L

A

I

K

0

S

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta

Home  

Ikkuntattjana

 

Nikkomunikaw it-tama u l-fiduċja fi żmienna

 

 

 

 

MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

GĦALL-51 JUM DINJI TAL-KOMUNIKAZZJONI SOĊJALI

 

“La tibżax għax jien miegħek” (Is 43:5)

Nikkomunikaw it-tama u l-fiduċja fi żmienna

 

24 ta' Jannar 2017

 

Grazzi għall-iżvilupp teknoloġiku, l-aċċess għall-mezzi ta’ komunikazzjoni hu hekk kbir li ħafna suġġetti għandhom il-possibbiltà li jaqsmu l-aħbarijiet dak il-ħin stess u jqassmuhom b’mod dettaljat. Dawn l-aħbarijiet jistgħu jkunu sbieħ jew koroh, veri jew foloz. Diġà l-missirijiet qodma tagħna fil-fidi tkellmu dwar il-ħsieb uman bħala l-blata tal-mitħna li, meta mċaqilqa mill-ilma, ma tistax tiġi mwaqqfa. Imma min hu inkarigat mill-mitħna jista’ jiddeċiedi jitħanx qamħ jew sikrana. Il-ħsieb tal-bniedem hu dejjem fl-azzjoni u ma jistax jieqaf “jitħan” dak li jirċievi, imma f’idejna biex niddeċiedu liema materjal infornu (ara Kassjanu r-Ruman, Ittra lil Leonzju Igumenu).

 

Nixtieq li dan il-messaġġ jasal u jagħmel il-qalb lil dawk kollha li, kemm fil-qasam professjonali u kemm fir-relazzjonijiet personali, ta’ kuljum “jitħnu” tant informazzjoni biex joffru ħobż imfewwaħ u tajjeb lil dawk li jgħixu fuq il-frott tal-komunikazzjoni tagħhom. Nixtieq insejjaħ lil kulħadd għal komunikazzjoni kostruttiva li tirrifjuta l-preġudizzji lejn l-oħrajn u tiffavorixxi kultura tal-laqgħa, li grazzi għaliha nistgħu nitgħallmu nħarsu lejn ir-realtà b’fiduċja konxja.

 

Nemmen li hemm bżonn inkissru ċ-ċirku vizzjuż tat-tensjoni u ma nħallux il-biża’ jkompli jikber, minħabba fid-drawwa li nixħtu l-attenzjoni fuq “l-aħbarijiet koroh” (gwerer, terroriżmu, skandli u kull tip ta’ falliment fil-ħajja tal-bniedem). Ċertament, ma jfissirx li nxerrdu informazzjoni żbaljata fejn ninjoraw it-traġedja tat-tbatija, lanqas li ninxteħtu f’ottimiżmu inġenwu li jibqa’ b’idejh fuq żaqqu quddiem l-iskandlu tal-ħażen. Għall-kuntrarju, nixtieq li kulħadd ifittex li jmur lil hemm minn dak is-sentiment ta’ skuntentizza u ta’ rassenjazzjoni li spiss jaħkimna, fejn nintelqu fl-apatija, ħaġa li tnissel fina biża’ jew l-impressjoni li l-ħażen ma jistax jiġi mrażżan. Mill-bqija, f’sistema ta’ komunikazzjoni fejn tgħodd il-loġika li aħbar tajba ma tagħmilx ħoss u allura mhix aħbar, u fejn it-traġedja tat-tbatija u l-misteru tal-ħażen faċilment isir spettaklu minnhom, nistgħu niġu ttentati rraqqdu l-kuxjenza tagħna jew niżolqu fil-qtigħ il-qalb.

 

Għalhekk nixtieq noffri kontribut lit-tiftixa ta’ stil ta’ komunikazzjoni miftuħ u kreattiv, li ma jkun qatt lest iċedi lill-ħażen ir-rwol ta’ protagonista, imma jfittex li jixħet dawl fuq is-soluzzjonijiet possibbli, u jnebbaħ fil-persuni li lilhom jikkomunika l-aħbar approċċ proposittiv u responsabbli. Nixtieq nistieden lil kulħadd biex joffri lill-irġiel u lin-nisa ta’ żmienna rakkonti mmarkati mil-loġika tal-“aħbar it-tajba”.

 

L-aħbar it-tajba

Il-ħajja tal-bniedem mhix biss kronaka xotta ta’ ġrajjiet, imma hi storja, storja li qed tistenna li tiġi rrakkontata permezz tal-għażla ta’ muftieħ interpretattiv li kapaċi jagħżel u jiġbor il-fatti l-iżjed l-importanti. Ir-realtà, fiha nfisha, m’għandhiex tifsira univoka. Kollox jiddipendi mill-ħarsa li biha tiġi milqugħa, min-“nuċċali” li bih nagħżlu li nħarsu lejha: jekk nibdlu l-lenti, anki r-realtà tidher differenti. Mnejn allura nistgħu nitilqu biex naqraw ir-realtà bin-“nuċċali” t-tajjeb?

 

Għalina l-Insara, in-nuċċali t-tajjeb biex naqraw ir-realtà ma jistax ħlief ikun dak tal-aħbar it-tajba, ibda mill-Aħbar it-Tajba per eċċellenza: “l-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu l-Iben ta’ Alla” (Mk 1:1). B’dawn il-kelmiet l-evanġelista Mark jiftaħ ir-rakkont tiegħu, bit-tħabbira tal-“bxara t-tajba” li għandha x’taqsam ma’ Ġesù, imma iżjed milli hu tagħrif fuq Ġesù, pjuttost hu l-aħbar it-tajba li hu Ġesù nnifsu. Aħna u naqraw il-paġni tal-Vanġelu niskopru, fil-fatt, li t-titlu tal-opra jikkorrispondi mal-kontenut tagħha u, fuq kollox, li dan il-kontenut hu l-istess persuna ta’ Ġesù.

 

Din l-aħbar it-tajba li hi Ġesù mhux għax ma fihiex tbatija hi tajba, imma għax anki t-tbatija tingħax fi kwadru usa’, parti integrali mill-imħabba tiegħu għall-Missier u għall-bnedmin. Fi Kristu, Alla daħal f’solidarjetà ma’ kull qagħda umana, u wriena li m’aħniex waħidna għax għandna Missier li qatt ma jista’ jinsa lil uliedu. “La tibżax għax jien miegħek” (Is 43:5): din hi l-kelma ta’ faraġ ta’ Alla li sa minn dejjem daħal fl-istorja tal-poplu tiegħu. F’Ibnu l-maħbub, din il-wegħda ta’ Alla – “jiena miegħek” – tieħu fuqha d-dgħufija kollha tagħna sa ma tasal biex tmut bil-mewt tagħna. Fiha anki d-dlamijiet u l-mewt isiru post ta’ komunjoni mad-Dawl u l-Ħajja. Hekk titnissel tama, aċċessibbli għal kulħadd, propju fil-post fejn il-ħajja ltaqgħet mal-imrar tal-falliment. Hi tama li ma tqarraqx, għax l-imħabba ta’ Alla ssawbet fi qlubna (ara Rum 5:5) u twarrad f’ħajja ġdida bħalma x-xitla tikber miż-żerriegħa li waqgħet. F’dan id-dawl kull traġedja ġdida li sseħħ fl-istorja tad-dinja ssir ukoll xenarju ta’ aħbar tajba possibbli, ladarba l-imħabba dejjem jirnexxielha ssib it-triq tal-qrubija u tqanqal qlub li kapaċi jitqanqlu, uċuħ li jafu ma jitmewtux, dirgħajn lesti li jibnu.

 

Il-fiduċja fiż-żerriegħa tas-saltna

Biex idaħħal lid-dixxipli tiegħu u lill-folol f’din il-mentalità tal-Vanġelu u jagħtihom in-“nuċċali” t-tajjeb li bih jistgħu jersqu għal-loġika tal-imħabba li tmut u tirxoxta, Ġesù nqeda bil-parabboli, li fihom is-Saltna ta’ Alla spiss hi mqabbla maż-żerriegħa, li l-qawwa li hemm fiha li tagħti l-ħajja toħroġ meta hi tmut fl-art (ara Mk 4:1-34). Li jinqeda bi xbihat u metafori biex jikkomunika l-qawwa umli tas-Saltna mhux mod biex inaqqas mill-importanza u l-urġenza tagħha, imma l-forma ħanina li tħalli lis-semmiegħ l-“ispazju” ta’ libertà biex jilqagħha u japplikaha anki għalih innifsu. Barra minn hekk, hi t-triq ipprivileġġjata biex jesprimi d-dinjità hekk għolja tal-Misteru tal-Għid, billi jħalli x-xbihat – iktar milli l-kunċetti – jikkomunikaw il-ġmiel paradossali tal-ħajja ġdida fi Kristu, fejn l-ostilità u s-salib ma jiġux fix-xejn imma jwettqu s-salvazzjoni ta’ Alla, fejn id-dgħufija hi aqwa minn kull qawwa umana, fejn il-falliment jista’ jkun il-preludju għall-ikbar twettiq ta’ kull ħaġa fl-imħabba. Propju hekk, fil-fatt, timmatura u tapprofondixxi ruħha t-tama tas-Saltna ta’ Alla: “Bħal meta raġel ikun xeħet iż-żerriegħa fl-art. Rieqed jew imqajjem, billejl jew binhar, iż-żerriegħa tinbet u tikber, bla ma jaf kif” (Mk 4:26-27).

 

Is-Saltna ta’ Alla diġà hi fostna, bħal żerriegħa moħbija mill-ħarsa superfiċjali u li tikber fis-skiet. Min ħalla lill-Ispirtu s-Santu jiċċaralu l-ħarsa tiegħu, jirnexxielu jaraha twarrad u ma jħallix lil min jisraqlu l-ferħ tas-Saltna minħabba fis-sikrana li hi dejjem preżenti.

 

L-ixfqa tal-Ispirtu

It-tama mibnija fuq l-aħbar it-tajba li hi Ġesù tgħollilna ħarsitna u twassalna biex nikkontemplawh fil-kuntest liturġiku tal-festa tat-Tlugħ is-Sema. Meta jidher li l-Mulej qed jitbiegħed minna, fir-realtà l-ixfqa jitwessgħu mit-tama. Fil-fatt, kull bniedem, fi Kristu, li jgħolli l-umanità sas-Sema, jista’ b’libertà sħiħa jidħol “fis-Santwarju bis-saħħa tad-demm ta’ Ġesù billi ngħaddu mit-triq, ġdida u ħajja, li hu fetħilna ’l ġewwa mill-velu, li hu l-ġisem tiegħu stess” (Lhud 10:19-20). Permezz tal-“qawwa tal-Ispirtu s-Santu” nistgħu nkunu “xhieda” u komunikaturi ta’ umanità ġdida, mifdija, “sa truf l-art” (ara Atti 1:7-8).

 

Il-fiduċja fiż-żerriegħa tas-Saltna ta’ Alla u fil-loġika tal-Għid ma tistax ma ssawwarx ukoll il-mod ta’ kif aħna nikkomunikaw. Din hi l-fiduċja li tagħmilna kapaċi naħdmu – fid-diversi forom li fihom isseħħ il-komunikazzjoni llum – bil-persważjoni li possibbli naraw u niddawlu bil-bxara t-tajba preżenti fir-realtajiet ta’ kull storja u fil-wiċċ ta’ kull persuna.

 

Min, bil-fidi, iħalli l-Ispirtu s-Santu jmexxih, isir kapaċi jiddixxerni f’kull ġrajja dak li jseħħ bejn Alla u l-bnedmin, u jagħraf kif Hu nnifsu, fix-xenarju drammatiku ta’ din id-dinja, qed jinseġ l-istorja tas-salvazzjoni. Il-ħajta li biha jinseġ din l-istorja mqaddsa hi t-tama u l-ħajjat tagħha mhux ħlief l-Ispirtu Konsolatur. It-tama hi l-iktar ċkejkna fost il-virtujiet, għax tibqa’  moħbija fit-tinjiet tal-ħajja, imma tixbah lill-ħmira li ttella’ l-għaġna kollha. Aħna nsaħħuha billi naqraw dejjem mill-ġdid il-Bxara t-Tajba, dak il-Vanġelu li “reġa’ ġie stampat” f’tant edizzjonijiet fil-ħajjiet tal-qaddisin, irġiel u nisa li saru ikoni tal-imħabba ta’ Alla. Anki llum hu l-Ispirtu li jiżra’ fina x-xewqa għas-Saltna, permezz ta’ tant “kanali” ħajjin, permezz tal-persuni li jħallu l-Bxara t-Tajba tmexxihom qalb id-dramm tal-istorja, u huma bħal fanali fid-dalma ta’ din id-dinja, li jdawlu r-rotta u jiftħu mogħdijiet ġodda ta’ fiduċja u tama.

 

Mill-Vatikan, 24 ta’ Jannar 2017

 

Franġisku

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard