QUDDIESA TAL-GRIŻMA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 

Bażilika tal-Vatikan

Ħamis ix-Xirka, 18 ta’ April 2019

 

Il-Vanġelu ta’ Luqa li għadna kemm smajna jġagħalna ngħixu mill-ġdid l-emozzjoni ta’ dak il-mument li fih il-Mulej jagħmel tiegħu l-profezija ta’ Iżaija, meta solennement jaqraha f’nofs il-poplu tiegħu. Is-sinagoga ta’ Nazaret kienet mimlija bi qraba, nies jafuh, ħbieb… u anki oħrajn mhux daqstant ħbieb. U kollha kellhom għajnejhom imsammrin fuqu. Il-Knisja dejjem iżżomm għajnejha msammra fuq Ġesù, il-Midluk li l-Ispirtu jibgħat biex jidlek lill-poplu tiegħu.

 

Il-Vanġeli spiss jippreżentawlna din ix-xbieha tal-Mulej f’nofs il-folol, imdawwar u magħfus min-nies li teħodlu l-morda tagħha, titolbu jkeċċi l-ispirti ħżiena, tisma’ tagħlimu u timxi miegħu. “In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja” (Ġw 10:27-28).

 

Il-Mulej qatt ma tilfu dan il-kuntatt dirett man-nies, dejjem żamm il-grazzja tal-qrubija, mal-poplu flimkien u ma’ kull persuna f’nofs dawk il-ġmiegħi kollha. Dan narawh fil-ħajja pubblika tiegħu, u hekk kien sa mill-bidu: il-ġmiel tat-Tarbija ġibed bi ħlewwietu ragħajja, slaten u ħalliema anzjani bħal Xmun u Anna. Hekk ukoll seħħ fuq is-Salib: il-Qalb tiegħu tiġbed lil kulħadd lejha (ara Ġw 12:32): Veroniki, Ċirinej, ħallelin, ċenturjuni…

 

It-terminu “folla” mhuwiex dispreġġjattiv. Forsi għal widnejn xi ħadd, folla tista’ tinstema’ bħala massa anonima, fejn ma tagħrafx persuna minn oħra… Imma fil-Vanġelu naraw li meta jidħlu f’kuntatt mal-Mulej – li jidħol f’nofshom bħal ragħaj fil-merħla – il-folol jinbidlu. F’ruħ in-nies titqanqal ix-xewqa li jimxu wara Ġesù, tinbet l-ammirazzjoni, jieħu sura d-dixxerniment.

 

Nixtieq nirrifletti magħkom fuq dawn it-tliet grazzji li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni bejn Ġesù u l-folol.

 

Il-grazzja tal-mixja wara Ġesù

Jgħidilna Luqa li l-folol “bdew ifittxuh” (Lq 4:42) u “kienet miexja miegħu” (Lq 14:25), “bdew irossu fuqu”, “jagħfsu fuqu” (ara Lq 8:42-45) u “folol kbar ta’ nies kienu jmorru biex jisimgħuh” (Lq 5:15). Dan il-mixi tan-nies imur lil hemm minn kull kalkolu, hu mixi mingħajr kundizzjonijiet, mimli mħabba. Hu f’kuntrast mal-aġir imsejken tad-dixxipli li l-atteġġjament tagħhom għan-nies joqrob lejn il-kefrija meta jissuġġerixxu lill-Mulej jibgħathom, biex imorru jfittxu x’jieklu. Hawn – nemmen jien – beda l-klerikaliżmu: li taħseb għal xawwatek, kif ħa ssib x’tiekol u tkun komdu, u ma tagħtix kas tan-nies. Il-Mulej qaċċat din it-tentazzjoni. “Agħtuhom intom x’jieklu” (Mk 6:37), kienet it-tweġiba ta’ Ġesù: “ħudu fuqkom il-bżonnijiet tan-nies!”.

 

Il-grazzja tal-ammirazzjoni

It-tieni grazzja li tirċievi l-folla meta timxi wara Ġesù hi dik ta’ ammirazzjoni mimlija ferħ. In-nies tistagħġeb b’Ġesù (ara Lq 11:14), bil-mirakli tiegħu, imma fuq kollox bl-istess Persuna tiegħu. In-nies kienet tieħu pajċir ħafna ssellimlu fit-triq, tħallih iberikha u tbierku, bħal dik il-mara li minn ġo nofs il-folla bierket lil Ommu. U l-Mulej, min-naħa tiegħu, kien ammirat mill-fidi tan-nies, kien jifraħ biha u ma kienx jitlef okkażjoni biex jurih dan.

 

Il-grazzja tad-dixxerniment

It-tielet grazzja li tirċievi n-nies hi dik tad-dixxerniment. “Imma l-folol saru jafu [fejn mar Ġesù] u marru warajh” (Lq 9:11). “In-nies baqgħu mistagħġba bit-tagħlim tiegħu, għax hu kien jgħallimhom bħal wieħed li għandu s-setgħa” (Mt 7:28-29; ara Lq 5:26). Kristu, il-Kelma ta’ Alla li saret laħam, iqanqal fin-nies din il-kariżma tad-dixxerniment; mhux xi dixxerniment tal-ispeċjalisti fi kwistjonijiet diskussi. Meta l-Fariżej u l-imgħallmin tal-liġi kienu jiddiskutu miegħu, dak li n-nies kienet tara kienet l-Awtorità ta’ Ġesù: il-qawwa tat-tagħlim tiegħu li kapaċi jidħol fil-qlub u l-fatt li l-ispirti ħżiena kienu jobduh; u li barra minn hekk, għal waqt wieħed, kien iħalli bla kliem lil dawk li kienu jiftħulu djalogi qarrieqa: in-nies dan setgħet tarah. U kienet taf tagħżel u tara b’għajnejha.

 

Ninżlu ftit iktar fil-fond ta’ din il-viżjoni evanġelika tal-folla. Luqa jindika erba’ gruppi li huma destinatarji preferenzjali tad-dilka tal-Mulej: il-fqajrin, l-imjassrin, l-għomja, il-maħqurin. Isemmihom b’mod ġenerali, imma mbagħad naraw bil-ferħ li, matul il-ħajja tal-Mulej, dawn il-midlukin jiksbu wiċċ u isem tagħhom. Kif id-dilka biż-żejt issir fuq parti u l-azzjoni ta’ ġid tagħha tixtered fuq il-ġisem kollu, hekk il-Mulej, meta jaqbad dik il-profezija ta’ Iżaija, isemmi bosta “folol” li għandhom jibagħtu l-Ispirtu, skont id-dinamika ta’ dik li nistgħu nsejħulha “preferenzjalità inklużiva”: il-grazzja u l-kariżma li jingħataw lil persuna jew lil grupp b’mod partikulari jfawru, bħal kull azzjoni oħra tal-Ispirtu, b’fejda għal kulħadd.

 

Il-fqajrin (ptochoi) huma dawk li huma mgħaffġin, bħat-tallaba li jitbaxxew biex jitolbu. Imma hi fqira (ptochè) wkoll l-armla, li tidlek b’subgħajha ż-żewġ muniti żgħar li kienu kulma kellha dakinhar biex tgħix. Id-dilka ta’ dik l-armla biex tagħmel karità ħadd ma josservaha, ħlief għajnejn Ġesù, li jħares bi tjieba lejn iċ-ċokon tagħha. Magħha l-Mulej jista’ jwettaq fil-milja tagħha l-missjoni tiegħu li jħabbar il-Vanġelu lill-fqajrin. Paradossalment, il-bxara t-tajba li jeżistu persuni hekk, jisimgħuha d-dixxipli. Hi, il-mara ġeneruża, mank kienet taf li anki “fil-Vanġelu dehret”, (jew aħjar, li l-ġest tagħha kien se jissemma fil-Vanġelu): l-aħbar it-tajba li l-azzjonijiet tagħha fihom “piż” fis-Saltna u jiswew iktar mill-għana kollu tad-dinja, hi tgħixha fiha nfisha, bħal ħafna qaddisin “tal-bieb ta’ maġenbna”.

 

L-għomja huma rrappreżentati minn wieħed mill-aktar uċuħ simpatiċi tal-Vanġelu: dak ta’ Bartimew (Mk 10:46-52), it-tallab agħma li kiseb lura d-dawl u, ibda minn dakinhar, kellu għajnejn biss biex jimxi wara Ġesù fit-triq. Id-dilka tal-ħarsa! Il-ħarsa tagħna, li l-għajnejn ta’ Ġesù jistgħu jroddulha dik id-dija li l-imħabba gratwita biss tista’ tagħti, dik id-dija li ta’ kuljum tinsterqilna mill-immaġni egoisti jew banali li bihom iddawwarna d-dinja.

 

Biex isemmi l-maħqurin (tethrausmenous), Luqa juża espressjoni li fiha l-kelma “trawma”. Dan biżżejjed biex jevoka l-parabbola, forsi l-favorita ta’ Luqa, dik tas-Samaritan it-Tajjeb li jidlek biż-żejt u jinfaxxa l-ġrieħi (traumataLq 10:34) tar-raġel li kien ġie msawwat għall-mewt u kien mixħut mal-ġenb tat-triq. Id-dilka tal-ġisem miġruħ ta’ Kristu! F’dik id-dilka hemm ir-rimedju għat-trawmi kollha li jħallu persuni, familji u popli sħaħ imfarrka, esklużi u żejda, fil-ġnub tal-istorja.

 

L-imjassrin huma priġunieri tal-gwerra (aichmalotos), dawk li kienet ġiet ippuntata l-lanza lejhom (aichmé). Ġesù mbagħad uża din l-espressjoni meta rrifera għall-jasar u għad-deportazzjoni ta’ Ġerusalemm, il-belt maħbuba tiegħu (Lq 21:24). Illum il-bliet jisfaw ilsiera mhux tant għax tiġi ppuntata xi lanza lejhom, imma bil-mezzi l-iżjed sottili ta’ kolonizzazzjoni ideoloġika. Hija biss id-dilka tal-kultura tagħna, magħġuna mix-xogħol u mill-arti ta’ dawk li ġew qabilna, li tista’ teħles il-bliet tagħna minn dan il-jasar ġdid.

 

Niġu għalina, għeżież ħuti saċerdot, u ma ninsewx li l-mudelli evanġeliċi tagħna huma dawn in-“nies”, din il-folla b’dawn l-uċuħ konkreti, li d-dilka tal-Mulej terġa’ tqajjem fuq riġlejha u tagħti l-ħajja. Huma dawk li jwettqu b’mod sħiħ u jagħmlu reali d-dilka tal-Ispirtu fina, li ġejna midluka biex nidilku. Aħna ġejna magħżula minn ġo nofshom u bla biża’ nistgħu nidentifikaw ruħna ma’ dawn in-nies sempliċi. Kull wieħed minna għandu l-istorja tiegħu. Xi ftit tal-memorja tagħmlilna sew ħafna. Huma xbieha tar-ruħ tagħna u xbieha tal-Knisja. Kull wieħed u waħda minnhom jinkarna l-qalb waħdanija tal-poplu tagħna.

 

Aħna s-saċerdoti aħna l-fqir, u nixtiequ li jkollna l-qalb tal-armla fqajra meta nagħmlu karità u mmissu l-id tat-tallab u nħarsu f’għajnejh. Aħna s-saċerdoti aħna Bartimew, u ta’ kull filgħodu nqumu nitolbu: “Li nara, Mulej!” (Lq 18:41). Aħna s-saċerdoti, f’xi punt tad-dnub tagħna, aħna l-midrub imsawwat għall-mewt mill-ħallelin. U nixtiequ noqogħdu, aħna l-ewwel nett, bejn id-dirgħajn kollha mogħdrija tas-Samaritan it-Tajjeb, biex imbagħad b’dirgħajna nistgħu nuru ħniena mal-oħrajn.

 

Nistqarr magħkom li meta nikkonferma u nagħti l-ordinazzjoni nieħu pjaċir insawwab tajjeb il-Griżma fuq il-ġbin u fuq l-idejn ta’ dawk li jkunu qed jiġu midluka. Meta tidlek tajjeb iktar tħoss li hemmhekk tkun qed iġġedded id-dilka tiegħek stess. Dan xtaqt ngħid: ma nkunux minn dawk li jqassmu ż-żejt mill-flixkun. Aħna ġejna midluka biex nidilku oħrajn. Nidilku billi nsawbu lilna nfusna, insawbu l-vokazzjoni tagħna u l-qalb tagħna. Waqt li nidilku, niġu mill-ġdid midluka mill-fidi u mill-imħabba tal-poplu tagħna. Nidilku billi nħammġu jdejna xħin immissu l-ġrieħi, id-dnubiet, it-tbatijiet tan-nies; nidilku billi nfewħu jdejna meta mmissu l-fidi tagħhom, it-tamiet tagħhom, il-fedeltà tagħhom u l-ġenerożità bla riservi tal-għotja tagħhom li ħafna persuni illustri jikkwalifikawha bħala superstizzjoni.

 

Min jitgħallem jidlek u jbierek, ifiq mill-medjokrità, mill-abbuż u mill-kefrija.

 

Nitolbu, għeżież ħuti, billi noqogħdu ma’ Ġesù qalb in-nies tagħna, dan hu l-isbaħ post. Il-Missier iġedded fina t-tiswib tal-Ispirtu tiegħu ta’ qdusija u jagħmel li nixxierku biex nitolbu l-ħniena tiegħu għall-poplu fdat f’idejna u għad-dinja kollha. Hekk il-folol tan-nies, miġbura fi Kristu, jistgħu jsiru l-uniku Poplu fidil ta’ Alla, li għad jasal għall-milja tiegħu fis-Saltna (ara Talba tal-konsagrazzjoni tal-Presbiteri).

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard