ŻJARA PASTORALI TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU
LID-DJOĊESIJIET TA' PIAZZA ARMERINA U PALERMO
FL-OKKAŻJONI TAL-25 ANNIVERSARJU MILL-MEWT
TAL-BEATU PINO PUGLISI

LAQGĦA MAL-FIDILI

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Piazza Europa (Piazza Armerina)
Is-Sibt, 15 ta’
Settembru, 2018

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Kuntent li ninsab fostkom.  Sabiħa x-xemx ta’ Sqallija!  Sabiħa!  Grazzi tal-akkoljenza entużjasta li qed ittuni!  Irrodd ħajr lill-Isqof Mons. Rosario Gisana, lis-Sindku u lill-Awtoritajiet, kif ukoll lil dawk kollha li kkollaboraw biex tħejjiet diż-żjara.

L-Isqof tagħkom għadu kif fakkar l-għażla li qed tagħmel il-Knisja ta’ Piazza Armerina b’tama ferrieħa, minkejja l-problemi diversi li jillimitaw is-serenità ta’ dan it-territorju.  Il-pjagi li qed jifnukom mhumiex ftit.  Dawn għandhom isem: sottożvilupp soċjali u kulturali; sfruttament tal-ħaddiema u nuqqas ta’ xogħol dinjituż għaż-żgħażagħ; migrazzjoni ta’ familji sħaħ; użura; alkoliżmu u dipendenzi oħra; logħob tal-ażżard; diżintegrazzjoni tar-rabtiet familjari.  U quddiem tant sofferenza, il-komunità ekkleżjali tista’ xi kultant tidher mifxula u għajjiena; drabi oħra, iżda, għall-grazzja t’Alla, hi vivaċi u profetika. Hi u tfittex metodi ġodda biex tħabbar u toffri l-ħniena speċjalment lill-aħwa li waqgħu fl-aljenazzjoni, fid-diffidenza, fi kriżi tal-fidi.  Għax hu minnu: mhux faċli li tkattar il-fidi qalb tant problemi.  Mhux faċli, nifhimha jien din.  Li tevalwa l-pjagi tas-soċjetà u tal-Knisja mhix azzjoni li ċċappas il-fama jew pessimista.  Jekk irridu nagħtu l-konkretezza lill-fidi tagħna, irridu nitgħallmu nagħrfu li dawn is-sofferenzi umani huma l-istess pjagi tal-Mulej.  Inħarsu lejhom u mmissuhom (cfr Ġw 20,27).  Immissu l-pjagi tal-Mulej fil-pjagi tagħna, il-pjagi tas-soċjetà tagħna, tal-familji tagħna, ta’ niesna, ta’ ħbiebna.  Fihom immissu l-pjagi tal-Mulej.  U dan, għalina l-insara jfisser li nitgħabbew bl-istorja u l-laħam ta’ Kristu bħala rahan ta’ salvazzjoni u ħelsien.  Għalhekk inħeġġiġkom biex timpenjaw ruħkom fl-evanġeliżżazzjoni l-ġdida ta’ dan it-territorju taċ-ċentru ta’ Sqallija, ibda propju mis-slaleb tiegħu u tbatijietu.  Wara li temmejtu t-tieni ċentinarju tad-Djoċesi tagħkom issa hemm tistenniekom missjoni li teħtieġ l-attenzjoni kollha tagħkom, biex tipproponu mill-ġdid il-wiċċ ta’ Knisja Sinodali u tal-Kelma; Knisja tal-karità missjunarja; Knisja komunità Ewkaristika.

Il-prospettiva ta’ Knisja Sinodali u tal-Kelma titlob il-kuraġġ tas-smigħ reċiproku, imma fuq kollox, tas-smigħ tal-Kelma tal-Mulej.  Jekk jogħġobkom, tqegħedu xejn qabel iċ-ċentru essenzjali tal-eżistenza tal-komunjoni nisranija, li hi l-Kelma t’Alla, imma għamluha tagħkom speċjalment permezz tal-lectio divina, waqt mirabbli ta’ laqgħa qalb ma’ qalb ma’ Ġesù, ta’ waqfa f’riġlejn l-Imgħallem Divin.  Il-Kelma t’Alla u l-komunjoni sinodali huma l-id maħruġa lejn kull min jgħejx jitbandal bejn it-tama u d-delużjonijiet waqt li jitlob bil-ħerqa l-ħniena tal-Knisja dejjem aktar fidila għall-Evanġelju u miftuha għall-akkoljenza ta’ kull min iħossu tellief fil-ġisem u fl-ispirtu, jew hu mwarrab fil-ġenb.  Biex twettqu dil-missjoni jeħtieġ li tmorru dejjem lura lejn l-ispirtu tal-ewwel komunità nisranija li, mħeġġa min-nar tal-Pentekoste, bil-kuraġġ tat xhieda ta’ Kristu Rxoxt.  Idħlu bil-fiduċja, għeżież ħuti, fiż-żmien tad-dixxerniment u tal-għażliet għammiela, li huma utli għall-hena tagħkom u għall-iżvilupp armonjuż.  Imma biex timxu ‘l quddiem f’dan, tridu tkunu midħla tal-Kelma t’Alla: aqraw l-Evanġelju, kuljum, silta żgħira mill-Evanġelju.  Ma teħdilkomx aktar minn ħames minuti.  Forsi xi ktejjeb ċkejken tal-Evanġelju fil-but jew fil-basket….. Aqbduh, ħarsu lejh u aqraw.  U b’hekk, kuljum, qatra qatra, l-Evanġelju jidħol fi qlubna  u jagħmilna dixxipli aħjar ta’ Ġesù u aktar qalbiena biex noħorġu, ngħinu fil-problemi kollha ta’ beltna, tas-soċjetà tagħna, tal-Knisja tagħna.  Agħmluh dan, agħmluh.  Jien nitlob lill-Isqof tagħkom biex jagħmilhielkom faċli li jkollkom ktejjeb żgħir tal-Evanġelju, li jingħata lil kull min jitolbu, biex iġorru miegħu.  Il-qari tal-Kelma t’Alla jqawwikom.

Biex tkunu Knisja tal-karità missjunarja, hemm bżonn tagħtu każ tas-servizz tal-karità li llum jinħass meħtieġ f’ċirkustanzi konkreti.  Is-saċerdoti, id-djakni, il-persuni konsagrati u l-fidili lajċi huma msejħin biex iħossu kumpassjoni evanġelika – dil-kelma hi ċara, hi dak li kien iħoss Ġesù: kumpassjoni evanġelika – għal tant hemm tan-nies, biex issiru appostli tal-ħniena tterqu t-territorju, xbieha ta’ Alla li hu “tenerezza li jmexxina bla waqfien lejn triq soda ta’ tiġdid” (Eż. App. Ifirħu u Thennew, 134).  Terrqu mat-toroq, morru f’salib it-toroq, fil-pjazez u fl-imkejjen tal-ħajja ta’ kuljum u wasslu lil kulħadd l-aħbar tajba li l-konvivenza ġusta, pjaċevoli u ta’ mħabba bejnietna hi possibbli u li l-ħajja mhix saħta mudlama li għandna nissaportuha bil-fataliżmu, imma hi fiduċja fit-tjubija ta’ Alla u fil-karità tal-aħwa.  Importanti li l-parroċċi u l-komunitajiet ekkleżjali jiffavorixxu l-karità evanġelika, is-solidarjetà u l-attenzjoni fraterna mimlija premura, billi jaħarbu t-tentazzjoni mondana li jgħejxu bla nkwiet, li jgħadduha tajjeb, mingħajr ma jħabblu rashom mill-ħtiġijiet tal-oħrajn.  Inħeġġiġkom biex tissuktaw bis-servizz ekkleżjali tagħkom mistqarr f’opri konkreti: ċentri tas-smigħ Caritas, ikel u kenn għall-aħwa l-aktar sfortunati, strutturi biex tilqgħu fihom lil Ġesù rifuġajt u bla pajjiż, djar ta’ mħabba għall-anzjani li spiss huma waħedhom u mingħajr kuraġġ.  Jekk jogħġobkom, tħallux lill-anzjani waħedhom!  In-nanniet tagħna.  Huma l-identità tagħna, l-għeruq tagħna, u aħna ma rridux inkunu poplu mingħajr għeruq!  L-għeruq tagħna huma fix-xjuħ.  Kuraġġ!  Nieħdu ħsieb l-anzjani, ix-xjuħ.  Nieħdu ħsieb in-nanniet.  U jalla ż-żgħażagħ jitkellmu man-nanniet, biex b’hekk isibu għeruqhom.  Tinsewx li l-karità nisranija ma tikkuntentax biss li tassisti; ma taqax fil-filantropija – żewġ affarijiet differenti: il-karità nisranija u l-filantropija -, imma timbotta lid-dixxiplu u lill-komunità kollha kemm hi biex jifhmu r-raġunijiet tal-iskumditajiet u jippruvaw ineħħuhom safejn ikun possibbli, flimkien mal-istess aħwa li huma fil-bżonn, billi nintegrawhom fil-ħidma tagħna.

Aspett tal-karità missjunarja huwa wkoll dak li tingħata attenzjoni liż-żgħażagħ u l-problemi tagħhom.  Hawn qed nara għadd kbir ta’ adoloxxenti u żgħażagħ li qed ilewnu bit-tama u l-allegrija din il-miġemgħa.  Għeżież ħbieb, intom żgħażagħ, ġuvintur u tfajliet, insellmilkom ilkoll u nħeġġiġkom biex tkunu l-awturi ferrieħa tad-destin tagħkom.  Ħarsu dejjem ‘il quddiem mingħajr ma tinsew l-għeruq.  Kunu afu li Ġesù jħobbkom: Huwa l-uniku ħabib sinċier u fidil li qatt ma jabbandunakom; Lilu tistgħu tafdawh!  Fil-waqtiet tad-dubju – ilkoll meta konna żgħażagħ kellna l-waqtiet koroħ, ta’ dubju , fil-waqtiet ta’ diffikultà, tistgħu torbtu fuq l-għajnuna ta’ Ġesù, fuq kollox, biex tkunu tistgħu tirfdu l-ideali kbar tagħkom.  U kulħadd skont il-qies ta’ ħiltu, tajjeb ukoll li jkollkom fiduċja fil-Knisja, li hi msejħa biex tiltaqa’ mal-ħtieġa tal-awtentiċità li tħossu u biex toffrilkom ambjent alternattiv għal dak li jtaqqalkom kuljum, fejn tkunu tistghu ssibu t-togħma tat-talb, tal-għaqda ma’ Alla, tas-silenzju li jieħu lill-qalb lejn l-intimità tal-eżistenza tagħkom u lejn il-qdusija.  Ħafna drabi smajt lil xi żagħażugħ jgħid: “Jien, iva, nafda f’Alla, imma mhux fil-Knisja” - Imma għaliex? - “Għax huma “jieklu” lill-qassisin”.  Ah!  Int ma tafdahx lill-qassis, allura ersaq lejn il-qassis u għidlu:  “Jien m’għandix fiduċja fik għal din, din u din ir-raġuni”.  Ersaq! Mur għand l-Isqof ukoll u għidlu f’wiċċu:  “Jien m’għandix fiduċja fil-Knisja minħabba din u dik ir-raġuni”.  Din hi ż-żgħożija kuraġġuża!  Imma bir-rieda li tisma’ t-tweġiba.  Forsi dakinhar il-qassis ikolllu wġigħ fil-fwied u jkeċċik ‘l hemm,  imma tkun okkażjoni ta’ darba, dejjem se jgħidlek xi ħaġa.  Isma’!  Isma’!  U intom, saċerdoti, kunu paċenzjużi, paċenzja kostruttiva biex tisimgħu liż-żgħażagħ, għax fl-ansjetà taż-żgħażagħ dejjem hemm iż-żerriegħa tal-futur.  U int għandek taqbadhom, u tgħin liż-żgħażagħ jimxu ‘l quddiem.  Meħtieġ id-djalogu.

It-tielet element li rrid nurikom hu dak tal-Knisja komunitá Ewkaristika.  Minn hemm, mill-Ewkaristija aħna niksbu l-imħabba ta’ Kristu biex neħduha fit-toroq tad-dinja, biex miegħu immorru niltaqgħu ma’ ħutna.  Ma’ Ġesù, miegħu – dan hu s-sigriet – nistgħu nikkonsagraw lil Alla kull realtà, naraw li Wiċċu jkun ittimbrat fuq l-uċuħ, imħabbtu timla l-vojt tal-imħabba.  F’dak li għandu x’jaqsam mas-sehem fil-Quddiesa, speċjalment dik tal-Ħadd, importanti li ma nibqgħux ossessjonati bin-numri: inħeġġiġkom biex tgħejxu  l-beatitudni taċ-ċkunija, li tkunu ż-żerriegħa żgħira tal-mustarda, merħla żgħira, ponn ħmira, fjamma żgħira tenaċi, farka żgħira melħ.  Kemm drabi smajt: “Ah, padre, jiena nitlob, imma ma mmurx il-quddies, ma mmurx” - “Imma għaliex?  “Għax il-prietka ddejjaqni, iddum erbgħin minuta!”, Le, erbgħin minuta għandu jkun it-tul tal-Quddiesa kollha.  Imma prietka ta’ aktar minn tmiem minuti tkun barra minn postha.

L-Ewkaristija u s-saċerdozju ministerjali huma inseparabbli: is-saċerdot hu l-bniedem tal-Ewkaristija.  Indur bi ħsiebi partikolarment lejn il-presbiteri, aħwa bravi, u nħeġġiġhom biex ikunu qrib ħafna tal-Isqof tagħhom u bejniethom sabiex iwasslu ‘l-Mulej lil kulħadd.  Għeżież saċerdoti, kemm hu meħtieġ li bil-paċenzja nibnu l-hena tal-familja presbiterali, bl-imħabba lejn xulxin u billi nissapportjaw lil xulxin!  Hu sabiħ li naħdmu flimkien u nqisu lill-konfratelli ħutna “kull wieħed minnkom iqis lill-ieħor aħjar minnu” (cfr Fil 2,3).  Fost il-poplu t’Alla afdat f’idejkom, intom imsejħin biex tkunu tal-ewwel li twaqqgħu l-ħitan, il-preġudizzji li jifirdu; tal-ewwel li bl-umiltà tikkuntemplaw l-istorja diffiċli ta’ din l-art, bil-karita mimlija dehen pastorali li hu don tal-Ispirtu s-Santu; tal-ewwel li tindikaw il-moghdijiet li minnhom in-nies jistgħu jgħaddu biex isibu spazji miftuħin ta’ rahan u libertà vera.  Imfarrġin minn Alla, intom tistgħu tkunu li tfarrġu, timsħu d-dmugħ, tfejqu l-ġrieħi, terġgħu tibnu l-ħajjiet, ħajjiet imfarrka li jintelqu bil-fiduċja fil-ministeru tagħkom (cfr Atti 5,14-16).  Lilkom saċerdoti, ippermettuli ntikom riċetta, ma nafx tiswielkomx: kif intemm il-ġurnata”  Biex norqod għandi bżonn il-pilloli?  Allura hemm xi ħaġa li ma marritx sew.  Imma jekk intemm il-ġurnata għajjien, għajjien mejjet, l-affarijiet mexjin sew.  Dan hu punt importanti.

Għeżież ħuti, ikun sabiħ kieku nistgħu nibqgħu ftit ieħor flimkien!  Qed inħoss is-sħana tal-fidi tagħkom u t-tama li ġġorru fi qlubkom, imma qed jistennewni Palermo, fejn se nagħmlu tifkira bi gratitudni tas-saċerdot martri Pino Puglisi.  Sirt naf li ħamsa w għoxrin sena ilu, appena xahar qabel inqatel, hu qatta’ xi ġranet hawn, fi Piazza Armerina.  Kien ġie biex jiltaqa’ mas-seminaristi, uħud minnhom studenti tiegħu fis-Seminarju maġġuri ta’ Palermo.  Passaġġ profetiku, nemmen jien!  Inkarigu mogħti mhux biss lis-saċerdoti, imma lill-fidili kollha ta’ din id-djoċesi: għall-imħabba ta’ Ġesù, inservu lill-ħutna sal-aħħar!  Inħallikom ilkoll f’idejn il-Verġni Marija, li itnom tqimu bħala l-Madonna tal-Vittorji.  Fis-skiet, issa, fis-skiet nitolbuha: “Is-sliem għalik, Marija....”  Jalla hi ssostnikom fit-taqbid spiritwali u bid-deċiżjoni torjentakom lejn ir-rebħa tal-Qawmien mill-Imwiet.  Inberikkom ilkoll minn qalbi u nitlobkom, jekk jogħġobkom, li titolbu għalija.  Il-jum it-tajjeb lil kulħadd!

Issa se ntikom il-barka, imma nħejju ruħna biex nirċevuha.  Kull wieħed u waħda aħsbu fl-għeżież tagħkom, sabiex dil-barka tinżel fuq il-maħbubin.  Aħsbu fi ħbiebkom.  U aħsbu wkoll fl-għedewwa tagħkom, fil-persuni li intom ma tħobbuhomx u li ma jħobbux lilkom.  Iftħu qlubkom għal kulħadd, biex dil-barka tinżel fuq kulħadd.

(Barka)

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Jie Huber