhom, taf x’jaħsbu, taf li jixtiequ jimxu ‘l quddiem u li jixtiequ jagħmlu dinja aħjar. Mulej, agħmel li jfittxu l-ġid u l-hena, agħmel li jimpenjaw ruħhom filwaqt li jwettqu l-mixja tagħhom u jiltaqgħu ma’ oħrajn; agħmel li jkunu qalbiena fil-qadi tagħhom, li jkunu umli waqt li jfittxu l-għeruq tagħhom u jużawhom biex jagħmlu l-frott, biex ikollhom identità u appartenenza. Jalla l-Mulej jakkumpanja lil dawn iż-żgħażagħ kollha fil-mixja tagħhom u jberikhom ilkoll. Ammen.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Vivienne Attard.