Għeżież ħbieb żgħażagħ,

Nibagħtilkom tislijiet minn qalbi fl-okkażjoni tal-Festival Nazzjonali taż-Żgħażagħ Kattoliċi, li ġabar flimkien tant minnkom fl-Abazija ta’ Mariënkroon fi Nieuwkuijk.  Insellem u nirringrazzja wkoll lill-pastors tagħkom li ħejjew din il-laqgħa bit-tema: Ġdid, Pur u Intèns.

Kif tafu, kull sena jien nikteb messaġġ liż-żgħażagħ tad-dinja bi tħejjija għall-Jum Dinji.  Hekk kif qed nistennew il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ 2016 fi Krakovja, jien ipproponejt vjaġġ spiritwali ta’ tliet snin ibbażat fuq il-Beatitudnijiet.  F’dan it-test straordinarju li nsibu fl-Evanġelju ta’ San Mattew, kapitlu 5,versi 3 sa 12, intom tistgħu ssibu programm konkret tal-ħajja li jservikom ta’ gwida fit-triq lejn l-hena veru.

It-tliet Beatitudnijiet li qed nipproponilkom għar-riflessjoni huma:

Għas-sena 2014: Imberkin il-foqra fl-ispirtu għax tagħhom hi s-Saltna tas-Smewwiet (Mt 5:3)

Għas-sena 2015: Imberkin ta’ qalbhom safja għax huma jaraw ‘l Alla (Mt 5:8)

Għas-sena 2016: Imberkin dawk li jħennu għax huma jsibu l-ħniena (Mt 5:7)

Kif qed taraw il-messaġġ tal-Beatitudnijiet ta’ Ġesù huwa ġdid.  Fil-fatt il-Beatitudnijiet huma rivoluzzjonarji.  Jippreżentaw mudell ta’ hena kuntrarju għall-loġika tad-dinja.  Dawk li Ġesù jsejħilhom “imbierkin” id-dinja tqishom bħala “telliefa” mingħajr siwi.  Dak li tigglorifika d-dinja huwa s-suċċess akkost ta’ kollox, l-għana, il-poter bħala għan fih innifsu u l-affermazzjoni personali a skapitu tal-oħrajn.

Ġesù joffri definizzjoni ferm differenti tat-tifsira tal-kelma “imberkin”.  Hu jurina t-triq lejn ħajja awtentika u hienja, it-triq li Hu stess għadda minna.  Ġesù nnifsu hu t-triq!  Tul ħajtu wriena konkretament kif għandna ngħixu kull waħda mill-Beatitudnijiet.

Ġesù jħobb lil kull wieħed u waħda minnkom b’imħabba infinita!  Bil-mewt tiegħu fuq is-salib u bil-qawmien tiegħu Hu ta prova tal-ħniena bla tarf tiegħu, offrilna s-salvazzjoni u fetħilna t-triq għal ħajja ġdida.  Ladarba aħna naċċettaw imħabbtu u s-salvazzjoni li ġabilna, darba aħna nikkontemplaw lil Ġesù fil-faqar tiegħu, fil-purità ta’ qalbu, ħnientu, nirrealiżżaw kemm hi sabiħa l-vokazzjoni nisranija tagħna u ma noqogħodux naħsbuha darbtejn biex nibdew mixjin fit-triq lejn l-hena veru. 

Għalhekk nistedinkom biex tibdew dan il-vjaġġ eċċitanti ta’ dixxipulat veru.  “Tibżgħux minn Kristu!  Dak ma jeħdilkom xejn u jtikom kollox” (Benedittu XVI).

Għeżież ħuti, meta San Ġwann kiteb liż-żgħażagħ, qalilhom: “Intom b’saħħitkom u l-Kelma t’Alla tinsab fikom u għelibtu lix-xitan” (1 Ġwanni 2:14.  Iż-żgħażagħ iridu jgħixu esperjenzi intènsi!  Nisfidakom biex lil Alla teħduh fil-kelma.  Għidu le għal dak li hu effimeru, superfiċjali u għall-kultura tal-iskart, kultura li tassumi li int m’għandekx qawwa, li m’għandekx ħila taffaċċja sfidi kbar f’ħajtek.  Aħsbu “kbir”!  Kif kien qal darba l-Beatu Giorgio Frassati: “Li tgħix mingħajr fidi, li ma jkollokx wirt xi tħares, li kontinwament iċċedi l-armi meta għandek tiddefendi s-sewwa, dik mhix ħajja.  Hu tkaxkir.  Aħna qatt m’għandna ngħaddu ħajja mkaxkra imma ngħixu verament”.

Jalla l-Verġni Marija, li l-ġenerazzjonijeit kollha jsejħulha “Beata” (Luqa 1:48), tinterċedi għalikom biex ikollkom esperjenza ta’ hena ġdid, pur u intèns, hena li tistgħu ssibuha biss f’Ġesù.  Lil kull wieħed u waħda minnkom, lill-familji tagħkom u liż-żgħażagħ kollha tal-Olanda, minn qiegħ qalbi nagħtikom il-barka tiegħi bħala rahan ta’ hena u paċi.

 

Mill-Vatikan, illum il-25 ta’ Ġunju 2014.

Franġisku

 

Miġjub għall-Malti mill-Ingliż minn Joe Huber