Għeżież Ħuti,

Dawn il-jiem fis-Sena tal-Fidi huma okkażżjoni li l-Mulej jagħtina biex nitolbu flimkien, biex nirriflettu flimkien u biex ngħixu mument bħal aħwa.  Inrodd ħajr lill Kardinal Bertone għall-kliem li għamilli f’isimkom; imma rrid nrodd ħajr lil kull wieħed minnkom għas-servizz tagħkom li lili jgħinni fil-ħerqa għall-Knejjes kollha, f’dak il-ministeru ta’ għaqda li huwa ċentrali għas-Suċċessur ta’ San Pietru.  Intom tippreżentawni fil-Knejjes imxerrda fid-dinja kollha u mal-Gvernijiet;  imma meta narakom illum daqshekk numerużi dan jagħtini wkoll is-sens tal-kattoliċita’ tal-Knisja, l-ispirtu universali.  Grazzi tassew mill-qalb!  Il-ħidma tagħkom hija ħidma – il-kelma li tiġni hi “importanti”, imma hija kelma formali -; il-ħidma tagħkom hija aktar minn importanti, hija ħidma li tagħmel il-Knisja, li tibni l-Knisja.  Bejn il-Knejjes partikulari u l-Knisja universali, bejn l-Isqfijijiet u l-Isqof ta’ Ruma.  M’intomx nies li tidħlu bejn oħrajn, imma aktar intom medjaturi, li mill-medjazzjoni tagħmlu l-komunjoni.  Xi teoloġi waqt li jistudjaw l-ekklesjoloġija, jitkellmu minn Knisja lokali u jgħidu li r-Rappreżentanti Pontifiċji u l-Presidenti tal-Konferenzi Episkopali jagħmlu Knisja lokali li m’hijiex ta’ twaqqif divin, hija organiżżattiva imma tgħin biex tmexxi ‘l quddiem il-Knisja.  U l-ħidma l-aktar importanti hija dik tal-medjazzjoni, u biex tagħmel din il-medjazzjoni huwa meħtieġ li tkun taf.  Mhux biss tkun taf il-karti – li huwa ħafna importanti taqra l-karti li huma ħafna – imma tkun taf il-persuni.  Għalhekk jien nikkunsidra li r-relazzjoni personali bejn l-Isqof ta’ Ruma u intom hija ħaġa essenzjali. Huwa veru li hemm is-Segreterija tal-Istat li tgħinna, imma dan l-aħħar punt, ir-relazzjoni personali, hija importanti.  U jeħtieġilna nagħmluh, miż-żewġ naħat.

Ħsibt fuq din il-laqgħa u noffrielkom ftit ħsibijiet sempliċi fuq xi aspetti, ikolli nsejħilhom eżistenzjali, tagħkom bħala Rappreżentanti Pontifiċji.  Huma ħwejjeġ li rriflettejt fuqhom f’qalbi, fuq kollox waqt li niftakar li nqiegħed lili nnifsi ħdejn kull wieħed minnkom.  F’din il-laqgħa, ma rridx ngħidilkom kliem sempliċement formali jew kliem taċ-ċirkustanza; jistgħu jagħmlu ħażin lil kulħadd, lili u lilkom.  Dak li ngħidilkom issa ġej minn ġewwa, nassigurakom, u huwa għal qalbi.

1)  Qabel kollox irrid nisħaq li l-ħajja tagħkom hija ħajja ta’ nomadi.  Ħsibtu dan bosta drabi: imsejknin intom!  Kull tlieta jew erba’ snin, għall-Kollaboraturi, u xi ftit iktar għan-Nunzji, intom tbiddlu l-post, tgħaddu minn Kontinent għal ieħor, minn Pajjiż għal ieħor, minn realta’ ta’ Knisja għal oħra, bosta drabi ħafna differenti; intom tkunu dejjem lesti bil-bagalji f’idejkom.  Insaqsi jien:  Xi tgħidilna lilna din il-ħajja?  X’sens spiritwali għandha?  Ikolli ngħid li għandha sens ta’ mixja, li huwa ċentrali fil-ħajja tal-fidi, nibdew minn Abram, bniedem ta’ fidi fil-mixja: Alla jitolbu jħalli artu, is-sigurtajiet tiegħu, biex imur, waqt li jafda fuq il-wegħeda, li ma jarax, imma li jgħożżha sempliċement f’qalbu bħala tama li Alla kien qiegħed joffrilu (ara Ġen 12,1-9).  U dan iġib miegħu żewġ elementi, kif naħseb jien.  Qabel kollox il-mortifikazzjoni, għaliex tassew, tmur bil-bagalja f’idejk hija mortifikazzjoni, is-sagrifiċċju li tħalli affarijiet, ħbieb, irbit u tibda dejjem mill-ġdid.  U dan mhux dejjem ħafif; dan ifisser tgħix fuq il-proviżorju, toħroġ minnek innifsek, mingħajr ma jkollok post fejn tqiegħed għeruq, komunita’ stabbli; madankolu tħobbu l-Knisja u l-Pajjiż li msejħin biex taqdu.  It-tieni aspett li jġib miegħu dan l-istil ta’ ħajja nomada, li tkunu dejjem mexjin, huwa dak li jiġi deskritt lilna fil-kapitlu ħdax tal-Ittra lil-Lhud.  Waqt li jagħmel lista tal-eżempji ta’ fidi tal-missirijiet, l-awtur jistqarr li huma raw il-ġid imwiegħed u sellmulu mill-bogħod – hija sabiħa din l-ikona -, fil-waqt li jistqarru li huma pellegrini fuq din l-art (ara 11, 13).  Ħajja bħal din għandha mertu kbir, ħajja bħal din tagħkom, meta wieħed jgħix bil-qawwa tal-imħabba, bit-tifkira li taħdem tal-ewwel sejħa.

2).  Nixtieq nieqaf għal ftit fuq l-aspett li “tħares mill-bogħod”, tħares lejn il-wegħdiet mill-bogħod, isellmilhom mill-bogħod.  Lejn  xhiex kienu jħarsu mill-bogħod il-missirijiet tat-Testment il-Qadim?  Il-ġid imwiegħed minn Alla.  Kull wieħed minna jista’ jistaqsi lilu nnifsu:  liema hija l-wegħeda tiegħi?  Lejn xhiex inħares jien?  Liema ħwejjeġ qed infittex jien f’ħajti?  Dak li l-memorja li tibnina timbuttana biex infittxu huwa l-Mulej, Hu il-ġid imwiegħed.  Dan qatt ma għandu jidhrilna li hija ħaġa skontata.  Fil-25 t’April, 1951, f’diskors ċelebri ta’ Mons Montini li kien Sostitut tas-Segreterija tal-Istat, fakkar li l-figura tar-Rappreżentant Pontifiċju “hija ta’ wieħed li huwa tassew konxju li jrid iġorr lil Kristu miegħu”, bħala l-ġid l-aktar prezzjuż li jrid jikkomunika, li jrid ixandar u jrid jirrapreżenta.  Il-ġid, il-prospettivi ta’ din id-dinja jispiċċaw biex jingannaw, jimbuttaw biex ma jikkuntentaw qatt; il-Mulej hu l-ġid li ma jqarraqx, dak waħdu li ma jqarraqx.  U dan jitlob distakk minna nfusna li nistgħu nilħquh biss meta jkollna relazzjoni kostanti mal-Mulej u meta ngħaqqdu l-ħajja tagħna madwar Kristu.  U din hija dik li tissejjaħ familjarita’ ma’ Ġesu’.  Il-familjarita’ ma’ Ġesu’ Kristu għandha tkun il-manteniment ta’ kuljum tar-Rappreżentant Pontifiċju għaliex hija il-manteniment li jiġi mit-tifkira tal-ewwel laqgħa miegħU u għaliex isawwar ukoll l-espressjoni ta’ kuljum tal-fedelta’ għas-sejħa tiegħu.  Familjarita’ ma’ Ġesu’ Kristu fit-talb, fiċ-Ċelebrazzjoni ewkaristika, li m’għandha titħalla qatt, fil-qadi tal-karita’.

3).  Hemm dejjem il-periklu, anke għan-nies tal-Knisja, li jċedu għal dik li jien insejħilha, waqt li nieħu espressjoni minn De Lubac, “il-mondanita’ spiritwali”: li ċċedi għall-ispirtu tad-dinja, li jmexxi biex naħdmu għar-realiżazzjoni proprja u mhux għall-glorja t’Alla (ara Meditazione sulla Chiesa, Milano 1979, p.269), għal dik ix-xorta ta’ “borgeżija tal-ispirtu u tal-ħajja”, li timbotta biex ngħixu b’mod ħafif, biex infittxu ħajja komda u trankwilla.  Lill-Istudenti tal-Akkademja Pontifiċja Ekklesjastika fakkarthom kif għall-Beatu Ġwanni XXIII, il-qadi bħala Rappreżentant Pontifiċju kien wieħed mill-ħidmiet, u mhux wieħed sekondarju, li fih ħadet il-forma tal-qdusija tiegħu; jiena kkwotajt xi siltiet mill-Giornale dell’Anima li kienu jirreferu proprju għal dik il-parti twila tal-ministeru tiegħu.  Huwa jistqarr li kien jifhem dejjem aktar li, minħabba l-qawwa tal-azzjoni tiegħu, kellu jiżbor bla waqfien il-għalqa tad-dwieli ta’ ħajtu minn dak li kien biss weraq mhux meħtieġ u jmur dritt għal dak li huwa essenzjal, li huwa Kristu u l-Evanġelju tiegħu; li kieku ma għamilx hekk kien iqiegħed f’periklu li jwaqqa’ għaċ-ċajt missjoni qaddisa (Giornale dell’Anima, Cisinello Balsam 2000, pp 513-514).  Hija kelma qawwija din li taqa’ għaċ-ċajt, imma hija vera: li ċċiedi għall-ispirtu tad-dinja tesponi lilna, Ragħajja, għar-ridikolu;  nistgħu forsi nirċievu xi applaws, imma dawk stess li jidhru japprovawna, wara jikkritikawna wara daharna.  Din hija regola komuni.

Imma aħna Ragħajja!  U dan ma għandna ninsewh qatt.  Intom, għeżież Rappreżentanti Pontifiċji, intom preżenza ta’ Kristu, intom preżenza saċerdotali, ta’ ragħajja.  Ċertament, intom ma tgħallmux lil xi parti partikulari tal-Poplu t’Alla li hija afdata lilkom, intom ma tkunux qegħdin tmexxu Knisja lokali, imma intom Ragħajja li taqdu lill-Knisja, b’funzjoni dmir li tagħmlu kuraġġ, li tkunu qaddejja ta’ komunjoni, u wkoll bi dmir, mhux dejjem ħafif, li tiġbdu l-attenzjoni. 

Agħmlu kollox dejjem bi mħabba kbira.  Anke fir-relazzjonijiet mal-Awtoritajiet ċivili u ma’ Sħabkom intom Ragħajja: fittxu dejjem it-tajjeb, it-tajjeb ta’ kulħadd, it-tajjeb tal-Knisja u ta’ kull persuna.  Imma din il-ħidma pastorali, kif ġa għidt, isir bil-familjarita’ ma’ Ġesu’ Kristu fit-talb, fiċ-Ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, fl-opri tal-karita: hemm il-Mulej ikun preżenti.  Imma min-naħa tagħkom dan għandu wkoll jitwettaqq bi professjonalita’, u dan ikun għalikom bħala – kont ser ngħid kelma – ikun għalikom iċ-ċilizzju tagħkom, il-penitenza tagħkom: tagħmlu dejjem bi professjonalita’ l-ħwejjeġ li għandkom tagħmlu għaliex il-Knisja tridkom hekk.  U meta Rappreżentant Pontifiċju ma jagħmilx dan bi professjonalita’, jitlef ukoll l-awtorita’.

Nixtieq ngħalaq billi ngħid ukoll kelma waħda fuq wieħed mill-punti ewlenin tal-qadi tagħkom bħala Rappreżentanti Pontifiċji, għallinqas tal-maġġoranza kbira ħafna: il-kollaborazzjoni biex jintgħażlu l-isqfijiet.  Intom tafu bl-espressjoni ċelebri li turi kriterju fundamentali fl-għażla ta’ min għandu jmexxi: si sanctus est oret pro nobis, si doctus est doceat nos, si prudens est regat nos – Jekk huwa qaddis ħa jitlob għalina, jekk għaref ħa jgħallimna, jekk prudenti ħa jmexxina.  Fid-dmir delikat li twettqu, fit-tfittix għan-nomini episkopali kunu attenti li l-kandidati jkunu Ragħajja qrib in-nies: dan huwa l-ewwel kriterju.  Ragħajja qrib in-nies.  Huwa teologu kbir, huwa ras kbira: ħa jmur l-Universita’ fejn jagħmel ħafna ġid!  Ragħajja! Għandna bżonnhom nies minn dawn!  Li jkunu missirijiet u aħwa, li jkunu ġentili, paċenzjużi u li jħennu; li jħobbu l-faqar, kemm dik interjuri bħala ħelsien għall-Mulej kif ukoll dak esterjuri bħala sempliċita’ u awsterita’ ta’ ħajja, li ma jkollhomx psikoloġija ta’ “Prinċpijiet”.  Kunu attenti li ma jkunux ambizzjużi, li ma jkunux ifittxu l-episkopat; jingħad li l-Beatu Ġwanni Pawlu II f’waħda mill-ewwel udjenzi li kien ta lill-Kardinal Prefett tal-Kongregazzjoni tal-Isqfijiet, dan kien saqsieh dwar il-kriterju tal-għażla tal-kandidati għall-Episkopat u l-Papa bil-vuċi tiegħu partikulari wieġbu: “L-ewwel kriterju volentes nolumus”.  Dawk li jfittxu l-Episkopat ... le, ma jmurx dan.  U li jkunu żżewġu Knisja waħda, mingħajr ma jkunu fi tfittxija bla ma taqta’ ta’ oħra.  Ikunu kapaċi “jissorveljaw” il-merħla li tiġi afdata lilhom, li jkollhom għalhekk il-kura  għal dak kollu li jżommha mgħaquda; li “jgħassu” fuqha, li jkunu attenti għall-perikli li jhedduha;  imma fuq kollox li jkunu kapaċi li “jishru” fuq il-merħla, li jagħmlu s-sahra, li jikkuraw it-tama, li jkun hemm xemx u dawl fil-qlub, li jsaħħu bi mħabba u bil-paċenzja il-pjanijiet li Alla jwettaq għall-poplu tiegħu.  Niftakru fil-figura ta’ San Ġużepp li jishar fuq Marija u Ġesu’, li jieħu ħsiebhom għall-familja li Alla afdalu f’idejh, u għall-ħarsa attenta li biha jmexxi biex iwarrab il-perikli.  Minħabba f’hekk, ir-Ragħajja ikunu jafu joqogħdu quddiem il-merħla biex juruha it-triq, f’nofs il-merħla biex iżommuha mgħaquda, wara l-merħla biex ma jħallux li xi ħadd jibqa’ lura u sabiex l-istess merħla tkun tista’, biex ngħid hekk, ixomm ir-rieħa biex issib it-triq.  Ir-ragħaj jeħtieġlu jimxi hekk.

Għeżież Rappreżentanti Pontifiċji, dawn huma biss ftit ħsibijiet li ġejjin minn qalbi.  Ħsibt ħafna qabel li nikteb dan:  dan ktibtu jien!  Ħsibt ħafna u tlabt.  Dawn il-ħsibijiet ġejjin minn qalbi, bihom ma nippretendix li ngħid affarijiet ġodda – le, l-ebda ħaġa li għidt ma hija ġdida – imma li nistedinkom tirriflettu fuqhom għas-servizz importanti u prezzjuż li tagħtu lill-Knisja kollha.  Il-ħajja tagħkom hija spiss ħajja diffiċli, xi drabi f’pajjiżi fi gwerra – dan nafu tajjeb: tkellimt ma’ wieħed minnkom f’dan iż-żmien, darbtejn.  Kemm niket, kemm tbatija!  Huwa pellegrinaġġ kontinwu mingħajr il-possibilta’ li tniżżel għeruq f’post, f’kultura, f’realta speċifika ekklesjali.  Imma hija ħajja li twassal lejn il-wegħediet u ssellmilhom mill-bogħod.  Hija ħajja miexja, imma dejjem ma’ Ġesu’ Kristu li jżommok minn idejk.  Dan huwa żgur: Huwa iżommok minn idejk.  Grazzi għal darb’oħra għal dan!  Aħna nafu li l-istabbilita’ tagħna m’hijiex fl-affarijiet, fil-proġetti proprji jew fl-ambizzjonijiet, imma filli nkunu Ragħajja tassew li nżommu fissa l-ħarsa tagħna fuq Kristu.  Għal darb’oħra nroddilkom ħajr.  U nitlobkom, jekk jgħoġobkom, titolbu għalija għaliex għandi bżonn it-talb.  Il-Mulej iberikkom u l-Madonna tħariskom.  Grazzi.

Miġjub għall-Malti minn Patri Silvestru Bonavia OFM Cap