VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FIL-MOZAMBIQUE, IL-MADAGASCAR U L-MAURITIUS

(4-10 TA’ SETTEMBRU 2019)

 

QUDDIESA GĦALL-PROGRESS TAL-POPLI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

 

Stadju ta’ Zimpeto (Maputo)

Il-Ġimgħa 6 ta’ Settembru 2019

 

Għeżież ħuti!

 

Smajna fil-Vanġelu ta’ Luqa silta mill-hekk imsejjaħ “diskors tal-pjanura”. Ġesù, wara li għażel lid-dixxipli tiegħu u xandar il-Beatitudnijiet, żied jgħid: “Imma lilkom, li qegħdin tisimgħuni, ngħidilkom: ‘Ħobbu l-għedewwa tagħkom’” (Lq 6:27). Kelma li llum qed jgħid lilna wkoll, aħna li qed nisimgħuh f’dan l-istadju.

 

U dan jgħidu b’mod ċar, sempliċi u qawwi, biex jiftaħ quddiemna mogħdija, triq dejqa li titlob xi virtujiet. Għax Ġesù mhuwiex idealista, li jinjora r-realtà; qed jitkellem fuq l-għadu konkret, fuq l-għadu reali, li kien għadu kemm fisser min hu fil-Beatitudni ta’ qabel (6:22): dak li jobgħodna, li jkeċċina, li jinsultana u jżeblaħ isimna qisna konna xi infami.

 

Ħafna minnkom għadhom kapaċi jirrakkuntaw huma stess stejjer ta’ vjolenza, mibegħda u ġlied; xi wħud, fl-istess ġisimhom; oħrajn, dwar xi ħadd li jafu u m’għadux iżjed magħna; u oħrajn għax jibżgħu li l-ġrieħi tal-passat jistgħu jirripetu ruħhom u jippruvaw iwaqqfu l-mixja ta’ paċi li diġà saret, bħal f’Cabo Delgado.

 

Ġesù mhux qed jistedinna għal imħabba astratta, anġelika jew teorika, imfassla fuq l-iskrivaniji għal ġod-diskorsi. It-triq li qed jipproponilna hi dik li hu stess mexa l-ewwel, it-triq li wasslitu biex iħobb lil dawk li ttradewh, iġġudikawh inġustament, dawk li riedu joqtluh.

 

Diffiċli nitkellmu fuq rikonċiljazzjoni meta għadhom miftuħa l-ġrieħi maħluqa minn tant snin ta’ tilwim, jew nistiednu għal pass lejn il-maħfra li ma jfissirx ninjoraw it-tbatija u lanqas li nitolbu li jitħassru l-memorja jew l-ideali (ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 100). Minkejja dan, Ġesù jistedinna nħobbu u nagħmlu l-ġid. U dan hu ħafna iżjed diffiċli milli ninjoraw il-persuna li għamlitilna l-ħsara jew nagħmlu mod li ħajjietna ma jiltaqgħux: hu mandat li jimmira lejn tjieba attiva, diżinteressata u straordinarja ma’ dawk li weġġgħuna. Imma Ġesù ma jiqafx hawn; jitlobna wkoll li nberkuhom u nitolbu għalihom, jiġifieri li l-kliem tagħna fuqhom ikun tajjeb, iġib il-ħajja u mhux il-mewt, li llissnu ismijiethom mhux b’insult jew vendetta, imma biex inniedu relazzjoni ġdida li twassal għall-paċi. Għoli hu l-kejl li qed jipproponilna l-Imgħallem!

 

B’din l-istedina Ġesù, mhux talli mhux qed ikun xi mażokista ta’ ras iebsa, imma jrid jagħlaq għal dejjem il-prattika tant komuni – kemm fil-qedem u kemm illum – li nkunu Nsara u ngħixu skont il-liġi tal-vendetta. Ma nistgħux naħsbu fil-futur, nibnu nazzjon, soċjetà msejsa fuq l-“ekwità” tal-vjolenza. Ma nistax nimxi wara Ġesù jekk l-ordni li nippromovi u ngħix huwa dan: “għajn għal għajn u sinna għal sinna”.

 

L-ebda familja, l-ebda grupp ta’ qraba, l-ebda grupp etniku u wisq inqas pajjiż ma għandu futur, jekk il-mutur li jgħaqqadhom flimkien, jiġborhom u jkopri d-differenzi hu l-vendetta u l-mibegħda. Ma nistgħux niftiehmu u ningħaqdu flimkien biex nivvendikaw ruħna, biex lil min kien vjolenti nagħmlulu l-istess ħaġa li hu għamel lilna, biex nippjanaw okkażjonijiet ta’ vendetta taħt forom apparentement legali. “L-armi u l-vjolenza, flok iwasslu għal soluzzjonijiet, joħolqu kunflitti ġodda u agħar” (ibid., 60) L-“ekwità” tal-vjolenza dejjem hi bħal ċirku vizzjuż li m’hemmx mnejn toħroġ minnu; u l-prezz tagħha għoli ħafna. Hemm triq oħra li hi possibbli, għax hu fundamentali li ma ninsewx li l-popli tagħna għandhom jedd għall-paċi. Intom għandkom jedd għall-paċi.

 

Biex l-istedina tiegħu jagħmilha iżjed konkreta u applikabbli fil-ħajja ta’ kuljum, Ġesù jipproponi l-ewwel regola tad-deheb li kulħadd jista’ jlaħħaq magħha – “Kif tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, hekk ukoll agħmlu intom lilhom” (Lq 6:31) – u jgħinna niskopru dak li hu l-iżjed importanti f’din ir-reċiproċità ta’ mġiba: li nħobbu lil xulxin, ngħinu lil xulxin u nagħtu bla ma nistennew xejn lura.

 

“Inħobbu lil xulxin”, jgħidilna Ġesù. U Pawlu jittraduċiha: “Ilbsu sentimenti ta’ ħniena, tjieba” (ara Kol 3:12). Id-dinja kienet tinjora – u tibqa’ ma tagħrafx – il-virtujiet tal-ħniena, tal-mogħdrija, toqtol u tabbanduna persuni diżabbli u anzjani, telimina lill-morda u l-midruba, u tiddeverti bit-tbatijiet imposti fuq l-annimali. Bl-istess mod ma kinitx tipprattika t-tjieba, il-ħlewwa, li ġġagħalna jkollna għal qalbna l-ġid tal-proxxmu daqskemm ikollna tagħna.

 

Biex negħlbu ż-żminijiet ta’ firda u vjolenza hemm bżonn mhux biss ta’ att ta’ rikonċiljazzjoni jew il-paċi mifhuma bħala n-nuqqas ta’ kunflitt, imma tal-impenn ta’ kuljum min-naħa ta’ kull wieħed u waħda minna biex ikollna ħarsa attenta u attiva li twassalna biex nittrattaw lill-oħrajn b’dik il-ħniena u tjieba li biha rridu niġu ttrattati aħna; ħniena u tjieba fuq kollox lejn dawk li, minħabba fil-qagħda tagħhom, faċilment isibu min jirrifjutahom u jeskludihom. Dan hu atteġġjament mhux ta’ dgħajfa, imma ta’ nies qawwija, atteġġjament ta’ bnedmin li niskopru li mhemmx bżonn nittrattaw ħażin, inbaxxu jew ngħaffġu lill-oħrajn biex inħossuna importanti; anzi, bil-maqlub. U dan l-atteġġjament hu l-qawwa profetika li l-istess Ġesù Kristu għallimna meta riedna nsiru ħaġa waħda magħhom (ara Mt 25:35-45) u meta wriena li l-aħjar triq hi dik tal-qadi.

 

Il-Mozambique għandu territorju mimli għana naturali u kulturali, imma paradossalment bi kwantità enormi ta’ popolazzjoni taħt il-livell tal-faqar. U xi drabi donnu li dawk li jersqu bit-taparsi xewqa li jgħinu, ikollhom interessi oħra. U x’għafsa ta’ qalb meta dan jiġri bejn aħwa tal-istess art, li jħallu lil min jikkorrompihom; perikuluż ħafna naċċettaw li l-korruzzjoni tkun il-prezz li jeħtieġ inħallsu għall-għajnuniet minn barra.

 

“Fostkom m’għandux ikun hekk” (Mt 20:26; ara vv. 26-28). Bil-kliem tiegħu, Ġesù jridna nkunu protagonisti ta’ stil ieħor ta’ ħajja, dak tas-Saltna tiegħu: hawn u issa, żerriegħa ta’ ferħ u tama, paċi u rikonċiljazzjoni. Dak li l-Ispirtu jiġi jsawwab mhuwiex attiviżmu li jkaxkarna miegħu, imma, qabelxejn, attenzjoni għall-oħrajn, billi nagħrfuhom u napprezzawhom bħala ħutna sal-punt li nħossu l-ħajja u l-uġigħ tagħhom bħala l-ħajja u l-uġigħ tagħna. Dan ikun l-aħjar termometru biex nikxfu liema huma l-ideoloġiji ta’ kull għamla li jfittxu kif jimmanipulaw il-foqra u s-sitwazzjonijiet ta’ inġustizzja għall-qadi ta’ interessi politiċi u personali (ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 199). Hekk biss nistgħu inkunu, kull fejn insibu ruħna, żerriegħa u strumenti ta’ paċi u rikonċiljazzjoni.

