1. Fil-ftuħ ta’ din is-sena ġdida nawgura minn qalbi s-sliem lill-popli u lill-pajjiżi tad-dinja, lill-Mexxejja tal-Istat u tal-Gvern, kif ukoll lil dawk responsabbli mill-komunitajiet reliġjużi u mid-diversi espressjonijiet tas-soċjetà ċivili. Nixtieq il-paċi lil kull raġel, mara, tifel u tifla u nitlob biex is-sura u x-xbieha ta’ Alla f’kull persuna jgħinuna nagħrfu f’xulxin doni qaddisa mżejna b’dinjità mill-aktar għolja. Fuq kollox, fejn hemm il-gwerra, nirrispettaw din id-“dinjità l-iżjed profonda”[1] u nagħmlu min-non-vjolenza attiva l-istil tal-ħajja tagħna.

 

Dan hu l-Messaġġ għall-50 Jum Dinji tal-Paċi. Fil-bidu nett, kien il-Beatu Pawlu VI li dar lejn il-popli kollha, mhux biss lejn il-Kattoliċi, bi kliem tassew ċar: “Saflaħħar ħareġ ċar li l-paċi hi l-unika linja vera tal-progress uman (mhux it-tensjonijiet ta’ nazzjonaliżmi ambizzjużi, mhux ir-rebħiet vjolenti, mhux is-soppressjonijiet li jġibu ordni ċivili falz)”. Hu wissa dwar il-“periklu li nemmnu li l-kontroversji internazzjonali ma jistgħux jissolvew bit-triq tar-raġuni, jiġifieri bit-trattattivi msejsa fuq il-liġi, il-ġustizzja, l-ekwità, imma biss b’dik tal-qawwiet militari u qerrieda”. Bil-maqlub, waqt li jikkwota l-Pacem in terris tal-predeċessur tiegħu San Ġwanni XXIII, hu jfaħħar “is-sens u l-imħabba tal-paċi msejsa fuq il-verità, fuq il-ġustizzja, fuq il-libertà, fuq l-imħabba”.[2] Tolqotna l-attwalità ta’ dawn il-kelmiet, li llum, mhux b’inqas minn ħamsin sena ilu, huma importanti u qed jagħfsu fuqna.

 

F’din l-okkażjoni nixtieq nieqaf fuq in-non-vjolenza bħala stil ta’ politika ta’ paċi u nitlob lil Alla jgħin lilna lkoll napplikaw din in-non-vjolenza fil-profondità tas-sentimenti u l-valuri personali tagħna. Ħa jkunu l-karità u n-non-vjolenza li jmexxu l-mod kif nittrattaw lil xulxin fir-relazzjonijiet interpersonali, f’dawk soċjali u f’dawk internazzjonali. Meta jagħrfu jirreżistu lit-tentazzjonijiet tal-vendetta, il-vittmi tal-vjolenza jistgħu jkunu l-protagonisti l-iżjed kredibbli tal-proċessi non-vjolenti li jġibu l-paċi. Mil-livell soċjali u ta’ kuljum sa dak tal-ordni dinji, ħa tkun in-non-vjolenza l-istil karatteristiku tad-deċiżjonijiet tagħna, tar-relazzjonijiet tagħna, tal-azzjonijiet tagħna, tal-politika fix-xejriet kollha tagħha.

 

Dinja mkissra

2. Is-seklu li għadda kien mifni minn żewġ gwerer dinjija qerrieda, ra t-theddida tal-gwerra nukleari u għadd kbir ta’ kunflitti oħra, waqt li llum b’xorti ħażina qed neħduha ma’ gwerra dinjija terribbli miġġielda f’biċċiet. Mhux faċli nifhmu jekk id-dinja llum hix iżjed jew inqas vjolenti minn kif kienet ilbieraħ, lanqas jekk il-mezzi moderni ta’ komunikazzjoni u ċ-ċaqliq li jikkaratterizza lil żmienna humiex jagħmluna iżjed konxji mill-vjolenza jew iżjed imdorrijin biha.

 

Hu x’inhu, din il-vjolenza li qed isseħħ “f’biċċiet”, f’modi u fuq livelli diversi, qed tipprovoka tbatijiet kbar li nafuhom sewwa: gwerer f’bosta pajjiżi u kontinenti; terroriżmu, kriminalità u attakki armati imprevedibbli; l-abbużi fuq l-immigranti u l-vittmi tat-traffikar; il-qerda tal-ambjent. U għaliex dan? Il-vjolenza qed twassalna biex nilħqu għanijiet b’valur li jibqa’? Dak kollu li qed iġġib magħha mhuwiex forsi li tqanqal ritaljazzjonijiet u eskalazzjoni ta’ kunflitti qerrieda li minnhom igawdu biss il-ftit “sinjuri tal-gwerra”?

 

Il-vjolenza mhix il-kura għad-dinja mtertqa tagħna. Jekk għall-vjolenza nwieġbu bil-vjolenza, dan l-aktar l-aktar jista’ jwassal għal migrazzjonijiet imġiegħla u għal tbatijiet enormi, għax kwantitajiet kbar ta’ riżorsi jmorru għal skopijiet militari u jinsterqu mill-bżonnijiet ta’ kuljum taż-żgħażagħ, tal-familji fil-bżonn, tal-anzjani, tal-morda, tal-parti l-kbira ta’ dawk li jgħixu fid-dinja. L-agħar li jista’ jiġri hu li twassal għall-mewt, fiżika u spiritwali, ta’ ħafna, jekk mhux ta’ kulħadd.

 

Il-Bxara t-Tajba

3. Anki Ġesù għex fi żminijiet ta’ vjolenza. Hu għallem li l-veru kamp tal-battalja, fejn niġu wiċċ imb wiċċ mal-vjolenza u l-paċi, hi l-qalb tal-bniedem: “Għax hu minn ġewwa, mill-qalb tal-bniedem, li joħorġu l-ħsibijiet il-ħżiena” (Mk 7:21). Imma l-messaġġ ta’ Kristu, quddiem din ir-realtà, joffri t-tweġiba radikalment pożittiva: hu pprietka bla heda l-imħabba bla qies ta’ Alla li jilqa’ u jaħfer, u għallem lid-dixxipli tiegħu kif iħobbu lill-għedewwa tagħhom (ara Mt 5:44) u jdawrulhom ħaddhom l-ieħor (ara Mt 5:39). Meta żamm lil dawk li kienu qed jixlu lill-adultera milli jħaġġruha (ara Ġw 8:1-11) u meta, fil-lejl qabel ma miet, qal lil Pietru biex idaħħal is-sejf lura fl-għant tiegħu (ara Mt 26:52), Ġesù fittex it-triq tan-non-vjolenza, li mexa sal-aħħar, sas-salib, li permezz tiegħu wettaq is-sliem u ġarraf il-mibegħda (ara Efes 2:14-16). Għalhekk, min jilqa’ l-Bxara t-Tajba ta’ Ġesù, jagħraf il-vjolenza li jġorr ġo fih innifsu u jħalli l-ħniena ta’ Alla tfejqu, u hekk isir hu stess strument ta’ rikonċiljazzjoni, skont is-sejħa ta’ San Franġisk ta’ Assisi: “Il-paċi li xxandru b’fommkom, araw li tkun iktar kotrana fi qlubkom”.[3]

 

Li nkunu veri dixxipli ta’ Ġesù llum ifisser li nilqgħu wkoll il-proposta tiegħu ta’ non-vjolenza. Din – kif afferma l-predeċessur tiegħi Benedittu XVI – “hi realistika, għax iżżomm f’moħħha li fid-dinja hawn wisq vjolenza, wisq inġustizzja, u għalhekk ma nistgħux negħlbu din is-sitwazzjoni jekk mhux billi npattu għaliha b’iżjed imħabba, iżjed tjieba. Dan l-‘iżjed’ ġej minn Alla”.[4] U hu żied b’qawwa kbira: “In-non-vjolenza għall-Insara mhix sempliċi tattika, imma mod ta’ kif tkun il-persuna, l-atteġġjament ta’ min hu hekk konvint mill-imħabba ta’ Alla u mill-qawwa tiegħu, li ma jibżax jeħodha mal-ħażen sempliċement bl-armi tal-imħabba u tal-verità. L-imħabba tal-għadu hi l-qalba tar-‘rivoluzzjoni Nisranija’.[5] Bir-raġun il-Vanġelu ta’ ħobbu lill-għedewwa tagħkom (ara Lq 6:27) hu meqjus ‘il-magna charta tan-non-vjolenza Nisranija’: dan ma jikkonsistix f’li ‘nħallu l-ħażen jirbaħna […] imma li nirbħu l-ħażen bit-tajjeb’ (ara Rum 12:17-21), u hekk inqaċċtu l-katina tal-inġustizzja”.[6]

 

Aqwa mill-vjolenza

4. In-non-vjolenza xi drabi hemm min jifhimha bħala sens ta’ ċediment, telqa u passività, imma fir-realtà mhix hekk. Meta Madre Teresa rċiviet il-Premju Nobel għall-Paċi fl-1979, iddikjarat ċar il-messaġġ tagħha ta’ non-vjolenza attiva: “Fil-familja tagħna m’għandniex bżonn ta’ bombi u ta’ armi, li neqirdu biex inġibu l-paċi, imma biss li noqogħdu flimkien, li nħobbu lil xulxin […] U nistgħu negħlbu l-ħażen kollu li hawn fid-dinja”.[7] Għax il-qawwa tal-armi hi qarrieqa. “Waqt li t-traffikanti tal-armi qed jagħmlu x-xogħol tagħhom, hemm il-fqajra li jġibu l-paċi li sempliċiment biex jgħinu persuna, u oħra, u oħra, u oħra, jagħtu ħajjithom”; għal dawn li jġibu l-paċi, Madre Teresa hi “simbolu, ikona ta’ żminijietna”.[8] F’Settembru li għadda bi pjaċir kbir ipproklamajtha Qaddisa. Faħħart id-disponibbilità tagħha lejn kulħadd permezz tal-“akkoljenza u l-ħarsien tal-ħajja umana, dik li għadha ma twelditx u dik mitluqa u mormija. […] Mielet lejn il-persuni mifnija, mitluqa jmutu fuq il-ġnub tat-toroq, u għarfet fihom dik id-dinjità li Alla żejjinhom biha; semmgħet leħinha quddiem is-setgħanin ta’ din l-art, biex jintebħu bil-ħtijiet tagħhom quddiem il-krimini – quddiem il-krimini! – tal-faqar maħluq minnhom stess”.[9] Bi tweġiba, il-missjoni tagħha – u f’dan tirrappreżenta eluf, anzi miljuni ta’ persuni – kienet li marret tiltaqa’ mal-vittmi b’ġenerożità u dedikazzjoni, billi messet u nfaxxat kull ġisem miġruħ, fejqet kull ħajja mkissra.

 

In-non-vjolenza pprattikata b’determinazzjoni u koerenza ġabet riżultati impressjonanti. Is-suċċessi miksuba minn Mahatma Gandhi u Khan Abdul Ghaffar Khan fil-liberazzjoni tal-Indja, u minn Martin Luther King Jr kontra d-diskriminazzjoni razzjali qatt ma jistgħu jintesew. In-nisa, b’mod partikulari, spiss huma mexxejja ta’ non-vjolenza, bħal, ngħidu aħna, Leymah Gbowee u eluf ta’ nisa Liberjani, li organizzaw laqgħat ta’ talb u protesta non-vjolenti (pray-ins) u rnexxielhom jiksbu negozjati ta’ livell għoli b’risq it-tmiem tat-tieni gwerra ċivili fil-Liberja.

 

Lanqas nistgħu ninsew id-deċennju epokali li għalaq bil-waqgħa tar-reġimi Komunisti fl-Ewropa. Il-komunitajiet Insara taw sehemhom bit-talb insistenti u l-azzjoni kuraġġjuża. Ta’ influwenza speċjali kienu l-ministeru u l-maġisteru ta’ San Ġwanni Pawlu II. Fir-riflessjoni tiegħu fuq il-ġrajjiet tal-1989 fl-Enċiklika Centesimus annus (1991), il-predeċessur tiegħi wera li bidla epokali fil-ħajja tal-popli, tan-nazzjonijiet u tal-Istati tista’ titwettaq “permezz ta’ ġlieda paċifika, li tuża biss l-armi tal-verità u tal-ġustizzja”.[10] Din il-mixja ta’ transizzjoni politika lejn il-paċi setgħet isseħħ ukoll grazzi “għall-impenn non-vjolenti ta’ bnedmin li, waqt li dejjem irrifjutaw li jċedu għall-qawwa tal-forza, minn żmien għal żmien għarfu jagħżlu xejriet effikaċi biex jagħtu xhieda tal-verità”. U għalaq: “Jalla l-bnedmin jitgħallmu jitqabdu għall-ġustizzja mingħajr vjolenza, jirrifjutaw il-ġlieda soċjali fil-kontroversji interni u l-gwerra f’dawk internazzjonali”.[11]

 

Il-Knisja impenjat ruħha biex twettaq strateġiji non-vjolenti ta’ promozzjoni tal-paċi f’ħafna pajjiżi, u sa wasslet lill-atturi l-iżjed vjolenti biex jagħmlu sforzi biex jibnu paċi ġusta u li ttul.

 

Dan l-impenn favur il-vittmi tal-inġustizzja u tal-vjolenza mhux patrimonju tal-Knisja Kattolika waħidha, imma hu ta’ bosta tradizzjonijiet reliġjużi, li għalihom “il-ħniena u n-non-vjolenza huma essenzjali u jindikaw it-triq tal-ħajja”.[12] Dan intennih bil-qawwa: “L-ebda reliġjon mhi terrorista”.[13] Il-vjolenza hi profanazzjoni tal-isem ta’ Alla.[14] Dan ma negħjew qatt intennuh: “L-isem ta’ Alla ma jista’ qatt jiġġustifika l-vjolenza. Il-paċi waħidha hi qaddisa. Il-paċi biss hi qaddisa, mhux il-gwerra!”.[15]

 

L-għeruq domestiċi ta’ politika non-vjolenti

5. Jekk il-vjolenza tibda mill-qalb tal-bnedmin, allura hu fundamentali nfittxu t-triq tan-non-vjolenza qabelxejn fi ħdan il-familja nfisha. Dan hu aspett ta’ dak il-ferħ tal-imħabba li ppreżentajt f’Marzu li għadda fl-Eżortazzjoni appostolika Amoris lætitia, fi tmiem sentejn ta’ riflessjoni min-naħa tal-Knisja fuq iż-żwieġ u l-familja. Il-familja hi l-forġa indispensabbli li permezz tagħha l-miżżewġin, il-ġenituri u l-ulied, l-aħwa jitgħallmu jikkomunikaw u jieħdu ħsieb ta’ xulxin b’mod diżinteressat, u fejn in-nuqqas ta’ qbil u saħansitra l-ġlied għandhom jingħelbu mhux bil-forza, imma bid-djalogu, ir-rispett, it-tiftix tal-ġid tal-ieħor, il-ħniena u l-maħfra.[16] Minn ġol-familja l-ferħ tal-imħabba jixtered fid-dinja u jdawwal is-soċjetà kollha.[17] Min-naħa l-oħra, etika ta’ fraternità u ta’ koeżistenza paċifika bejn il-persuni u bejn il-popli ma tistax tissejjes fuq il-loġika tal-biża’, tal-vjolenza u tal-għeluq, imma fuq ir-responsabbiltà, fuq ir-rispett u fuq id-djalogu sinċier. F’dan is-sens, nagħmel sejħa biex neħilsu mill-armi, kif ukoll biex nipprojbixxu u nneħħu l-armi nukleari: it-tbeżżigħ bl-armi nukleari u t-theddida li hi garanzija li wieħed jeqred lill-ieħor ma jistgħu bl-ebda mod isawru din it-tip ta’ etika.[18] Bl-istess urġenza nitlob li jieqfu l-vjolenza domestika u l-abbużi fuq in-nisa u t-tfal.

 

Il-Ġublew tal-Ħniena, li għalaqna f’Novembru li għadda, kien stedina biex inħarsu fil-fond tal-qalb tagħna u nħallu l-ħniena ta’ Alla tidħol fiha. Is-Sena Mqaddsa għenitna nsiru iżjed konxji minn kemm hawn persuni u gruppi soċjali differenti li qed jiġu ttrattati b’indifferenza, huma vittmi ta’ inġustizzja u jġarrbu vjolenza. Dawn jagħmlu parti mill-“familja” tagħna, huma ħutna. Għalhekk il-politika ta’ non-vjolenza għandha tibda minn bejn il-ħitan tad-dar biex imbagħad tixtered fil-familja sħiħa tal-bnedmin. “L-eżempju ta’ Santa Teresa ta’ Lisieux jistedinna nipprattikaw it-triq iż-żgħira tal-imħabba, biex ma nitilfux l-opportunità ta’ kelma ġentili, ta’ tbissima, ta’ kull ġest ċkejken li jiżra’ l-paċi u l-ħbiberija.  Ekoloġija integrali hi magħmula wkoll minn ġesti sempliċi ta’ kuljum li fihom inkissru l-loġika tal-vjolenza, l-abbuż, l-egoiżmu”.[19]

 

L-istedina tiegħi

6. Il-bini tal-paċi permezz tan-non-vjolenza attiva hu element meħtieġ u koerenti bl-isforzi kontinwi tal-Knisja biex tillimita l-użu tal-forza permezz tan-normi morali, permezz tas-sehem tagħha fil-ħidmiet tal-istituzzjonijiet internazzjonali u grazzi għall-kontribut kompetenti ta’ tant Insara fl-elaborazzjoni tal-liġi fuq kull livell. Ġesù nnifsu fl-hekk imsejjaħ Diskors tal-Muntanja joffrilna “manwal” ta’ din l-istrateġija li twassal għall-paċi. It-tmien Beatitudnijiet (ara Mt 5:3-10) jagħtuna l-profil tal-persuna li nistgħu nsejħulha hienja, twajba u awtentika. Henjin ta’ qalbhom ħelwa – jgħid Ġesù –, dawk li jħennu, dawk li jġibu l-paċi, is-safja f’qalbhom, dawk li huma bil-ġuħ u l-għatx għall-ġustizzja.

 

Dan hu wkoll programm u sfida għall-mexxejja politiċi u reliġjużi, għal dawk responsabbli mill-istituzzjonijiet internazzjonali u d-diriġenti ta’ negozji u tal-midja tad-dinja kollha: li japplikaw il-Beatitudnijiet fid-dinja li fiha jħaddmu r-responsabbiltajiet tagħhom. Sfida biex jibnu s-soċjetà, il-komunità jew il-kumpanija li tagħha huma responsabbli bl-istil ta’ dawk li jġibu l-paċi; li jagħtu prova ta’ ħniena billi jirrifjutaw li jarmu lill-persuni, jagħmlu l-ħsara lill-ambjent jew li jirbħu jkun xi jkun il-prezz. Dan jitlob id-disponibbiltà li wieħed “jaċċetta li jġarrab il-kunflitt, isewwih u jibdlu f’ħolqa li tgħaqqad proċess ġdid”.[20] Li wieħed jaħdem b’dan il-mod ifisser li jagħraf jagħżel is-solidarjetà bħala stil li bih jikteb l-istorja u jibni l-ħbiberija soċjali. In-non-vjolenza attiva hi mod kif nuru li tassew l-għaqda hi aqwa u iktar għammiela mill-ġlied. Fid-dinja kollox marbut ma’ xulxin b’mod intimu.[21] Ċertament, jista’ jiġri li d-differenzi jġibu t-tilwim: ejjew naffrontawhom b’mod kostruttiv u non-vjolenti, hekk li “t-tensjonijiet u l-opposti jistgħu jaslu għal għaqda ta’ bosta forom li ġġib ħajja ġdida”, billi ngħożżu “l-potenzjalitajiet prezzjużi tal-polaritajiet li huma f’kuntrast ma’ xulxin”.[22]

 

Niżgurakom li l-Knisja Kattolika sa ssieħeb kull tentattiv biex tinbena l-paċi anki permezz tan-non-vjolenza attiva u kreattiva. Fl-1 ta’ Jananr 2017 qed jara d-dawl id-Dikasteru ġdid għas-Servizz tal-Iżvilupp Sħiħ tal-Bniedem, li sa jgħin lill-Knisja tippromovi b’mod dejjem iżjed effikaċi “l-ġid bla qies tal-ġustizzja, tal-paċi u tal-ħarsien tal-ħolqien” u l-għożża għall-immigranti, “dawk fil-bżonn, il-morda u l-imwarrba, l-emarġinati u l-vittmi tal-ġlied bl-armi u tal-katastrofi naturali, il-ħabsin, dawk qiegħda u l-vittmi ta’ kull xorta ta’ jasar u ta’ tortura”.[23] Kull azzjoni f’din id-direzzjoni, tkun kemm tkun umli, tista’ tgħin biex nibnu dinja iktar ħielsa mill-vjolenza, l-ewwel pass lejn il-ġustizzja u l-paċi.

 

Għeluq

7. Kif inhi t-tradizzjoni, qed niffirma dan il-Messaġġ fit-8 ta’ Diċembru, festa tal-Immakulata Kunċizzjoni tal-Verġni Mqaddsa Marija. Marija hi s-Sultana tal-Paċi. Fit-twelid ta’ Binha, l-anġli sebbħu lil Alla u awguraw is-sliem fid-dinja lill-bnedmin ta’ rieda tajba (ara Lq 2:14). Nitolbu lill-Verġni Marija biex turina t-triq.

 

“Kollha nixtequha l-paċi; tant persuni jibnuha ta’ kuljum b’ġesti ċkejknin; ħafna qed ibatu u jġarrbu bis-sabar it-taħbit ta’ tant tentattivi biex jibnuha”.[24] Matul l-2017, ejjew inħabirku, bit-talb u bl-azzjoni, biex insiru persuni li keċċew il-vjolenza minn qalbhom, minn kliemhom u mill-ġesti tagħhom, u biex nibnu komunitajiet non-vjolenti, li jieħdu ħsieb ta’ din id-dar komuni. “Xejn mhu impossibbli jekk induru lejn Alla fit-talb. Kollha nistgħu nkunu bennejja tal-paċi”.[25]

 

Mill-Vatikan, 8 ta’ Diċembru 2016

 

Franġisku

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 


 

[1] Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 228.

[2] Messaġġ għaċ-ċelebrazzjoni tal-1 Jum Dinji tal-Paċi, 1 ta’ Jannar 1968.

[3] Leggenda dei tre compagniFonti Francescane, n. 1469.

[4] Angelus, 18 ta’ Frar 2007.

[5] Ibid.

[6] Ibid.

[7] Madre Teresa, Diskors għall-Premju Nobel, 11 ta’ Diċembru 1979.

[8] Meditazzjoni It-triq tal-paċi”, Kappella tad-Domus Sanctae Marthæ, 19 ta’ Novembru 2015.

[9] Omelija għall-kanonizzazzjoni tal-Beata Madre Teresa ta’ Calcutta, 4 ta’ Settembru 2016.

[10] N. 23.

[11] Ibid.

[12] Diskors fl-Udjenza interreliġjuża, 3 ta’ Novembru 2016.

[13] Diskors fit-3 Laqgħaa Dinjija tal-Movimenti Popolari, 5 ta’ Novembru 2016.

[14] Ara Diskors fil-Laqgħa max-Xejk tal-Musulmani tal-Kawkasu u ma’ Rappreżentanti tal-Komunitajiet reliġjużi l-oħra, Baku, 2 ta’ Ottubru 2016.

[15] Diskors, Assisi, 20 ta’ Settembru 2016.

[16] Ara Eżortazzjoni appostolika postsinodali Amoris lætitia, 90-130.

[17] Ara ibid., 133.194.234.

[18] Ara Messaġġ fl-okkażjoni tal-Konferenza fuq l-impatt umanitarju tal-armi nukleari, 7 ta’ Diċembru 2014.

[19] Enċiklika Laudato si’, 230.

[20] Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 227.

[21] Ara Enċiklika Laudato si’, 16, 117, 138.

[22] Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 228.

[23] Ittra appostolika f’għamla ta’ “Motu Propju” li biha jwaqqaf id-Dikasteru għas-Servizz tal-Iżvilupp Sħiħ tal-Bniedem, 17 ta’ Awwissu 2016.

[24] Regina Cæli, Betlehem, 25 ta’ Mejju 2014.

[25] Appell, Assisi, 20 ta’ Settembru 2016.