| 
												    
												  
												
												
												Nixtieq 
												niġbed l-attenzjoni fuq 
												il-kwistjoni tal-ilma, 
												element tant sempliċi u 
												prezzjuż, li b’xorti ħażina għal 
												ħafna nies l-aċċess għalih hu 
												diffiċli jekk mhux impossibbli.  | 
												
												   
												
												
												
												MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU 
												
												
												
												L-PAPA FRANĠISKU 
												
												
												
												GĦAĊ-ĊELEBRAZZJONI TAL- 
												
												
												
												JUM DINJI TA’ TALB GĦALL-GĦOŻŻA 
												TAL-ĦOLQIEN 
												
												
												1
												
												
												TA’ SETTEMBRU 
												
												2018 
												
												
												  
												
												
												
												Għeżież ħuti! 
												
												
												  
												
												
												
												F’dan il-Jum ta’ Talb nixtieq 
												qabelxejn irrodd ħajr lil Alla 
												għad-don tad-dar komuni tagħna u 
												għall-bnedmin kollha ta’ rieda 
												tajba li jħabirku biex iħarsuha. 
												Inħossni grat għall-għadd kbir 
												ta’ proġetti li saru biex 
												jippromovu l-istudju u l-ħarsien 
												tal-ekosistemi, għall-isforzi 
												b’riżq l-iżvilupp ta’ 
												agrikultura iktar sostenibbli u 
												tqassim iktar responsabbli 
												tal-ikel, għall-bosta 
												inizjattivi edukattivi, 
												spiritwali u liturġiċi li fihom 
												ħafna Nsara fid-dinja kollha 
												huma involuti fl-għożża 
												tal-ħolqien.  
												
												
												  
												
												
												
												Dan irridu ngħiduh: ma tantx 
												għarafna nħarsu l-ħolqien 
												b’responsabbiltà. Il-qagħda 
												ambjentali, fuq livell globali 
												kif ukoll f’ħafna postijiet 
												speċifiċi, ma nistgħux inqisuha 
												sodisfaċenti. Bir-raġun feġġet 
												il-ħtieġa ta’ relazzjoni mġedda 
												u b’saħħitha bejn l-umanità u 
												l-ħolqien, il-konvinzjoni li hi 
												biss viżjoni awtentika u 
												integrali tal-bniedem li tista’ 
												tippermettilna nieħdu ħsieb 
												aħjar tal-pjaneta tagħna 
												għall-ġid tal-ġenerazzjonijiet 
												preżenti u dawk futuri, għax 
												“m’hemmx ekoloġija mingħajr 
												antropoloġija xierqa” (Ittra 
												enċiklika Laudato sì, 
												118). 
												
												
												  
												
												
												
												F’dan il-Jum Dinji ta’ Talb 
												għall-għożża tal-ħolqien, li 
												l-Knisja Kattolika għal xi snin 
												ilha tiċċelebra f’għaqda 
												mal-aħwa Ortodossi, u bi qbil 
												ma’ Knejjes u Komunitajiet 
												Insara, nixtieq niġbed 
												l-attenzjoni fuq il-kwistjoni 
												tal-ilma, element tant 
												sempliċi u prezzjuż, li b’xorti 
												ħażina għal ħafna nies l-aċċess 
												għalih hu diffiċli jekk mhux 
												impossibbli. U safrattant, 
												“l-aċċess għall-ilma nadif u 
												tajjeb għax-xorb hu dritt uman 
												essenzjali, fundamentali u 
												universali, għax minnu 
												jiddependi l-għajxien tan-nies, 
												u għalhekk hu kundizzjoni 
												għat-tħaddim tad-drittijiet 
												umani l-oħra. Din id-dinja 
												għandha dejn soċjali għoli 
												mal-foqra li m’għandhomx aċċess 
												għall-ilma tax-xorb, għax dan 
												ifisser li qed iċċaħħadhom 
												mid-dritt għall-ħajja li għandu 
												l-għeruq tiegħu fid-dinjità 
												inaljenabbli tagħhom” (ibid., 
												30). 
												
												
												  
												
												
												
												L-ilma jistedinna nirriflettu 
												fuq mnejn ġejjin. Il-ġisem 
												tal-bniedem fil-parti l-kbira 
												tiegħu hu magħmul mill-ilma; u 
												ħafna ċiviltajiet, fl-istorja, 
												kibru qrib ta’ nixxigħat kbar 
												ta’ ilma li mmarkaw l-identità 
												tagħhom. Hi suġġestiva x-xbieha 
												li tintuża fil-ftuħ tal-Ktieb 
												tal-Ġenesi, fejn jingħad li 
												fil-bidu l-ispirtu tal-Ħallieq 
												“fuq wiċċ l-ibħra kien 
												jittajjar” (1:2). 
												
												
												  
												
												
												
												Meta naħseb fuq ir-rwol 
												fundamentali fil-ħolqien u 
												fl-iżvilupp uman, inħoss 
												il-bżonn li ngħid grazzi lil 
												Alla għal “ħuna l-ilma”, 
												sempliċi u siewi iktar minn kull 
												ħaġa oħra għall-ħajja fuq din 
												il-pjaneta. Proprju għalhekk, 
												il-ħarsien tal-għejun u 
												tal-ħażniet tal-ilma hu 
												imperattiv urġenti. Illum iżjed 
												minn qatt qabel għandna bżonn 
												ta’ ħarsa li tmur lil hemm 
												mill-immedjat (ara Laudato sì, 
												36), lil hemm minn “kriterju 
												utilitarju ta’ effiċjenza u 
												produttività għall-profitt 
												individwali” (ibid., 59). 
												Huma meħtieġa proġetti flimkien 
												u ġesti konkreti, aħna u nżommu 
												f’moħħna li kull 
												privatizzazzjoni tal-ġid 
												naturali tal-ilma li tkun ta’ 
												skapitu għal dak id-dritt uman 
												li wieħed ikollu aċċess għalih, 
												hi inaċċettabbli. 
												
												
												  
												
												
												
												Għalina l-Insara, l-ilma 
												jirrappreżenta element 
												essenzjali ta’ tisfija u ta’ 
												ħajja. Il-ħsieb dritt imur lejn 
												il-Magħmudija, sagrament 
												tat-twelid mill-ġdid tagħna. 
												L-ilma mqaddes mill-Ispirtu hu 
												l-materja li permezz tagħha Alla 
												tana l-ħajja u ġeddidna, hu 
												l-għajn imbierka ta’ ħajja li ma 
												tmut qatt iżjed. Il-Magħmudija 
												tirrappreżenta wkoll, 
												għall-Insara ta’ ħafna 
												konfessjonijiet, il-punt 
												tat-tluq veru u essenzjali biex 
												nistgħu ngħixu fraternità dejjem 
												iżjed awtentika tul il-mixja 
												tagħna lejn l-għaqda sħiħa. 
												Ġesù, tul il-missjoni tiegħu, 
												wiegħed ilma li jista’ jaqta’ 
												għal dejjem l-għatx tal-bniedem 
												(ara Ġw 4:14) u ħabbar: “Min 
												jieħdu l-għatx, jiġi għandi u 
												jixrob” (Ġw 7:37). Li mmorru 
												għand Ġesù, u nħalluh jagħtina 
												nixorbu, ifisser niltaqgħu 
												miegħu personalment bħala 
												l-Mulej, u mill-Kelma tiegħu 
												nieħdu t-tifsira ta’ ħajjitna. 
												Jidwu fina bil-qawwa dawk 
												il-kelmiet li hu lissen fuq 
												is-salib: “Għandi l-għatx” (Ġw 
												19:28). Il-Mulej għadu jitlob 
												lil min itaffilu l-għatx, hu 
												bil-għatx għall-imħabba. 
												Jitlobna nagħtuh jixrob 
												fil-ħafna għatxanin tal-lum, 
												biex imbagħad jgħidilna: “Kont 
												bil-għatx u sqejtuni” (Mt 
												25:35). Li nisqu lil min hu 
												bil-għatx, fil-villaġġ globali 
												tagħna, ma jitlobx biss ġesti 
												personali ta’ karità, imma 
												għażliet konkreti u impenn 
												kostanti biex niggarantixxu lil 
												kulħadd il-ġid primarju 
												tal-ilma. 
												
												
												
												  
												
												
												
												Nixtieq immiss ukoll 
												il-kwistjoni tal-ibħra u 
												tal-oċeani. Għandna għax 
												nirringrazzjaw lill-Ħallieq 
												għad-don imponenti u mill-isbaħ 
												tal-ilmijiet kbar u ta’ dak 
												kollu li hemm fihom (ara Ġen 
												1:20-21; Salm 146:6), u nfaħħruh 
												għax libbes lill-art bl-oċeani 
												(ara Salm 104:6). Meta naħsbu 
												fuq il-meded kbar ta’ ilmijiet, 
												f’ċaqliq kontinwu, f’ċertu sens 
												din tkun għalina wkoll 
												opportunità biex naħsbu f’Alla 
												li l-ħin kollu jsieħeb 
												il-ħolqien tiegħu u jmexxih ’il 
												quddiem, u jżommu ħaj (ara San 
												Ġwanni Pawlu II, Katekeżi, 
												7 ta’ Mejju 1986). 
												
												
												  
												
												
												
												Li ta’ kuljum nieħdu ħsieb ta’ 
												dan il-ġid bla qies illum hi 
												responsabbiltà inevitabbli, 
												sfida vera u proprja: hemm bżonn 
												ta’ koperazzjoni attiva bejn 
												il-bnedmin ta’ rieda tajba biex 
												nikkollaboraw fl-opra kontiwa 
												tal-Ħallieq. B’xorti ħażina, 
												tant sforzi jgħibu fix-xejn 
												minħabba fin-nuqqas ta’ 
												regolamentazzjoni u ta’ 
												kontrolli effettivi, speċjalment 
												fejn jidħol il-ħarsien ta’ zoni 
												marittimi lil hemm mill-konfini 
												nazzjonali (ara Laudato sì, 
												174). Ma nistgħux nippermettu li 
												l-ibħra u l-oċeani jimtlew 
												b’meded qiegħda ta’ plastik 
												jgħum fil-wiċċ. Għal din 
												l-emerġenza wkoll aħna msejħin 
												inħabirku, b’mentalità attiva, 
												waqt li nitolbu bħallikieku 
												kollox kien jiddipendi 
												mill-Providenza divina u 
												nħabirku bħallikieku kollox kien 
												jiddipendi minna. 
												
												
												  
												
												
												
												Nitolbu biex l-ilmijiet ma 
												jkunux sinjal ta’ separazzjoni 
												bejn il-popli, imma ta’ laqgħa 
												għall-komunità tal-bnedmin. 
												Nitolbu biex jiġi mħares min qed 
												jirriskja ħajtu qalb l-imwieġ 
												ifittex futur aħjar. Nitolbu 
												lill-Mulej u lil min qed iwettaq 
												is-servizz għoli tal-politika 
												biex il-kwistjonijiet l-iżjed 
												delikati ta’ żmienna, bħal dawk 
												marbuta mal-immigrazzjoni, 
												mal-bidliet fil-klima, mad-dritt 
												ta’ kulħadd li jagħmel użu 
												mill-ġid primarju, jiġu 
												affrontati b’responsabbiltà, 
												b’viżjoni fil-bogħod li tħares 
												lejn il-futur, b’ġenerożità u fi 
												spirtu ta’ kollaborazzjoni, fuq 
												kollox bejn il-pajjiżi li 
												għandhom disponibbiltà ikbar. 
												Nitolbu għal dawk li jiddedikaw 
												ruħhom għall-appostolat 
												tal-baħar, għal min jgħinna 
												nirriflettu fuq il-problemi li 
												fihom jinsabu l-ekosistemi 
												marittimi, għal min 
												jikkontribwixxi fit-tifsil u 
												fit-twettiq ta’ normi 
												internazzjonali dwar l-ibħra li 
												jistgħu jħarsu l-persuni, 
												il-pajjiżi, il-ġid, ir-riżorsi 
												naturali – jiġuni f’moħħi, 
												ngħidu aħna, il-flora u l-fawna 
												tal-ħut, kif ukoll is-sikek 
												tal-qroll (ara ibid., 41) 
												u l-qigħan tal-baħar – u 
												jiggarantixxu żvilupp integrali 
												fid-dawl tal-ġid komuni 
												tal-familja sħiħa tal-bnedmin u 
												mhux ta’ xi interessi 
												partikulari. Niftakru wkoll 
												f’dawk li jaħdmu għall-ħarsien 
												taz-zoni marittimi, 
												għall-ħarsien tal-oċeani u 
												tal-bijodiversità tagħhom, biex 
												jiżvolġu din il-ħidma 
												b’responsabbiltà u onestà. 
												
												
												  
												
												
												
												Fl-aħħar nett, għandna għal 
												qalbna l-ġenerazzjonijiet 
												żgħażagħ u għalihom nitolbu, 
												biex jikbru fl-għarfien u 
												fir-rispett tad-dar komuni u 
												bix-xewqa li jieħdu ħsieb 
												tal-ġid essenzjali tal-ilma 
												għall-benefiċċju ta’ kulħadd. 
												L-awgurju tiegħi hu li 
												l-komunitajiet Insara 
												jikkontribwixxu dejjem iżjed u 
												dejjem b’mod iżjed konkret biex 
												kulħadd jista’ jagħmel użu 
												tajjeb minn din ir-riżorsa 
												indispensabbli, fil-ħarsien 
												rispettuż tad-doni li rċivejna 
												mill-Ħallieq, b’mod partikulari 
												tan-nixxigħat tal-ilma, 
												tal-ibħra u tal-oċeani. 
												
												
												  
												
												
												
												Mill-Vatikan, 
												1 
												ta’ Settembru 
												2018 
												
												
												  
												
												
												
												FRANĠISKU 
												
												
												
												  
												
												
												
												  
												
												
												
												miġjub mit-Taljan għall-Malti 
												minn Francesco Pio Attard 
												  
												 |