 

Nixtiequ li l-paċi ssaltan fi qlubna u fit-taħbita ta’ qalb il-poplu tagħna. Nixtiequ futur ta’ paċi. Nixtiequ li “s-sliem ta’ Kristu jsaltan fi qlubkom” (Kol 3:15), kif qaltilna l-Ittra ta’ San Pawl. Hu juża verb li ġej mid-dinja tal-isport u jirriferi għar-referì li jiddeċiedi fejn hemm id-dubju: “ħalli l-paċi ta’ Kristu tkun ir-referì fil-qlub tagħkom”. Jekk il-paċi ta’ Kristu hi r-referì tal-qlub tagħna, allura meta s-sentimenti jkunu f’kunflitt u nsibu ruħna indeċiżi bejn żewġ opposti, “nilagħbu l-logħba” ta’ Kristu: id-deċiżjoni ta’ Kristu żżommna fit-triq tal-imħabba, fil-mogħdija tal-ħniena, fl-għażla b’riżq l-iżjed foqra, fil-ħarsien tan-natura. Fit-triq tal-paċi. Jekk ikun Ġesù r-referì bejn l-emozzjonijiet kuntrastanti tal-qalb tagħna, bejn id-deċiżjonijiet kumplessi ta’ pajjiżna, allura l-Mozambique għandu żgurat futur ta’ tama; allura pajjiżkom ikun jista’ jgħanni lil Alla, bi gratitudni u b’qalbu kollha, salmi, innijiet u għana spiritwali (ara Kol 3:16).

 


 

Ringrazzjament tal-Papa fi tmiem il-Quddiesa

 

Fi tmiem iż-żjara tiegħi, nixtieq ngħid “grazzi” lill-persuni u r-realtajiet kollha li kkollaboraw għat-twettiq tagħha; nibda minn din l-Arċidjoċesi ta’ Maputo u mir-Ragħaj tagħha, Mons. Francisco Chimoio, li nirringrazzjah għall-ospitalità fraterna u anki għat-tislima ferrieħa li għadu kemm tani f’isem l-aħwa Isqfijiet u l-poplu kollu ta’ Alla. Kelma partikulari ta’ gratitudni tmur għall-President Filipe Nyusi għall-attenzjoni premuruża tiegħu, kemm fuq livell personali, kemm permezz tad-diversi istituzzjonijiet governattivi u l-forzi tas-sigurtà tan-nazzjon. Nirringrazzja lill-membri tal-kumitat organizzattiv u lill-ħafna voluntiera għall-ħidma b’sagrifiċċju u fis-skiet. Inħossni grat lejn il-ġurnalisti u n-nies tajbin kollha li ħarġu minn djarhom biex isellmuli.

 

Ħuti, naf li kellkom tagħmlu sagrifiċċji biex tieħdu sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet u fil-laqgħat… u naf li kollha xxarrabtu, nittama li b’ilma mbierek! Dan napprezzah u nirringrazzjakom minn qalbi. U nħossni grat ukoll lejn dawk kollha li dan ma setgħux jagħmluh minħabba fil-konsegwenzi taċ-ċikluni ta’ dan l-aħħar: għeżież ħuti, xorta ħassejt is-sostenn tagħkom! U ngħid lil kulħadd: għandkom ħafna għalxiex tittamaw! Dan rajtu u missejtu b’idejja f’dawn il-jiem. Nitlobkom, żommu qawwija t-tama; tħallux lil min jisraqhielkom! U m’hemmx mod aħjar kif iżżommu sħiħa t-tama milli billi tibqgħu magħquda, biex ir-raġunijiet kollha li jsostnuha jissaħħu dejjem iżjed f’futur ta’ rikonċiljazzjoni u ta’ paċi fil-Mozambique. Alla jberikkom u l-Omm Verġni tħariskom! U, nitlobkom, tinsewx titolbu għalija. Grazzi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard