Bħal omm li tħobb, il-Knisja tħobb lil uliedha kollha; iżda tindokra u tħares b’għożża għalkollox partikolari lil dawk li huma l-iktar ċkejkna u li ma jistgħux iħarsu lilhom infushom: dan huwa dmir li Kristu nnifsu jgħabbi bih lill-komunità Nisranija kollha kemm hi. Konxja ta’ dan, il-Knisja tgħasses b’mod speċjali sabiex tħares lit-tfal u lill-adulti vulnerabbli.

 

Dan id-dmir ta’ għożża u ħarsien huwa tal-Knisja kollha kemm hi, iżda jrid jiġi eżerċitat b’mod speċjali mir-Ragħajja tagħha. Għaldaqstant l-Isqfijiet djoċesani, l-Eparki u dawk responsabbli għal xi Knisja partikolari għandhom iħarsu b’attenzjoni kbira lill-iktar dgħajfa fost dawk fdati f’idejhom.

 

Il-Liġi Kanonika diġà tipprovdi għat-tneħħija minn uffiċċju ekkleżjastiku “għal raġunijiet gravi”. Dan jolqot saħansitra lill-Isqfijiet Djoċesani, l-Eparki u dawk kollha li skont id-Drittu huma ekwiparati magħhom (ara kan. 193 §1 CIC; kan. 975 §1 CCEO). B’din l-Ittra rrid nisħaq li fost dawn l-imsemmija “raġunijiet gravi” hemm in-negliġenza tal-Isqfijiet fit-twettiq tal-uffiċċju tagħhom, partikolarment f’rabta mal-każi ta’ abbużi sesswali mwettqa fuq minorenni u adulti vulnerabbli kif jingħad fil-Motu Proprju ‘Sacramentorum Sanctitatis Tutela promulgat minn San Ġwanni Pawlu II u emendat mill-predeċessur maħbub tiegħi, Benedittu XVI. F’każi bħal dawn għandha tintuża l-proċedura li ġejja:

 

Artiklu 1

§1. L-Isqof Djoċesan jew Eparka, jew ukoll wieħed li għandu titlu temporanju u huwa responsabbli għal Knisja Partikolari, jew xi ġemgħa oħra ta’ fidili li hi ekwiparata magħha skont il-kan. 368 CIC u l-kan. 313 CCEO, jista’ jiġi leġittimament imneħħi mill-ħatra tiegħu jekk, b’negliġenza, wettaq jew naqas li jwettaq atti u b’hekk ikkaġuna ħsara gravi lil oħrajn, kemm jekk persuni fiżiċi u kemm jekk lill-ġemgħa b’mod sħiħ. Din il-ħsara tista’ tkun fiżika, morali, spiritwali jew patrimonjali.

§2. L-Isqof Djoċesan jew l-Eparka jista’ jitneħħa biss jekk huwa naqas b’mod oġġettivament gravi ħafna mid-diliġenza li l-ministeru pastorali tiegħu jitlob minnu, anki jekk mingħajr ħtija morali serja min-naħa tiegħu.

§3. F’każ ta’ abbuż fuq minorenni u adulti vulnerabbli, huwa biżżejjed li n-nuqqas ta’ diliġenza jkun gravi.

§4. Is-Superjuri Maġġuri ta’ Istituti Reliġjużi u Soċjetajiet ta’ Ħajja Appostolika huma ekwiparati mal-Isqfijiet Djoċesani u l-Eparki.

 

Artiklu 2

§1. Fil-każi kollha fejn jidher ħjiel serju ta’ dak imsemmi fl-artiklu preċedenti, il-Kongregazzjoni kompetenti tal-Kurja Rumana tista’ tiftaħ inkjesta dwar dan il-każ, filwaqt li tavża b’dan lis-suġġett tal-inkjesta u toffrilu l-possibbiltà li jressaq dokumenti u xhieda.

§2. L-Isqof jingħata l-possibbiltà li jiddefendi lilu nnifsu; dan jista’ jagħmlu bil-mezzi kollha offruti mil-liġi. Ikun mgħarraf bl-istadji kollha tal-inkjesta, u dejjem jingħata l-possibbiltà li jiltaqa’ mas-Superjuri tal-Kongregazzjoni. Din il-laqgħa tiġi proposta mid-dikasteru rilevanti anki jekk l-Isqof innifsu ma jiħux l-inizjattiva.

§3. Fid-dawl tal-argumenti preżentati mill-Isqof, il-Kongregazzjoni tista’ tiddeċiedi li tiftaħ inkjesta supplementari.

 

Artiklu 3

§1. Qabel tieħu deċiżjoni, il-Kongregazzjoni tista’ tiltaqa’, kif jixraq, ma’ Isqfijiet jew Eparki oħra mill-istess Konferenza Episkopali jew Sinodu tal-Isqfijiet tal-Knisja sui iuris li tagħha huwa membru l-Isqof jew Eparka li qed jiġi investigat, bl-iskop li jiġi diskuss dan l-istess każ.

§2. Il-Kongregazzjoni taddotta d-determinazzjonijiet tagħha meta miġbura f’Sessjoni Ordinarja.

 

Artiklu 4

Meta t-tneħħija ta’ Isqof titqies bħala f’waqtha, il-Kongregazzjoni tistabbilixxi, skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, jekk:

1°. toħroġx, mill-aktar fis, id-digriet ta’ tneħħija;

2°. tħeġġiġx fraternament lill-Isqof sabiex jippreżenta r-riżenja tiegħu fi żmien ħmistax-il ġurnata. Jekk l-Isqof ma jweġibx f’dan iż-żmien, il-Kongregazzjoni tista’ toħroġ id-digriet ta’ tneħħija.

 

Artiklu 5

Id-deċiżjoni tal-Kongregazzjoni kif imsemmi fl-artikli 3-4 għandha tiġi sottomessa għall-approvazzjoni speċifika tal-Papa li, qabel jieħu deċiżjoni definittiva, jitlob il-parir ta’ Kulleġġ ta’ Ġuristi maħtur apposta għal dan il-għan.

 

Kulma ddeliberajt f’din l-Ittra Appostolika mogħtija Motu Proprju għandu jiġi osservat fil-partijiet kollha tiegħu, minkejja kull ħaġa kuntrarja, ukoll jekk denja ta’ attenzjoni partikolari, u nistabbilixxi li għandu jiġi ppubblikat fil-kummentarju uffiċċjali Acta Apostolicæ Sedis u promulgat fil-ġurnal L’Osservatore Romano, u jidħol fis-seħħ nhar il-5 ta’ Settembru 2016.

 

Il-Vatikan, 4 ta’ Ġunju 2016.

 

Franġisku P.P.

 

miġjuba mit-Taljan għal Malti minn Dun Brendan Mark Gatt