Għeżież ħuti,

 

“Kull min jilqa’ wieħed minn dawn iċ-ċkejknin minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili; u min jilqa’ lili, ikun jilqa’ mhux lili, imma lil dak li bagħatni” (Mk 9:37; ara Mt 18:5; Lq 9:48; Ġw 13:20). B’dan il-kliem l-Evanġelisti jfakkru lill-komunità Nisranija xi ħaġa li jgħallimna Ġesù, li timliena bl-entużjażmu u, fl-istess ħin, tgħabbina bir-responsabbiltà. Dan il-kliem, fil-fatt, jurina t-triq li żgur twassalna għand Alla, li titlaq mill-iżjed ċkejknin u tgħaddi mill-Feddej, fid-dinamika ta’ min kapaċi jilqa’. Naslu għandu propju meta nilqgħu: Alla sar wieħed minna, permezz ta’ Ġesù sar tarbija, u hu meta niftħu qalbna b’fidi għal Alla li nimtlew bit-tama. Dan isib il-milja tiegħu meta bi mħabba nersqu lejn min hu l-iżgħar u l-iktar dgħajjef. Il-karità, il-fidi u t-tama kollha jidħlu fl-Opri tal-Ħniena li dan il-Ġublew Straordinarju reġa’ fakkarna fihom, kemm dawk li jmissu l-ġisem u kemm ir-ruħ.

 

Iżda l-Evanġelisti jitkellmu wkoll dwar ir-responsabbiltà ta’ min imur kontra l-ħniena: “Min jagħti skandlu lil wieħed minn dawn iċ-ċkejknin li jemmnu fija, ikun aħjar għalih li jdendlulu ma’ għonqu ġebla tat-tħin minn dawk li jdawru l-ħmir, u jgħarrquh f’qiegħ ta’ baħar” (Mt 18:6; ara Mk 9:42; Lq 17:2). Din iċ-ċanfira iebsa bilfors iġġiegħlek taħseb fil-persuni bla qalb li jisfruttaw tfal subien u bniet billi jdaħħluhom fid-dinja tal-prostituzzjoni jew tal-pornografija, jagħmluhom skjavi tax-xogħol minorili jew iħarrġuhom bħala suldati, idaħħluhom fit-traffikar tad-droga u forom oħra ta’ delinkwenza, jew iġegħluhom jaħarbu minħabba ġlied u persekuzzjonijiet, bir-riskju li jispiċċaw waħidhom u abbandunati.

 

Għalhekk, meta bħal kull sena nkunu nfakkru l-Jum Dinji tal-Immigrant u r-Refuġjat, inħoss li għandi niġbed l-attenzjoni mill-ġdid fuq ir-realtà tal-immigranti taħt l-età, speċjalment dawk li jinsabu waħidhom, u nħeġġeġ lil kulħadd biex jieħu ħsieb liċ-ċkejknin li huma tliet darbiet vulnerabbli, għaliex taħt l-età, barranin u ma jafux jiddefendu ruħhom. Dan speċjalment meta, għal raġunijiet differenti, ikollhom jgħixu ’l bogħod minn art twelidhom u mifrudin mill-imħabba tal-familja.

 

L-immigrazzjoni, illum il-ġurnata, mhix fenomenu marbut biss ma’ xi ftit partijiet tad-dinja, imma tmiss il-kontinenti kollha u qed tikber u ssir kwistjoni traġika u dinjija. Mhux qed nitkellmu biss dwar persuni li qed ifittxu xogħol dinjituż jew kundizzjonijiet ta’ ħajja aħjar, iżda anki dwar irġiel u nisa, anzjani u tfal li jkollhom jitilqu minn djarhom bit-tama li jsalvaw ħajjithom u li jsibu l-paċi u s-sigurtà xi mkien ieħor. Huma fuq kollox dawk taħt l-età li jħallsu l-prezz qares tal-immigrazzjoni, li ħafna drabi tkun ikkawżata mill-vjolenza, il-miżerja u l-kundizzjonijiet tal-ambjent, fatturi li magħhom tiżdied ukoll il-globalizzazzjoni fl-aspetti negattivi tagħha. Il-ġirja sfrenata lejn il-qligħ faċli u ta’ malajr twassal anki għaż-żieda ta’ fenomeni li jkexkxuk bħalma huma t-traffikar tat-tfal, l-isfruttament u l-abbuż tat-tfal taħt l-età u, b’mod ġenerali, iċ-ċaħda tad-drittijiet marbutin mat-tfulija msemmijin fil-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet tat-Tfal

 

Peress li hija parikularment delikata, l-età żgħira ġġib magħha bżonnijiet uniċi u li ma jistgħux jiġu miċħuda. Qabel kollox it-tfal għandhom id-dritt għal ambjent ta’ familja b’saħħtu u protett fejn ikunu jistgħu jikbru b’omm u missier li jiggwidawhom u jagħtuhom eżempju tajjeb; imbagħad għadhom id-dritt u d-dmir li jirċievu edukazzjoni tajba, prinċipalment fil-familja u anki fl-iskola, fejn iċ-ċkejknin ikunu jistgħu jikbru bħala persuni u protagonisti kemm fil-futur tagħhom stess u kemm f’dak tan-nazzjon. Huwa fatt li f’ħafna postijiet fid-dinja, li titgħallem taqra, tikteb u taħdem il-matematika l-iktar bażika huwa biss privileġġ tal-ftit. Kull tifel taħt l-età, imbagħad, għandu d-dritt li jilgħab u jkollu ħin ta’ mistrieħ u divertiment. Għandhom id-dritt, insomma, li jkunu tfal.

 

Fost l-immigranti, it-tfal huma l-grupp l-aktar vulnerabbli għaliex, filwaqt li għadhom qed jagħtu l-ewwel titwila lejn ħajjithom, bilkemm jidhru u ma jistgħux isemmgħu leħinhom: il-ħajja prekarja, bla dokumenti, taħbihom għad-dinja; il-fatt li magħhom m’hemmx adulti jwassal biex il-vuċi tagħhom ma tinstemax. B’dan il-mod, huwa faċli li l-immigranti taħt l-età jispiċċaw fl-iktar livell baxx li fih jista’ jispiċċa l-bniedem, fejn l-illegalità u l-vjolenza ma jdumux ma joħonqu l-futur ta’ wisq innoċenti, filwaqt li x-xibka tal-abbuż fuq it-tfal diffiċli tinfidha.

 

X’għandha tkun ir-risposta tagħna quddiem din ir-realta?

 

Qabel kollox, irridu nkunu konxji li l-fenomenu tal-immigrazzjoni mhuwiex maqtugħ mill-istorja tas-salvazzjoni, anzi jagħmel parti minnha. Miegħu nsibu marbut kmandament ta’ Alla: “La taħqarx ’il-barrani, u la tgħakksux, għax intom ukoll kontu barranin fl-art tal-Eġittu” (Eż 22:20); “Ħobbu l-barrani, għax intom barranin kontu fl-art tal-Eġittu” (Dt 10:9). Dan il-fenomenu huwa sinjal taż-żminijiet, sinjal li jitkellem dwar l-aġir mimli providenza ta’ Alla fl-istorja u fil-komunità umana fid-dawl tal-komunjoni universali. Il-Knisja, għalkemm ma tiċħadx il-problemi, id-diżgrazzji u t-traġedji li spiss iġġib magħha l-immigrazzjoni, kif ukoll id-diffikultajiet marbutin ma’ li toffri akkoljenza ta’ dinjità lil dawn il-persuni, tagħmlilna l-qalb u tagħraf il-pjan ta’ Alla f’dan il-fenomenu, żgura li ħadd mhu barrani fil-komunità Nisranija li tilqa’ “kull ġens u tribù, poplu u lsien” (Apk 7:9). Kulħadd hu prezzjuż, il-persuni huma iktar importanti mill-affarijiet, u l-valur ta’ kull istituzzjoni jitkejjel bil-mod li bih din tittratta l-ħajja u d-dinjità tal-persuna umana, l-iktar fejn ikun hemm kundizzjoni ta’ vulnerabbiltà, bħal fil-każ tal-immigranti taħt l-età.

 

Barra minn hekk, hemm bżonn li nagħtu importanza lill-ħarsien, lill-integrazzjoni u li noffru soluzzjonijiet dejjiema.

 

Qabel kollox, hemm bżonn li tittieħed kull miżura possibbli biex lill-immigranti taħt l-età niggarantulhom li nħarsuhom u niddefenduhom, għaliex “dawn iż-żgħażagħ spiss jispiċċaw fit-toroq, abbandunati għal riħhom u fil-mira ta’ min jista’ jisfruttahom bla skrupli, li ħafna drabi, jagħmel minnhom oġġett ta’ vjolenza fiżika, morali u sesswali” (Benedittu XVI, Messaġġ għall-Jum Dinji tal-Immigrant u r-Refuġjat 2008).

 

Wara kollox, il-linja li tifred l-immigrazzjoni mit-traffikar tista’ tkun waħda sottili ħafna. Huma ħafna dawk il-fatturi li jgħinu biex l-immigranti jkunu vulnerabbli, speċjalment iż-żgħar: il-faqar u n-nuqqas ta’ mezzi għall-għajxien – u magħhom inżidu l-aspettattivi irreali li jinħolqu mill-midja; in-numru żgħir ta’ persuni li jafu jaqraw u jiktbu; l-injoranza fejn jidħlu liġijiet, kultura u spiss anki fejn tidħol lingwa tal-pajjiż li qiegħed jilqagħhom. Dan kollu jġegħelhom ikunu dipendenti kemm fiżikament u kemm psikoloġikament. Iżda l-ikbar kawża tal-isfruttament u l-abbuż fuq it-tfal hija d-domanda. Jekk mhux se jinstab mod effettiv u rigoruż biex jitwaqqaf min jisfruttahom, mhux se jieqfu l-ħafna forom ta’ skjavitù li tagħhom qed jaqgħu vittma t-tfal.

 

Hemm bżonn, għalhekk, li l-immigranti, propju għall-ġid ta’ wliedhom, jaħdmu id f’id mal-komunitajiet li jkunu qed jilqgħuhom. B’sens ta’ gratitudni nsemmu l-organiżmi u l-istituzzjonijiet, tal-Knisja u ċivili, li b’impenn kbir joffru l-ħin u r-riżorsi biex iħarsu lit-tfal mill-ħafna forom ta’ abbużi. Importanti li jkun hemm kollaborazzjoni dejjem iżjed effettiva, imsejsa mhux biss fuq il-qsim ta’ informazzjoni, iżda wkoll fuq l-intensifikazzjoni ta’ xbieki li kapaċi jiżguraw interventi f’waqthom u preċiżi. Dan mingħajr ma nissottovalutaw li l-qawwa straordinarja tal-komunitajiet tal-Knisja tidher fuq kollox meta tkun imxierka fit-talb u l-komunjoni fil-fraternità.

 

It-tieni, hemm bżonn li naħdmu biex nintegraw lill-immigranti tfal u żgħażagħ. Huma jiddependu għalkollox fuq il-komunità tal-adulti u, ħafna drabi, in-nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji jwassal biex ma jitteħdux biżżejjed miżuri fejn tidħol politika tal-akkoljenza, assistenza u inklużjoni. Konsegwenza ta’ dan, minflok ikun hemm ħidma biex l-immigranti taħt l-età jintegraw fis-soċjetà, jew ħolqien ta’ programmi ta’ ripatrijazzjoni assistita u bla riskji, qed isiru biss sforzi biex dawn jitwaqqfu milli jidħlu fil-pajjiż, ħaġa li qed twassal biex iktar persuni jduru għall-mezzi illegali; jew dawn jiġu mibgħuta lura f’pajjiżhom mingħajr ma jiġi żgurat li dan ikun verament fl-interess tagħhom.

 

Il-kundizzjoni tal-immigranti taħt l-età taggrava meta jidħlu fil-pajjiż b’mod irregolari jew meta jidħlu fil-kriminalità organizzata. F’dan il-każ spiss jispiċċaw f’ċentri ta’ detenzjoni. Mhuwiex rari, fil-fatt, li jiġu arrestati u, peress li ma jkollhomx flus biex iħallsu l-pleġġ jew il-vjaġġ biex imorru lura f’pajjiżhom, jistgħu jibqgħu għal żmien twil magħluqin f’dawn iċ-ċentri, fejn jiltaqgħu ma’ abbużi u vjolenza ta’ kull tip. F’dawn il-każijiet, id-dritt tal-pajjiżi li jikkontrollaw l-influss tal-immigrazzjoni u li jħarsu l-ġid komuni nazzjonali għandu jimxi id f’id mad-dmir li titħares u tiġi regolarizzata l-pożizzjoni tal-immigranti taħt l-età, b’rispett sħiħ lejn id-dinjità tagħhom u billi jitqiesu l-bżonnijiet li jista’ jkollhom, meta jinsabu waħidhom, iżda wkoll il-bżonnijiet tal-ġenituri tagħhom, għall-ġid tal-familja kollha.   

 

Hu mbagħad ta’ importanza kbira li kull pajjiż jadotta proċeduri u pjanijiet ta’ koperazzjoni u li dawn jaqblu fuqhom kemm il-pajjiż minn fejn ġejjin l-immigranti u kemm il-pajjiż li qed jilqagħhom, biex b’hekk ikunu jistgħu jiġu eliminati l-kawżi li jwasslu għall-immigrazzjoni ta’ min hu taħt l-età.

 

It-tielet, nixtieq mill-qalb nagħmlilkom ilkoll appell sabiex infittxu u nadottaw soluzzjonijiet fit-tul. Peress li qed nitkellmu dwar problema kumplessa, il-kwistjoni tal-immigranti taħt l-età naffrontawha mill-għeruq. Gwerer, ksur tad-drittijiet umani, korruzzjoni, faqar, nuqqas fl-ekwilibriji u diżastri ambjentali huma xi wħud mill-affarijiet li jikkawżaw il-problema. It-tfal huma l-ewwel li jbatu, u ġieli jsofru vjolenza u torturi fiżiċi, morali u psikoloġiċi, li fihom iħallu sinjali li ħafna drabi ma jistgħux jitħassru.

 

Għalhekk, huwa indispensabbli li l-pajjiżi minn fejn ġejjin l-immigranti jaffrontaw il-kawżi li qed joħolqu din il-problema. Hu meħtieġ, bħala l-ewwel pass, l-impenn tal-Komunità Internazzjonali kollha biex jitwaqqfu l-ġlied u l-vjolenza li qed iġiegħlu lill-persuni jaħarbu. Barra minn hekk, bla dubju jrid ikun hemm viżjoni fit-tul, kapaċi taħseb fi programmi xierqa għal dawk il-postijiet milquta mill-inġustizzji u l-instabbiltajiet l-aktar gravi, b’tali mod li kulħadd ikollu l-possibbiltà għall-iżvilupp awtentiku, li jkun ta’ ġid għat-tfal, li huma t-tama tal-umanità.

 

Fl-aħħar nett, nixtieq ngħid kelma lilkom, li tkunu mat-tfal u ż-żgħażagħ fil-mixja tal-immigrazzjoni; huma għandhom bżonnha l-għajnuna prezzjuża tagħkom, u anki l-Knisja għandha bżonnkom u tagħtikom sostenn f’dan is-servizz ġeneruż li toffru. Tegħjew qatt tkunu xhieda qalbiena tal-Evanġelju, li jsejħilkom biex tagħrfu u tilqgħu lil Ġesù li jinsab f’min hu l-iktar żgħir u dgħajjef.

 

Nafda lill-immigranti ċkejknin, il-familji tagħhom, il-komunitajiet tagħhom, u lilkom li tgħinuhom, taħt il-ħarsien tal-Familja Mqaddsa ta’ Nazaret, sabiex tħares lil kull wieħed u waħda minnkom u magħkom timxi t-triq; u ma’ din it-talba nżid il-Barka Appostolika.

 

Mill-Vatikan, 8 ta’ Settembru 2016, Festa tat-Twelid tal-Imqaddsa Verġni Marija.

 

Franġisku

 

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Rossana Cremona