| 
												   
												   | 
												
												   
												
												
												
												MESSAĠĠ 
												TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA 
												FRANĠISKU 
												
												
												
												GĦAS-XXVII JUM DINJI TAL-MARID 
												2019 
												
												
												
												  
												
												
												
												“B’xejn 
												ħadtu, b’xejn agħtu”
												
												
												(Mt 10:8) 
												
												
												  
												
												
												
												Għeżież ħuti, 
												
												
												  
												
												
												“B’xejn ħadtu, b’xejn agħtu” 
												(Mt 10:8).
												
												
												Dawn huma l-kelmiet li qal Ġesù 
												meta bagħat lill-Appostli biex 
												ixandru l-Evanġelju, sabiex 
												is-Saltna tiegħu tinfirex 
												b’ġesti ta’ mħabba gratuwita. 
												
												
												  
												
												
												Fl-okkażjoni tas-XXVII
												
												
												Jum Dinji tal-Marid,
												
												
												li ser jiġi ċċelebrat b’mod 
												solenni f’Kalkutta, fl-Indja, 
												fil-11 ta’ Frar 2019, il-Knisja, 
												Omm tal-ulied kollha tagħha, fuq 
												kollox ta’ dawk morda, tfakkarna 
												li l-ġesti ta’ għotja gratuwita, 
												bħal dak tas-Samaritan 
												it-Tajjeb, huma t-triq kredibbli 
												tal-evanġelizzazzjoni. Il-ħsieb 
												tal-morda għandu bżonn ta’ 
												professjonalità u tal-ħlewwa, 
												ta’ ġesti gratuwiti, immedjati u 
												sempliċi bħalma hija żegħila, li 
												bihom wieħed jgħin lill-ieħor 
												iħossu “għażiż”. 
												
												
												  
												
												
												Il-ħajja hija għotja ta’ Alla, u 
												kif iwissina San Pawl:
												
												
												“X’għandek 
												li ma ngħatalikx?” 
												(1 Kor 4:7).
												
												
												Proprju għaliex hija għotja, 
												l-eżistenza ma tistax tiġi 
												meqjusa sempliċiment xi ħaġa li 
												għandek jew xi proprjetà 
												privata, b’mod speċjali quddiem 
												il-konkwisti tal-mediċina u 
												tat-teknoloġija bijoloġika li 
												jistgħu jwasslu lill-bniedem 
												biex jaqa’ fit-tentazzjoni li 
												jimmanipula s-“siġra tal-ħajja” 
												(ara Ġen 3:24).
												 
												
												
												  
												
												
												Quddiem il-kultura tar-rimi u 
												tal-indifferenza, irrid nafferma 
												b’insistenza li l-għotja għandha 
												tiġi mqiegħda bħala mudell li 
												kapaċi jisfida l-individwaliżmu 
												u l-frammentazzjoni soċjali ta’ 
												żmienna, biex iġġib ’il quddiem 
												relazzjonijiet u forom oħra ta’ 
												koperazzjoni umana bejn popli u 
												kulturi. Id-djalogu, li minnu 
												nnifsu jitqiegħed bħala 
												presuppost tal-għotja, jiftaħ 
												spazji ta’ relazzjoni li jgħinu 
												lill-bniedem jikber u 
												jiżviluppa, li kapaċi jkissru 
												skemi tal-eżerċizzju tal-poter 
												tas-soċjetà li ilhom imwaqqfin. 
												Li tagħti mhux l-istess 
												bħall-azzjoni li fiha wieħed 
												jagħti rigal, dan għaliex tista’ 
												tissejjaħ għotja dik l-azzjoni 
												li fiha wieħed jagħti lilu 
												nnifsu. Għalhekk ma tistax tiġi 
												ridotta għal sempliċi 
												trasferiment ta’ xi proprjetà 
												jew ta’ xi oġġett. Hija 
												tingħażel mir-rigal proprju 
												għaliex hija tħaddan l-għotja 
												tal-persuna nfisha u tissupponi 
												x-xewqa li twaqqaf rabta ta’ 
												relazzjoni. L-għotja, għalhekk, 
												hija l-ewwel u qabel kollox 
												għarfien reċiproku, li huwa 
												l-karattru indispensabbli 
												tar-rabta soċjali. Fl-għotja 
												hemm rifless tal-imħabba ta’ 
												Alla, li tilħaq il-quċċata 
												fl-inkarnazzjoni tal-Iben Ġesù u 
												l-għotja tal-Ispirtu s-Santu.   
												
												
												  
												
												
												Kull bniedem huwa fqir, 
												fil-bżonn u fil-ħtieġa. Meta 
												nitwieldu, biex ngħixu għandna 
												bżonn il-ħarsien tal-ġenituri 
												tagħna, u hekk ukoll f’kull fażi 
												u tappa tal-ħajja kull wieħed 
												minna ma jirnexxielu qatt 
												jinħeles kompletament mill-bżonn 
												u l-għajnuna ta’ xi ħadd ieħor, 
												ma jirnexxielu qatt iwarrab 
												minnu nnifsu l-limiti 
												tal-impotenza quddiem xi ħadd 
												jew quddiem xi ħaġa. Anki din 
												hija kundizzjoni li 
												tikkaratterizza lilna li aħna 
												“ħlejjaq”. Li wieħed jagħraf 
												b’sinċerità din il-verità 
												twasslu biex jibqa’ umli u biex 
												b’kuraġġ jipprattika 
												s-solidarjetà bħala virtù 
												indispensabbli għall-eżistenza. 
												  
												
												
												  
												
												
												Li nkunu konxji minn dan 
												jimbuttana biex l-imġiba tagħna 
												tkun responsabbli u li 
												tirresponsabilizza, bl-għan 
												tal-ġid li huwa inseparabbilment 
												kemm personali u kemm komuni.  
												Huwa biss meta l-bniedem jasal 
												biex jara lilu nnifsu mhux bħala 
												dinja fih innifsu, iżda bħala 
												wieħed li min-natura tiegħu 
												stess huwa marbut mal-oħrajn 
												kollha, li oriġinarjament 
												iħossuhom bħala “aħwa”, li ssir 
												possibbli mġiba soċjali ta’ 
												solidarjetà msejsa fuq il-ġid 
												komuni. M’għandniex nibżgħu 
												nagħrfu lilna nfusna fil-bżonn u 
												li mhux dejjem aħna kapaċi li 
												nagħtu lilna nfusna dak kollu li 
												neħtieġu, għaliex weħidna u 
												bil-qawwa tagħna biss ma 
												jirnexxilniex nirbħu kull 
												limitu. M’għandniex nibżgħu 
												nagħrfu dan, għaliex Alla 
												nnifsu, f’Ġesù, iċċekken 
												
												(ara Fil 2:8)
												u tbaxxa fuqna u 
												fuq il-faqar tagħna biex jgħinna 
												u jagħtina dak il-ġid li weħidna 
												ma nistgħux nakkwistaw. 
												  
												
												
												  
												
												
												F’din iċ-ċirkustanza 
												taċ-ċelebrazzjoni solenni 
												fl-Indja, nixtieq infakkar 
												b’ferħ u ammirazzjoni l-figura 
												ta’ Santa Madre Tereża ta’ 
												Kalkutta, mudell ta’ karità li 
												għamlet viżibbli l-imħabba ta’ 
												Alla għall-foqra u għall-morda. 
												Kif affermajt dakinhar 
												tal-kanonizzazzjoni tagħha,
												
												
												“Madre 
												Tereża qassmet b’ġenerożità 
												l-ħniena divina, u għal kulħadd 
												kienet disponibbli bl-akkoljenza 
												u l-ħarsien tal-ħajja umana, dik 
												li għadha ma twelditx u dik 
												mitluqa u mormija. 
												[…] 
												
												Mielet lejn il-persuni mifnija, 
												mitluqa jmutu fuq il-ġnub 
												tat-toroq, u għarfet 
												
												fihom 
												
												dik id-dinjità li Alla 
												
												żejjinhom biha; 
												semmgħet leħinha quddiem 
												is-setgħanin ta’ din l-art, biex 
												jintebħu bil-ħtijiet tagħhom 
												quddiem il-krimini 
												
												[…] 
												
												tal-faqar maħluq minnhom stess.
												
												
												Il-ħniena kienet għaliha 
												l-‘melħ’ li jagħti togħma lil 
												kull ħidma, u d-‘dawl’ li jimla 
												d-dlamijiet ta’ dawk li bilkemm 
												dmugħ ma kien fadlilhom biex 
												setgħu jibku l-faqar u t-tbatija 
												tagħhom. Il-missjoni tagħha 
												fit-truf tal-bliet u 
												fil-periferiji eżistenzjali 
												tibqa’ fi żmienna xhieda 
												tgħajjat ta’ kemm Alla hu qrib 
												tal-iżjed foqra fost il-foqra” 
												(Omelija, 
												4 Settembru 2016).
												 
												
												
												  
												
												
												Santa Madre Tereża tgħinna 
												nifhmu li l-uniku kriterju ta’ 
												azzjoni għandha tkun l-imħabba 
												gratuwita lejn kulħadd mingħajr 
												distinzjoni ta’ lsien, kultura, 
												etnija u reliġjon. L-eżempju 
												tagħha jkompli jmexxina biex 
												niftħu orizzonti ta’ ferħ u ta’ 
												tama għall-umanità li teħtieġ 
												min jifhimha u għandha bżonn 
												il-ħlewwa, fuq kollox għal dawk 
												li jbatu.  
												
												
												  
												
												
												Il-gratuwità tal-bniedem hija 
												l-ħmira tal-azzjoni 
												tal-voluntiera li huma ta’ 
												importanza kbira fis-settur 
												soċjo-sanitarju u li jgħixu 
												b’mod ċar l-ispiritwalità 
												tas-Samaritan it-Tajjeb. 
												 Nirringrazzja u ninkuraġġixxi 
												l-assoċjazzjonijiet ta’ 
												volontarjat li jieħdu ħsieb 
												it-trasport u l-għajnuna 
												tal-morda, dawk li jagħmlu 
												d-donazzjoni tad-demm, 
												tat-tessuti u tal-organi. Qasam 
												speċjali li fih il-preżenza 
												tagħkom tesprimi l-attenzjoni 
												tal-Knisja huwa dak tal-ħarsien 
												tad-drittijiet tal-morda, fuq 
												kollox ta’ dawk li jbatu minn 
												patoloġiji li jitolbu kura 
												speċjali, mingħajr ma ninsa 
												l-qasam tas-sensibilizzazzjoni u 
												tal-prevenzjoni. Huma ta’ 
												importanza fundamentali 
												s-servizzi tagħkom ta’ 
												volontarjat fl-istrutturi 
												sanitarji u fid-djar, li jmorru 
												mill-għajnuna sanitarja 
												sas-sostenn spiritwali. Igawdu 
												minn din il-ħidma ħafna persuni 
												morda, weħidhom, anzjani, dawk 
												bi fraġilità psikika u 
												b’diżabbiltajiet oħra. 
												Inħeġġiġkom biex tkomplu tkunu 
												sinjal tal-preżenza tal-Knisja 
												fid-dinja sekularizzata. 
												Il-voluntier huwa ħabib 
												dizinteressat, li miegħu wieħed 
												jista’ jaqsam ħsibijietu u 
												l-emozzjonijiet tiegħu; permezz 
												tas-smigħ huwa joħloq 
												il-kundizzjonijiet li bihom 
												il-marid, minn oġġett passiv ta’ 
												kura, isir suġġett attiv u 
												protagonist ta’ relazzjonijiet 
												reċiproċi, kapaċi li jirkupra 
												t-tama u jkun iktar dispost li 
												jaċċetta t-terapiji. 
												Il-volontarjat jikkomunika 
												l-valuri, imġibiet u stili ta’ 
												ħajja li għandhom fil-qalba 
												tagħhom il-ħmira tal-għotja. 
												 
												
												
												  
												
												
												Id-dimensjoni tal-gratuwità 
												għandha tanima fuq kollox 
												l-istrutturi Kattoliċi 
												tas-saħħa, għaliex hija l-loġika 
												tal-Vanġelu li tikkwalifika 
												l-ħidma tagħhom,
												
												
												kemm f’dawk il-postijiet li huma 
												avvanzati u kemm f’dawk li huma 
												l-iktar foqra fid-dinja. 
												L-istrutturi Kattoliċi huma 
												msejħa biex jesprimu s-sens 
												tal-għotja, tal-gratuwità u 
												tas-solidarjetà, bi tweġiba 
												għal-loġika tal-profitt akkost 
												ta’ kollox, li tagħti biex 
												tieħu, tal-isfruttament li ma 
												jħarisx lejn il-persuni.    
												
												
												  
												
												
												Inħeġġeġ lil kulħadd, fuq 
												diversi livelli, biex iġġibu ’l 
												quddiem il-kultura tal-gratuwità 
												u tal-għotja, li huma 
												indispensabbli biex tiġi 
												ssuperata l-kultura tal-profitt 
												u tar-rimi. L-istituzzjonijiet 
												sanitarji Kattoliċi m’għandhomx 
												jispiċċaw ikkummerċjalizzati, 
												imma jħarsu l-kura tal-persuna 
												iktar milli l-qligħ. Nafu li 
												s-saħħa hija waħda ta’ 
												relazzjoni, tiddependi 
												mill-interazzjoni mal-oħrajn u 
												għandha bżonn ta’ tama, 
												ħbiberija u solidarjetà, hija 
												ġid li jista’ jitgawda biss 
												“bis-sħiħ” jekk maqsum ma’ 
												oħrajn. Il-ferħ tal-għotja 
												gratuwita huwa dak li juri 
												s-saħħa tan-Nisrani. 
												
												
												  
												
												
												Nafdakom ilkoll lil Marija,
												
												
												Salus infirmorum.
												
												
												Hija tgħinna biex naqsmu 
												l-għotjiet li rċivejna fi spirtu 
												ta’ djalogu u li nilqgħu lil 
												xulxin, li ngħixu bħal aħwa 
												attenti għall-ħtiġijiet ta’ 
												xulxin, inkunu nafu nagħtu 
												b’qalb ġeneruża, u nitgħallmu 
												l-ferħ tas-servizz 
												diżinteressat. Lil kulħadd 
												b’affett niżgura li nkun qrib 
												tagħkom bit-talb u nagħtikom 
												minn qalbi l-Barka Appostolika.
												 
												
												
												
												  
												
												
												
												Mill-Vatikan, 
												25 ta’ 
												Novembru 
												2018 
												
												
												Solennità 
												
												ta’ Sidna Ġesù Sultan 
												tal-univers. 
												
												
												  
												
												
												
												Franġisku 
												
												
												
												  
												
												
												
												  
												
												
												
												miġjub mit-Taljan għall-Malti 
												minn Mons. Renato Borg 
												   |