ŻJARA PASTORALI TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

LID-DJOĊESI TA’ PIAZZA ARMERINA U TA’ PALERMO

FL-OKKAŻJONI TAL-25 ANNIVERSARJU MILL-MEWT

TAL-BEATU PINO PUGLISI

 

ĊELEBRAZZJONI TAL-QUDDIESA

FIT-TIFKIRA LITURĠIKA TAL-BEATU PINO PUGLISI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

 

Foro Italico (Palermo)

Is-Sibt 15 ta’ Settembru 2018

 

Illum Alla jkellimna fuq rebħa u fuq telfa. San Ġwann, fl-Ewwel Qari, jippreżenta l-fidi bħala “r-rebħa fuq id-dinja” (1 Ġw 5:4), waqt li fil-Vanġelu mill-ġdid insibu l-frażi ta’ Ġesù: “Min iħobb lil ħajtu, jitlifha” (Ġw 12:25).

 

Din hi t-telfa: jitlef min iħobb lil ħajtu. Għaliex? Żgur mhix għax b’xi mod għandna nobogħdu lil ħajjitna: il-ħajja għandna nħobbuha u nħarsuha, hi l-ewwel don ta’ Alla! Dak li jwassal għat-telfa hi l-imħabba lejn il-ħajja tagħna, jiġifieri meta nħobbu dak li hu tagħna. Min jgħix għalih innifsu, jitlef, hu egoista, hekk ngħidu aħna. Spiss jidher il-kuntrarju. Min jgħix għalih innifsu, min ikattar ġidu, min jagħmel suċċess, min jissodisfa b’mod sħiħ il-bżonnijiet tiegħu, jidher rebbieħ f’għajnejn id-dinja. Il-pubbliċità l-ħin kollu ttambrilna din l-idea – l-idea li nfittxu l-jien tagħna, tal-egoiżmu –, madankollu Ġesù ma jaqbilx u jaqlibha ta’ taħt fuq. Skontu, min jgħix għalih innifsu mhux ħaġa waħda jitlef, imma ħajtu kollha; waqt li min jingħata, isib is-sens tal-ħajja u joħroġ rebbieħ.

 

Mela rridu nagħżlu: bejn imħabba u egoiżmu. L-egoista jaħseb għal ħajtu u jorbot qalbu mal-affarijiet, mal-flus, mal-poter, mal-pjaċir. Allura x-xitan hawn isib il-bibien miftuħa. Ix-xitan “jidħol mill-bwiet”, jekk int qalbek marbuta mal-flus. Ix-xitan iġagħlek taħseb li kollox sejjer sew, imma fir-realtà l-qalb tiġi lluppjata bl-egoiżmu. L-egoiżmu hu loppju b’saħħtu ħafna. Din it-triq dejjem ħażin tispiċċa: fl-aħħar nispiċċaw waħidna, b’qalbna battala. Tmiem l-egoisti hu ta’ swied il-qalb: vojta minn ġewwa, waħidhom, imdawrin biss minn dawk li jridu jirtuhom. Bħall-ħabba tal-qamħ tal-Vanġelu: jekk tibqa’ magħluqa, tibqa’ waħidha taħt l-art. Imma jekk tinfetaħ u tmut, itella’ l-frott fil-wiċċ.

 

Imma forsi intom tistgħu tgħiduli: li tingħata, tgħix għal Alla u għall-oħrajn hi biċċa xogħol kbira u bla bżonn, għax id-dinja mhux hekk iddur: biex timxi ’l quddiem, mhux ħabbiet tal-qamħ trid, imma flus u poter. Imma din hi illużjoni kbira: il-flus u l-poter ma jeħilsux lill-bniedem, imma jagħmluh iktar ilsir. Araw ftit: Alla ma jħaddimx il-poter tiegħu biex isewwi l-ħażen tagħna u tad-dinja. It-triq tiegħu dejjem hi dik tal-imħabba umli: l-imħabba biss teħlisna minn ġewwa, tagħtina paċi u ferħ. Għalhekk il-poter veru, il-poter skont Alla, hu s-servizz. Dan jgħidu Ġesù. U l-iktar leħen b’saħħtu mhuwiex ta’ min jgħajjat l-iżjed. L-iktar leħen b’saħħtu hu t-talb. U l-ikbar suċċess mhuwiex il-fama tagħna, bħall-pagun, le. L-ikbar glorja, l-ikbar suċċess hu x-xhieda tagħna.

 

Għeżież ħuti, illum aħna msejħin nagħżlu fuq liema naħa aħna: jew ngħixu għalina nfusna – b’idejna magħluqa [jagħmel il-ġest] – jew nagħtu ħajjitna – b’idejna miftuħa [jagħmel il-ġest]. Il-ħażen jista’ jingħeleb biss jekk nagħtu ħajjitna. Prezz għoli, imma hekk biss [jintrebaħ il-ħażin]. Don Pino dan jgħallimna: ma kienx jgħix biex jidher hu, ma kienx jgħix bl-appelli kontra l-mafja, u lanqas kien jikkuntenta b’li ma jagħmel xejn ħażin, imma kien jiżra’ t-tajjeb, ħafna tajjeb. Dik tiegħu kienet tidher loġika telliefa, waqt li kienet tidher rebbieħa l-loġika tal-kartiera. Imma Don Pino kellu raġun: il-loġika tal-alla-flus dejjem hi telliefa. Ejja nħarsu ġewwa fina. Li jkollok iwasslek biex dejjem trid iżjed: ikolli ħaġa u dritt irrid oħra, u mbagħad oħra, u dejjem iżjed, bla ma nista’ nieqaf qatt. Iktar ma għandek, iktar trid: kemm hi dipendenza kerha! Hi dipendenza kerha. Issir bħal droga. Min jintefaħ bl-affarijiet, fl-aħħar jinfaqa’. Imma min iħobb, jerġa’ jsib lilu nnifsu u jiskopri kemm hi ħaġa sabiħa li tgħin, kemm hu sabiħ li taqdi; isib il-ferħ ta’ ġo fih u t-tbissima ta’ barra, kif ġralu Don Pino.

 

Ħamsa u għoxrin sena ilu bħal-lum, meta miet nhar għeluq sninu, hu inkuruna r-rebħa tiegħu bit-tbissima, b’dik it-tbissima li lill-qattiel tiegħu ma ħallitux jorqod billejl, u fil-fatt wasal biex qal: “Kien hemm bħal dawl f’dik it-tbissima”. Don Pino ma kellux armi, imma t-tbissima tiegħu kienet tgħaddi lill-oħrajn il-qawwa ta’ Alla: mhux dawl qawwi li jgħammex, imma dawl ħelu li jinfed ġewwa u jdawwal il-qalb. Hu d-dawl tal-imħabba, tad-don, tal-qadi. Kemm għandna bżonn ta’ saċerdoti tat-tbissima! Għandna bżonn ta’ Nsara tat-tbissima, mhux biex jieħdu l-affarijiet biċ-ċajt, imma biex jistagħnew biss bil-ferħ ta’ Alla, biex jemmnu fl-imħabba u jgħixu biex jaqdu. Għax huwa meta tagħti ħajtek li ssib il-ferħ, għax hemm iżjed ferħ f’li tagħti milli f’li tirċievi (ara Atti 20:35). Allura rrid nistaqsikom: Tridu tgħixu hekk intom ukoll? Tridu tagħtu ħajjitkom, bla ma toqogħdu tistennew lill-oħrajn imiddu l-ewwel pass? Tridu tagħmlu l-ġid bla ma tistennew lil min ipattilkom, bla ma tistennew li d-dinja ssir aħjar? Għeżież ħuti, tridu tirriskjaw f’din it-triq, tirriskjaw għall-Mulej?

 

Don Pino, iva, kien jaf li kien qed jirriskja, imma fuq kollox kien jaf li l-periklu veru fil-ħajja hu li ma tirriskjax, hu li tipprova tgħaddiha qalb il-kumditajiet, il-makakkeriji qarrieqa u l-evażjoni. Ħa jeħlisna Alla milli ngħixu ħajja nofs kedda, jew li nikkuntentaw ruħna b’nofs veritajiet. In-nofs veritajiet ma jaqtgħux l-għatx tal-qalb, ma jagħmlux ġid. Ħa jeħlisna Alla minn ħajja msejkna, li ddur madwar il-flus. Ħa jeħlisna milli naħsbu li kollox sejjer sew jekk jien sejjer sew, imbagħad l-ieħor jirranġa hu. Ħa jeħlisna milli naħsbu li aħna ġusti jekk ma nagħmlu xejn biex insewwu l-inġustizzja. Min ma jagħmel xejn biex jeħodha kontra l-inġustizzja mhuwiex raġel jew mara ġusta. Ħa jeħlisna milli naħsbu li aħna tajbin għax m’aħna nagħmlu xejn ħażin. “Hi ħaġa tajba – kien jgħid wieħed qaddis – li ma tagħmilx il-ħażin. Imma hi ħaġa kerha ma tagħmilx it-tajjeb” [San Alberto Hurtado]. Mulej, xennaqna biex nagħmlu t-tajjeb; biex infittxu l-verità u nobogħdu l-qerq; biex nagħżlu s-sagrifiċċju, flok l-għażż; l-imħabba, flok il-mibegħda; il-maħfra, flok il-vendetta.

 

Lill-oħrajn il-ħajja nagħtuhielhom, lill-oħrajn il-ħajja nagħtuhielhom, mhux neħduhielhom. Ma tistax temmen f’Alla u tobgħod lil ħuk, tieħu l-ħajja bil-mibegħda. Dan ifakkarhulna l-Ewwel Qari: “Jekk xi ħadd jgħid: ‘Jiena nħobb ’l Alla’, u jobgħod lil ħuh, dan ikun giddieb” (1 Ġw 4:20). Giddieb, għax igiddeb il-fidi li jgħid li għandu, il-fidi li jistqarr Alla-mħabba. Alla-mħabba jobgħod kull vjolenza u jħobb lill-bnedmin kollha. Għalhekk il-kelma mibegħda għandha titħassar mill-ħajja Nisranija; għalhekk ma tistax temmen f’Alla u tkisser lil ħuk. Ma tistax temmen f’Alla u tkun mafjuż. Min hu mafjuż ma jgħixx ta’ Nisrani, għax b’ħajtu jkun jidgħi kontra l-isem ta’ Alla-mħabba. Illum għandna bżonn ta’ rġiel u nisa ta’ mħabba, mhux ta’ rġiel u nisa ta’ ġieħ; li jaqdu, mhux li jfarrku lill-oħrajn. Jeħtieġ nimxu flimkien, mhux niġru wara l-poter. Jekk il-litanija mafjuża hi: “Int ma tafx jien min jien”, dik Nisranija hi: “Jien għandi bżonnok”. Jekk it-theddida mafjuża hi: “Tħallasha qares”, it-talba Nisranija hi: “Mulej, għinni nħobb”. Għalhekk lill-mafjużi ngħidilhom: ibdlu ħajjitkom, ħuti! Ieqfu aħbsu fikom infuskom u fi fluskom. Int taf, intom tafu, li “l-kefen ma għandux bwiet”. Magħkom m’intom ħa tieħdu xejn. Ikkonvertu lejn il-veru Alla ta’ Ġesù Kristu, għeżież ħuti! Lilkom il-mafjużi ngħidilkom: jekk ma tagħmlux hekk, l-istess ħajja tagħkom sa titilfuha u tkun l-agħar telfa li għad iġġarrbu.

 

Il-Vanġelu llum jagħlaq bl-istedina ta’ Ġesù: “Min irid jaqdini, jimxi warajja” (v. 26). Jimxi warajja, jiġifieri jibda miexi. Ma tistax timxi wara Ġesù bl-ideat, trid tmidd idejk. “Jekk kulħadd jagħmel xi ħaġa, nistgħu nagħmlu ħafna”, kien iħobb itenni Don Pino. Kemm minna qed iqiegħdu fil-prattika dawn il-kelmiet? Illum, quddiemu nistaqsu lilna nfusna: X’nista’ nagħmel jien? X’nista’ nagħmel għall-oħrajn, għall-Knisja, għas-soċjetà? Tistenniex lill-Knisja tagħmel xi ħaġa għalik, ibda int. Tistenniex lis-soċjetà tagħmel xi ħaġa, ibda int! Taħsibx fik innifsek, taħrabx mir-responsabbiltà tiegħek, agħżel l-imħabba! Ħoss il-ħajja ta’ niesek li hi fil-bżonn, isma’ lill-poplu tiegħek. Oqogħdu attenti li ma tittarrxux għas-smigħ tal-poplu tagħkom. Dan hu l-uniku populiżmu possibbli: meta tisma’ lill-poplu tiegħek, l-uniku “populiżmu Nisrani”: tisma’ u taqdi lill-poplu, bla ma tgħajjat, takkuża jew tqanqal għall-ġlied.

 

Hekk għamel Don Pino, fqir qalb il-foqra ta’ artu. F’kamartu s-siġġu li fuqu kien jistudja nkiser. Imma s-siġġu ma kienx iċ-ċentru tal-ħajja, għax hu ma kienx joqgħod bilqiegħda biex jistrieħ, imma kien jgħix miexi biex iħobb. Din hi l-mentalità rebbieħa. Din hi r-rebħa tal-fidi, li titnissel mid-don ta’ kuljum tagħna nfusna. Din hi r-rebħa tal-fidi, li twassal it-tbissima ta’ Alla fit-toroq tad-dinja. Din hi r-rebħa tal-fidi, li titwieled mill-iskandlu tal-martirju. “Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħtu ħajtu għal ħbiebu” (Ġw 15:13). Dawn il-kelmiet ta’ Ġesù, miktuba fuq il-qabar ta’ Don Puglisi, ifakkru lil kulħadd li l-għotja ta’ ħajtu kienet is-sigriet tar-rebħa tiegħu, is-sigriet ta’ ħajja sabiħa. Illum, għeżież ħuti, ejjew nagħżlu aħna wkoll ħajja sabiħa. Hekk ikun.

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard