L

A

I

K

0

S

 

Home  

Kuntatt

 

Messaġġ tal-Qdusija tiegħu Papa Franġisku għall-Ġurnata Missjunarja Dinjija 2018 

 

 

 

 

Messaġġ tal-Qdusija tiegħu Papa Franġisku
Għall-Ġurnata Missjunarja Dinjija 2018
 

Flimkien maż-Żgħażagħ inwasslu l-Evanġelju lil kulħadd. 

 

Għeżież żgħażagħ, nixtieq li flimkien magħkom nirrifletti fuq il-missjoni li Ġesù fdalna f’idejna. Filwaqt li nkellem lilkom, irrid li nindirizza wkoll lill-Insara kollha li qed jgħixu l-avventura ta’ ħajjithom fil-Knisja bħala wlied Alla. Dak li qanqalni biex inkellem lil kulħadd, filwaqt li niddjaloga magħkom, hi ċ-ċertezza li l-fidi nisranija tibqa’ dejjem żagħżugħa meta tkun miftuħa għall-missjoni li Kristu fdalna f’idejna. “Il-missjoni tagħti ħajja ġdida lill-fidi” (Redemptoris missio, 2) kiteb il-Qaddis Ġwanni Pawlu II, Papa li tant ħabb liż-żgħażagħ u li tant iddedika ruħu għalihom.

L-okkażjoni tas-Sinodu, li ser niċċelebraw f’Ruma f’Ottubru li ġej, fix-xahar tal-missjoni, toffrilna l-opportunità biex, fid-dawl tal-fidi, nifhmu aħjar dak li l-Mulej Ġesù jrid jgħid lilkom iż-żgħażagħ, u dak, li permezz tagħkom, irid jgħid lill-komunitajiet insara.

Il-ħajja hi missjoni

Kull raġel u mara huma missjoni, u għalhekk jinsabu hawn fl-art. Il-qalb, l-aktar f’età żagħżugħa, tħoss żewġ tqanqiliet: tħossha attirata u tħossha mibgħuta. Inħossu fina l-qawwa tal-imħabba li twegħedna futur u timbuttana ‘l quddiem fil-ħajja. Ħadd daqs iż-żgħażagħ ma jħoss dik il-qawwa tal-ħajja li tinfed u tattira. Hi sfida kbira li ngħixu b’ferħ ir-responsabbilità li għandna lejn id-dinja. Nifhem sew il-waqtiet ta’ dawl u ta’ dlam li jgħixu ż-żgħażagħ. Meta naħseb f’żgħożiti u fil-familja tiegħi niftakar kemm kienet qawwija t-tama f’ġejjieni aħjar. Il-fatt li ninsabu f’din id-dinja mhux għax iddeċidejna aħna, iwassalna biex nagħrfu li kien hemm inizjattiva li ġiet qabilna u li wasslet għall-eżistenza tagħna. Kull wieħed minna hu msejjaħ biex jirrifletti fuq din ir-realtà: “Jien missjoni  fuq din l-art, u għalhekk ninsab f’din id-dinja”(Evangelii gaudium, 273).

Inħabbrulkom  lil Ġesù Kristu

Filwaqt li tħabbar dak li ġie mogħti lilha b’mod gratwit (ara Mt 10,8; Atti 3,6), il-Knisja  tista’ taqsam magħkom iż-żgħażagħ it-triq u l-verità li jagħtu tifsira lill-ħajja fuq din l-art. Ġesù Kristu, li miet u rxoxta għalina, joffri lilu nnifsu lil-libertà tagħna u jipprovokaha biex tfittex, tiskopri u tħabbar dan is-sens veru tal-ħajja fil-milja tagħha. Għeżież żgħażagħ tibżgħux minn Kristu u mill-Knisja tiegħu! Fihom issibu t-teżor li jimla l-ħajja bil-ferħ. Qed ngħidilkom dan b’esperjenza: huwa grazzi għall-fidi li jien sibt il-bażi soda tal-ħolm tiegħi u l-qawwa biex inwettaq dan il-ħolm. Rajt ħafna tbatija u ħafna faqar jisfiguraw il-wiċċ ta’ bosta minn ħutna l-bnedmin. B’danakollu, meta tibqa’ ma’ Ġesù, il-ħażen iqanqlek biex tħobb dejjem aktar. Ħafna rġiel u nisa, ħafna żgħażagħ taw lilhom infushom b’ġenerożità – xi drabi anki sal-martirju – għall-imħabba tal-Evanġelju, fil-qadi ta’ ħuthom il-bnedmin. Mis-salib ta’ Ġesù nitgħallmu l-loġika divina li twassalna biex noffru lilna nfusna (ara1 Kor 1,17-25) bħala tħabbira tal-Evanġelju għall-ħajja tad-dinja (ara Ġw 3,16). Meta nitkebbsu bl-imħabba għal Kristu, nikkunsmaw lilna nfusna f’dan in-nar, u dan ikabbarna, jdawwalna u jsaħħan lil qlubna (ara 2 Kor 5,14). Nistedinkom għall-iskola tal-qaddisin li jiftħulna orizzonti kbar li jwasslu għand Alla, u f’kull ċirkustanza staqsu lilkom infuskom: “X’kien jagħmel Kristu kieku kien minfloki?”

Nittrażmettu l-fidi sa trufijiet l-art

Intom ukoll, għeżież żgħażagħ, sirtu membri ħajjin tal-Knisja permezz tal-Magħmudija, u flimkien irċvejna l-missjoni li nwasslu l-Evanġelju lil kulħadd. Intom tinsabu fil-fjur ta’ ħajjitkom. Filwaqt li nikbru fil-grazzja tal-fidi mgħoddija lilna mis-Sagramenti tal-Knisja, aħna nidħlu f’dik ix-xmara kbira ta’ xhieda li tħaddan fiha l-ġenerazzjonijiet, fejn l-għerf ta’ min għandu esperjenza jsir xhieda u jimla b’kuraġġ lil min qed iħares lejn il-ġejjieni. Mill-banda l-oħra, l-entużjażmu ġdid taż-żgħażagħ hu sostenn u tama għal min qed joqrob lejn it-tmiem tal-vjaġġ tiegħu fuq l-art. Filwaqt li nies ta’ etajiet differenti jimxu flimkien, il-missjoni tal-Knisja tibni pontijiet bejn il-ġenerzzjonijiet, u l-fidi f’Alla u l-imħabba għall-proxxmu jibnu għaqda profonda.

Din it-trażmissjoni tal-fidi, il-qalba tal-missjoni tal-Knisja, isseħħ billi  wieħed “jittieħed” mill-imħabba, fejn il-ferħ u l-entużjażmu juru s-sens u l-milja tal-ħajja li wieħed ikun sab mill-ġdid. It-tixrid tal-fidi permezz tal-attrazzjoni jitlob qlub miftuħa, imfawra bl-imħabba. L-imħabba ma tistax tpoġġilha limitu:għaliex l-imħabba hi qawwija bħall-mewt (ara Għan 8,6). Dan it-tixrid tal-fidi jiġġenera encounter, xhieda, tħabbira; jiġġenera l-qsim fil-karità ma’ dawk kollha li huma ‘l bogħod mill-fidi, li huma indifferenti u xi drabi forsi anki ostili u kontra l-fidi. Ambjenti umani, kulturali u reliġjużi li huma barranija għall-Evanġelju ta’ Ġesù u għall-preżenza sagramentali tal-Knisja jirrappreżentaw il-periferiji estremi. Dawn huma “t-trufijiet tal-art” fejn Ġesù bagħat lid-dixxipli missjunarji tiegħu sa minn meta qam mill-mewt, filwaqt li żgurhom li l-Mulej ser jibqa’ dejjem magħhom (ara Mt 28,20; Atti 1,8). Dan hu dak li aħna nsejħulu missio ad gentes. Il-periferija l-aktar deżolata tal-umanità, li tant għandha bżonn  ta’ Kristu, hija dik fejn hemm l-indifferenza lejn il-fidi, u jekk mhux ukoll il-mibegħda  kontra il-milja divina tal-ħajja. Kull faqar materjali u spiritwali, kull diskriminazzjoni lejn ħutna hi dejjem konsegwenza taċ-ċaħda t’Alla u tal-imħabba tiegħu.

Għeżież żgħażagħ, it-trufijiet tal-art kollha llum saru għalikom xi ħaġa relattiva u faċli taslu biex “tinnavigaw” fiha. Id-dinja diġitali - in-networks soċjali li faċli ssibhom u li xterdu ma’ kullimkien – xejnu l-fruntieri, eliminaw id-distanzi u naqqsu d-differenzi. Kollox jidher li tista’ tasal għalih malajr, kollox qrib u immedjat. Iżda mingħajr ir-rigal sinċier tal-ħajja jista’ jkollna eluf u eluf ta’ kuntatti, iżda qatt ma naslu għal vera komunjoni tal-ħajja. Fil-vokazzjoni mogħtija lilna minn Dak li poġġiena fuq din l-art, il-missjoni sa trufijiet l-art titlob minna r-rigal tagħna nfusna ((ara Lq  9,23-25). Nazzarda ngħid li għal żagħżugħ li jrid jimxi wara Kristu, l-aktar ħaġa essenzjali hi li fittex xinhi il-vokazzjoni tiegħu u jippersevera fiha.

Xhieda tal-imħabba

Nirringrazzja lir-realtajiet ekkleżjali kollha li jgħinukom personalment biex tiltaqgħu ma’ Kristu ħaj fil-Knisja tiegħu: il-parroċċi, l-assoċjazzjonijiet, il-movimenti, il-komunitajiet reliġjużi u tant espressjonijiet oħra ta’ servizz missjunarju. Ħafna żgħażagħ isibu fil-volontarjat missjunarju forma biex jaqdu “lill-iżgħar” fost ħutna l-bnedmin (ara Mt 25,40), filwaqt li jippromwovu d-dinjità umana u jagħtu xhieda tal-ferħ li jiġi mill-imħabba u mill-ħajja nisranija. Dawn l-esperjenzi ekkleżjali jwasslu biex il-formazzjoni taż-żgħażagħ ma tkunx biss tħejjija għas-suċċess professjonali, iżda wkoll biex jiżviluppaw u jieħdu ħsieb dak id-don li l-Mulej tahom biex jaqdu aħjar lill-oħrajn. Dawn il-forom ta’ servizz missjunarju temporanju, li tassew ta’ min ifaħħarhom, huma bidu li jagħti l-frott, u fid-dixxerniment vokazzjonali jistgħu jgħinukom biex tiddeċidu tagħtu lilkom infuskom b’mod sħiħ bħala missjunarji.

L-Opri Missjunarji Pontifiċji twieldu minn qlub żagħżugħa biex jgħinu ħalli t-tħabbira tal-Evanġelju tasal għand il-bnedmin kollha filwaqt li jagħtu sehemhom għal iżvilupp uman u kulturali ta’ tant ġnus bil-għatx għall-Verità. It-talb u l-għajnuna materjali, mogħtija b’tant ġenerożità u mqassmin mill-OMP, jgħinu lis-Santa Sede biex filwaqt li twassal l-għajnuna lil dawk li jeħtieġuha, tara li dawn ukoll ikunu kapaċi jagħtu xhieda fl-ambjenti fejn jgħixu. Ħadd mhu daqshekk fqir li ma jista’ jagħti xejn minn dak li għandu, u qabel kollox minn dak li hu. Nixtieq nerġa’ ntenni l-kliem li għidt liż-żgħażagħ taċ-Ċili: “Qatt m’għandek taħseb li m’għandek xejn x’tagħti jew li m’għandek bżonn ħadd. Kun af li ħafna nies għandhom bżonnok. Kull wieħed jgħid f’qalbu: ħafna nies għandhom bżonni” (Laqgħa maż-żgħażagħ fis-Santwarju ta’ Maipu, 17/01/2018)

Għeżież żgħażagħ, fix-xahar tal-missjoni li ġej, f’Ottubru, meta ser isir is-Sinodu ddedikat għalikom, ser ikollna okkażjoni oħra biex insiru dixxipli missjunarji dejjem aktar imħeġġa bl-imħabba għal Ġesù u għall-missjoni tiegħu sa truf l-artijiet kollha. Nitlob lil Marija Sultana tal-Appostli, lil San Franġisk Saverju, lil Santa Teresa tal-Bambin Ġesù u lill-Beatu Paolo Manna biex jidħlu għalina lkoll u biex jakkumpanjawna dejjem.

Mill-Vatikan 20 ta’ Mejju 2018, is-Solennità tal-Pentecoste

FRANĠISKU

 

 Miġjub għall-Malti minn Vivienne Attard

 

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta