
|
Messaġġ
tal-Papa Franġisku
għat-Tieni Ġurnata Dinjija
tal-Foqra
It-33
Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
It-18
ta’
Novembru 2018
“Dan
il-fqajjar
sejjaħ
u l-Mulej semgħu”
1.
“Dan
il-fqajjar
sejjaħ
u l-Mulej semgħu,” (Salm
34:6).
Il-kliem tas-Salmista jsir
tagħna
kull meta aħna niġu msejħa biex
niltaqgħu ma’
sitwazzjonijiet differenti ta’
tbatija u emarġinazzjoni li
jgħaddu minnha ħafna minn ħutna
li aħna mdorrijin inlaqqmuhom
bħala “l-fqar”.
Is-salmista mhux sajjem
mit-tbatija; imma bil-maqlub. Hu
għandu esperjenza diretta
tal-faqar u minkejja dan
jittrasforma t-tbatija f’innu
ta’ tifħir u ringrazzjament lil
Alla.
Illum, Salm
34
jippermettilna, imdawrin kif
aħna b’diversi forom ta’ tbatija,
li nagħrfu lil dawk li huma
tassew foqra. Hu jgħinna niftħu
għajnejna għalihom biex nisimgħu
l-karba tagħhom u nagħfru
l-bżonnijiet tagħhom.
Fl-ewwel u qabel kollox, qed
jgħidilna li Alla jisma’
lill-fqar li jsejħulu. Hu tajjeb
ma’ dawk li jsibu refuġju fih,
dawk li qalbhom maqsuma
bid-dwejjaq, bl-iżolament u
l-esklużjoni. Il-Mulej jisma’
lil dawk li feruti fid-dinjità
tagħhom, xorta jsibu l-qawwa li
jħarsu ’l fuq lejh biex
idawwalhom u jagħtihom
il-komfort. Hu jisma’ lil dawk
ippersegwitati f’isem
il-ġustizzja falza, oppressi
b’politika li ma tagħmilx ġieħ
lil isimha, u mwerwra bi
vjolenza, imma madankollu jafu
li Alla hu s-Salavatur tagħhom.
Dak li joħroġ minn din it-talba
hu fuq kollox is-sens ta’
abbandun u fiduċja f’Missier li
jaf jisma’ u jifhem. Fuq dawn
l-istess linji, nistgħu
napprezzaw is-sinifikat ta’
kliem Ġesù:
“Ħenjin il-foqra fl-ispirtu,
għax tagħhom hija s-Saltna
tas-Smewwiet.”
(Mt 5:3).
Din l-esperjenza unika u f’ħafna
modi mhux mixtieqa u li ma
tistax tesprimiha, iġġegħilna
nixtiequ naqsmuha mal-oħrajn,
l-aktar ma’ dawk li,
bħas-salmista, huma foqra,
imwarba u emarġinati. Ħadd
m’għandu jħossu eskluż
mill-imħabba tal-Missier,
speċjalment f’dinja li ħafna
drabi tippreżentalna l-għana
bħala l-ogħla għan u
tinkorraġġixxi li wieħed jaħseb
fih innifsu.
2.
Is-Salm
34,
juża tliet verbi biex
jiddeskrivi l-bniedem fqir
fil-relazzjoni tiegħu ma’ Alla.
L-ewwel fosthom:
“isejjaħ”.
Il-faqar ma jistax jiġi deskritt
f’kelma waħda;
il-faqar isir għajta li titla’
lejn is-sema u tasal għand Alla.
X’tesprimi l-għajta tal-fqir
jekk mhux it-tbatija,
is-solitudni, id-diżappunti u
t-tama tagħhom?
Nistgħu nistaqsu lilna nnfusna
kif it-talba tagħhom, li titla’
sal-preżenza ta’ Alla, tista’
tonqos milli tasal f’widnejna,
jew tħallina bierda u
indifferenti. F’din il-Ġurnata
Dinjija tal-Foqra, aħna msejħa
biex nagħmlu eżami serju
tal-kuxjenza, biex nara jekk
aħniex verament kapaċi nisimgħu
l-għajta tal-fqir.
Biex tisma’ leħinhom għandna
bżonn is-silenzju ta’ nies li
lesti jisimgħuhom. Jekk
nitkellmu ħafna aħna, mhux se
nkunu kapaċi nisimgħuhom.
Kultant nibża’ li ħafna
inizzjattivi, tajbin kemm huma
tajbin u neċessarji fihom
infushom, għandhom l-għan li
jissodisfaw lil dawk li
jeħduhom, aktar milli jwieġbu
għall-għajta vera tal-fqar. Meta
dan ikun il-każ, fil-mument meta
l-fqar isemmgħulna l-għajta
tagħhom, ir-reazzjoni tagħna ma
tkunx koerenti u ma nkunux
kapaċi nidħlu fiż-żarbuna
tal-kundizzjoni tagħhom. Aħna
nkunu wkoll maqbuda f’kultura li
ġġegħilna nħarsu fil-mera u
nikkonvinċu ruħna li ġest
altruwistiku huwa biżżejjed,
mingħajr il-bżonn li ninvolvu
ruħna direttament.
3.
It-tieni verb hu:
“li twieġeb”.
Is-Salmista jgħidilna li Alla
mhux biss jisma’ l-għajta
tal-fqir, imma jwieġeb.
It-tweġiba tiegħu, kif naraw
fl-istorja kollha
tas-salvazzjoni, hija
parteċipazzjoni sħiħa mimlija
mħabba fil-kundizzjoni tal-fqir.
Hekk kien meta Abraham kellem
lil Alla dwar ix-xewqa tiegħu li
jkollu dixxendenza, minkejja
l-fatt li martu Sara kienet
kibret fiż-żmien u ma kellhiex
tfal
(ara Ġen 15:1-6).
Hekk ukoll meta Mosè, quddiem
is-siġra taqbad mingħajr ma
tikkonsma, irċieva
r-rivelazzjoni ta’ isem Alla u
l-missjoni li jifdi l-poplu
tiegħu mill-Eġittu
(Es 3:1-15).
U din ir-risposta kienet
ikkonfermata tul il-mixja ta’
Iżrael fid-deżert,
meta ħassew il-ġuħ u l-għatx
(ara Es 16:1-6;
17:1-7),
u l-waqa’ tagħhom fl-agħar
miżerja, jiġifieri l-infedeltà
għall-patt u l-idolatrija.
(ara Es 32:1-14).
It-tweġiba ta’ Alla lill-foqra
hija dejjem intervent li jsalva
biex ifejjaq il-feriti tar-ruħ u
l-ġisem, jerġa’ jġib
il-ġustizzja u biex jgħinhom
jgħixu ħajja ġdida b’dinjità.
Ir-risposta ta’ Alla hi appell
lil dawk li jemmnu fih biex
jagħmlu bħalu sakemm huwa
umanament possibbli. Il-Jum
Dinji tal-Fqar għandu l-għan li
jkun risposta żgħira li l-Knisja
fid-dinja kollha tagħti
lill-fqar ta’ kull tip u ta’
kull nazzjon, biex ma jaħsbux li
l-għajta tagħhom intilfet
mar-riħ. Probabbilment hi qatra
ilma fid-deżert tal-faqar, iżda
madankollu tista’ sservi bħal
sinjal tal-qsim ma’ dawk
fil-bżonn, u tgħinhom iħossu
l-preżenza attiva tal-aħwa.
Il-foqra m’għandhomx bżonn
intermedjarji, imma
l-involviment personali ta’ dawk
li jisimgħu l-għajta tagħhom. Li
dawk li jemmnu, jagħtu kashom,
ma tistax tillimita ruħha għal
xi forma ta’ assistenza - tajba
u providenzjali kemm trid
fil-bidu – imma teħtieġ
“attenzjoni mimlija mħabba”
(Evangelii
Gaudium,
199)
li tonora l-persuna fiha
nnifisha u tfittex il-ġid
tagħha.
4.
It-tielet verb “li teħles”.
Fil-Bibbja, il-foqra jgħixu
biċ-ċertezza li Alla jintervjeni
għalihom, biex jerġa’ jagħtihom
id-dinjità. Il-faqar mhux xi
ħaġa li jġib fuqu l-fqir, imma
hija kawża ta’ egoiżmu, kburija,
kilba u inġustizzja. Dan huwa
ħażen antik daqskemm ilha
teżisti l-umanità nnifisha, imma
anke dnubiet li jaffettwaw tant
innoċenti, li jwasslu għal
konsegwenzi soċjali traġiċi.
L-azzjoni li permezz tagħha Alla
jillibera, hi att ta’
salvazzjoni għal dawk kollha li
juru d-dwejjaq u l-miżerja
tagħhom. In-nuqqas ta’ ħelsien
li jġib miegħu il-faqar,
jinqered bl-intervent qawwi ta’
Alla. Ħafna mis-salmisti
jirrakkuntaw u jiċċelebraw din
l-istorja tas-salvazzjoni
manifestata fil-ħajja personali
tal-foqra:
“Għax ma warrabx minnu
l-imsejken, ma stmerrx in-niket
tiegħu; anqas wiċċu ma ħeba
minnu, imma semgħu meta
sejjaħlu.
(Salm 22,25). Il-kapaċità li
tara l-wiċċ ta’ Alla huwa sinjal
ta’ salvazzjoni, tal-ħbiberija
tiegħu u ta’ kemm hu qrib
tagħhom.
“Int, li rajt ’ l hemm tiegħi,
li għaraft id-dieqa ta’ qalbi.
Ma tlaqtnix f’idejn l-għedewwa,
imma qegħidtli fil-wisgħa
riġlejja” (Salm 31, 7-8). Li
toffri l-fqir “il-wisgħa” hu li
teħilsu “mix-xibka tan-nassab”
(Salm 91,3) u teħilsu minn dak
li jfixklu tul il-mixja tiegħu,
biex ikun jista’ jimxi ’l
quddiem bis-serenitá
fil-mogħdija tal-ħajja.
Is-salvazzjoni ta’
Alla hija id miftuħa lejn
il-fqir, id li tilqa’,
tipproteġi u tgħinhom
jesperjenzaw il-ħbiberija li
huma għandhom bżonn.
Minn din il-viċinanza konkreta u
tanġibbli, toħroġ triq ta’
liberazzjoni ġenwina: “Kull
Nisrani u kull komunità huma
msejħa jkunu għodda f’idejn Alla
għall-ħelsien u l-promozzjoni
tal-foqra, biex hekk dawn
jistgħu jintegraw ruħhom
għalkollox fis-soċjetà; dan
jitlob li nkunu doċli u attenti
biex nistgħu nisimgħu l-karba
tal-fqir u nħaffu ngħinuh. (Evangelii
Gaudium,
187).
5.
Hija xi
ħaġa
li tikkomovini li ħafna
foqra jidentifikaw ruħhom ma’
Bartimew li jissemma
fl-Evanġelju skont San Mark
(ara
10:46-52).
Bartimew kien: “bilqiegħda
jittallab mal-ġenb tat-triq”
(v. 46);
u wara li semma li Ġesù kien
għaddej minn hemm, beda jgħajjat
u jgħid. “Bin David, ikollok
ħniena minni”
(v. 47). “Kien
hemm ħafna li bdew jagħjtu
miegħu biex jiskot, imma hu
aktar beda jgħajjat”
(v. 48).
L-Iben ta’ Alla sema’ l-għajta
tiegħu u qallu: “Xi tridni
nagħmillek?”
L-għama qallu: “Li nerġa’ nara,
Rabbuni”
(v. 51).
Din l-istorja mill-Evenġelju
turina dak li s-Salm iħabbar
bħala wegħda. Bartimew huwa
bniedem fqir li jonqsuh
l-affarijiet essenzjali,
bħad-dawl u l-kapaċità li jaħdem
biex jaqla’ l-għixien tiegħu.
Kemm nies illum iħossuhom
fl-istess sitwazzjoni ta’
prekarjat! Nuqqas ta’ mezzi
bażiċi biex isostnu lilhom
infushom, imwarrba minħabba li
mhux mogħtija xogħol, forom
diversi ta’ skavitù soċjali
minkejja l-proġress uman
tagħna... Kemm nies foqra llum,
huma bħal Bartimew, bilqiegħda
mal-ġenb tat-triq, ifittxu skop
għal ħajjithom! Kemm minnhom
isaqsu lilhom infushom għaliex
niżlu daqshekk fil-baxx u kif
jistgħu jinħelsu minn dan. Huma
qed jistennew lil xi ħadd li
jiġi ħdejhom u jgħidilhom:
“Agħmel il-qalb! Qum, qed
isejjaħlek”
(v. 49).
Sfortunatament, ħafna drabi
jiġri l-kontra, u l-foqra
jisimgħu vuċijiet li jċanfruhom,
jgħidulhom biex jisktu u
joqogħdu bi kwiethom. Dawn
il-vuċijiet huma ħorox, ħafna
drabi minħabba l-biża’
mill-foqra li huma meqjusa mhux
biss
miżerabbli imma sors ta’
insigurtà u inkwiet,
diżorjentament mill-ħajja li
mdorrijin ngħixu fiha u allura
l-bżonn li jiġu mwarrba u
mħollija iżolati. Fina hemm
it-tendenza li nżommu ’l bogħod
bejna u bejnhom, mingħajr ma
nirrealizzaw li dan huwa l-mod
kif qed nitbiegħdu mill-Mulej
Ġesù, li ma warrabx il-foqra,
imma jsejħilhom lejh u jagħtihom
il-faraġ. Il-kliem li l-profeta
Iżaija jgħid lil dawk li jemmnu
dwar kif għandhom iġibu ruħhom,
idoqq tant tajjeb f’dan il-każ.
Huma għandhom:
“Iħollu
l-irbit tal-ħażen, iħollu
x-xkiel tal-madmad, jibagħtu
ħielsa l-maħqurin, u jkissru
kull madmad... li taqsam il-ħobż
ma’ min hu bil-ġuħ, u ddaħħal
f’darek lill-imsejken bla
saqaf... li tlibbes lil min hu
għarwien” (58:6-7) Dan il-mod
kif iġġib ruħek, jippermetti
d-dnub li jinħafer
(ara 1
Pt 4:8)
u li l-ġustizzja tieħu l-kors
tagħha. Huma jassiguraw li meta
aħna nsejħu lil Alla, hu
jweġibna
“Hawn
jien!”
(ara Is 58:9).
6.
Il-foqra huma l-ewwel li jagħrfu
l-preżenza ta’ Alla u jagħtu
xhieda li hu qrib tagħhom. Alla
jibqa’ fidil għall-wegħda
tiegħu; u anke fid-dlam
tal-lejl, ma jżommx lura
mis-sħana tal-imħabba u
l-konsolazzjoni tiegħu.
Madankollu, biex il-foqra
jegħlbu s-sitwazzjonijiet li
jtaqqluhom, għandhom bżonn
iħossu l-preżenza tal-aħwa li
jagħtu kashom u meta jiftħulhom
il-bibien ta’ qalbhom u
ħajjithom, jgħinuhom iħossuhom
bħala ħbieb u familja. Hu b’dan
il-mod biss li l-foqra jiskopru
“l-qawwa li ssalva taħdem
f’ħajjithom” u “tpoġġihom
fil-qalba tal-mixja tal-Knisja”
(Evangelii
Gaudium,
198).
F’dan il-Jum Dinji, aħna qed
niġu mitluba nwettqu l-kliem
tas-salm: “Jieklu l-fqajrin u
jixbgħu”
(Salm 22:26).
Aħna nafu li fit-Tempju ta’
Ġerusalemm, wara r-riti
tas-sagrifiċċju, kienet issir
ikla. Din kienet l-esperjenza li
biha ħafna Djoċesijiet, arrikkew
iċ-ċelebrazzjoni tal-ewwel Jum
Dinji tal-Foqra. Ħafna nies sabu
s-sħana ta’ dar, il-ferħ ta’
ikla festiva u s-solidarjetà ta’
dawk li xtaqu jpoġġu bilqiegħda
fuq il-mejda b’sempliċità u
fraternità. Nixtieq li bħal din
is-sena u l-Jiem tal-Faqar li
għad iridu jiġu, ikunu
ċċelebrati fi spirtu ta’ ferħ,
bl-iskoperta tal-kapaċità li
nkunu flimkien. Li nitolbu
flimkien bħala komunità u naqsmu
ikla flimkien il-Ħadd hija
esperjenza li teħodna lura
għall-ewwel komunità nisranija
deskritta mill-Evanġelista Luqa
fis-sempliċità primittiva
tagħha:
“U
kienu jżommu sħiħ fit-tagħlim
tal-Appostli u fl-għaqda,
fil-qsim tal-ħobż u fit-talb...
Dawk kollha li kienu jemmnu
kienu ħaġa waħda, u kienu jaqsmu
kollox bejniethom, ibiegħu
ġidhom u kulma kellhom u jqassmu
d-dħul bejn kulħadd, skont
il-ħtieġa ta’ kull wieħed”
(Atti 2:42.44-45).
7.
Fil-komunitajiet Insara, kuljum
jittieħdu bosta inizzjattivi
biex jiġi offrut dan is-sens li
nkunu qrib u noffru flimkien id
li tgħin quddiem il-wiċċ ta’
ħafna forom ta’ faqar li hawn
madwarna. Ħafna drabi wkoll,
il-koperazzjoni tagħna ma’
inizjattivi oħra li mhumiex
ispirati mill-fidi imma
mis-solidarjetà umana, jagħmilha
possibbli għalina li nagħtu dik
l-għajnuna li kieku ma nkunux
nistgħu nagħtu. Li nirrealizzaw
li quddiem il-wiċċ ta’ tant
faqar, il-kapaċità tagħna li
nieħdu azzjoni hija limitata,
dgħajfa u mhux biżżejjed,
iġġegħelna nersqu lejn l-oħrajn
biex permezz ta’ koperazzjoni
reċiproka, nilħqu l-għanijiet
tagħna b’mod aktar effettiv.
Aħna l-Insara, nispiraw ruħna
mill-fidi u mill-obbligu
tal-karità, imma aħna nistgħu
wkoll nirrikonoxxu forom oħra
ta’ assistenza u solidarjetà li
jimmiraw għall-istess għanijiet,
sakemm ma nittraskurawx r-rwol
tagħna li hu li nwasslu lil
kulħadd lejn Alla u l-qdusija.
Id-djalogu bejn esperjenzi
differenti, u l-umiltà li noffru
l-koperazzjoni tagħna mingħajr
ma nfittxu li nidhru, hija
l-aktar risposta evanġelika li
nistgħu nagħtu.
Fis-servizz lejn il-fqar,
m’hemmx lok għall-kompetizzjoni,
imma rridu nirrikonoxxu b’umiltà
li l-ispritu huwa dak li jqanqal
l-azzjonijet tagħna biex ikunu
sinjal li juru li Alla huwa qrib
tagħna u jwieġeb talbna. Meta
nsibu modi kif inkunu qrib
il-fqar, nafu li kollox
jiddependi minn Alla li
jiftħilna għajnejna u qalbna
għall-konverżjoni. Il-foqra
m’għandhomx bżonn protagonisti,
imma mħabba li taf tibqa’
moħbija u mhux taħseb fuq
it-tajjeb li setgħet għamlet.
Il-protagonisti vera huma dejjem
il-Mulej u l-fqar. Kull min
jixtieq iservi huwa strument
f’idejn Alla, biex jurina
l-preżenza salvifika tiegħu. San
Pawl ifakkarna f’dan meta jikteb
lill-Insara ta’ Korintu li kienu
qed jikkompetu bejniethom min
kellu l-aqwa kariżma.
“L-għajn
ma tistax tgħid lil id: ‘Jiena
m’għandix bżonnok,’ anqas ir-ras
ma tgħid lis-saqajn: ‘Ma għandix
bżonnkom”
(1
Kor 12:21).
Pawlu jagħmel
punt importanti meta josserva li
l-aktar membri tal-ġisem li
jidhru l-aktar dagħjfa, huma
fil-fatt l-aktar meħtieġa
(ara
v. 22),
u li dawk li nqisu b’inqas ġieħ
fil-ġisem, lil dawn l-aktar li
nieħdu ħsiebhom; u ’l dawk li
m’għandhomx ġmiel, inlibbsuhom
b’aktar ġmiel; għax il-membri
sbieħ m’għandhom bżonn xejn”
(vv. 23-24).
Pawlu joffri lill-komunità
tagħlim bażiku fuq il-kariżmi,
imma anke dwar l-attitudni li
għandu jkollna fid-dawl
tal-Vanġelu, lejn l-aktar membri
dgħajfa u fil-bżonn. Ikun ħasra
li d-dixxipli ta’ Kristu jwelldu
fihom sentimenti ta’ disprezz
jew ħasra lejn il-fqar. Għal
kuntrajru, aħna msejħa biex
nonoraw lill-fqar u nagħtuhom
preċedenza, ġejja
mill-konvinzjoni li huma l-vera
preżenza ta’ Ġesù fostna. “Kull
ma għamiltu ma’ wieħed
mill-iżgħar fost dawn ħuti,
għamiltuh miegħi”
(Mt 25:40).
8.
Hawnhekk nistgħu naraw kemm
il-mod ta’ ħajja tagħna għandu
jkun ’il bogħod minn dik
tad-dinja, li teżalta, tfittex u
timita l-għonja u l-qawwija,
filwaqt li tinsa l-foqra u
tqishom bħala skart u
tal-mistħija. Kliem Pawlu
jistedinna għal solidarjetà
evanġelika mill-aktar sħiħa
mal-membri l-aktar dgħajfa u
b’inqas kapaċitajiet fil-Ġisem
ta’ Kristu.
“Jekk
membru jbati, ibatu lkoll
miegħu; jekk membru jingħata
l-ġieħ, jifirħu lkoll miegħu”
(1
Kor 12:26).
Fl-ittra tiegħu lir-Rumani,
Pawlu jgħidilna wkoll:
“Ifirħu
ma’ min jifraħ, ibku ma’ min
jibki. Aħsbu f’xulxin l-istess,
taħsbux fi ħwejjeġ kbar, imma
fittxu l-umli”
(Rum12:15-16).
Din hi l-vokazzjoni ta’ kull
dixxiplu ta’ Kristu, l-ideal li
rridu nfittxu kontinwament
filwaqt li nassimilaw dejjem
fina “is-sentimenti ta’ Kristu
Ġesù”
(Fil 2,5).
9.
B’mod naturali, l-fidi tispira
fina messaġġ ta’ tama. Ħafna
drabi huma preċiżament il-foqra
li jisfidaw l-indifferenza
tagħna, imwielda minn viżjoni
dejqa tal-ħajja u marbuta wisq
mal-preżent. L-għajta tal-fqar
hija wkoll l-għajta tat-tama li
turi ċ-ċertezza tal-ħelsien
mistenni. Din it-tama ssib
l-għeruq tagħha fl-imħabba ta’
Alla li ma jabbandunax lil dawk
li jpoġġu t-tama tagħhom fih
(ara Rum 8:31-39).
Kif tikteb Santa Tereża ta’
Avila fil-ktieb tagħha,
It-Triq tal-Perfezzjoni:
“Il-faqar jiġbor fih il-ġid
tad-dinja. Hu dominju vast.
Nazzarda ngħid li kull min
jiċħad il-ġid ta’ din id-dinja,
isir padrun tiegħu kollu.
(2:5).
Hu fil-kejl li permezz tiegħu
kapaċi niddixxernu l-ġid
awtentiku li aħna nsiru għonja
quddiem Alla
u għorrief f’għajnejna u
f’għajnejn ħaddieħor. Dan hu
veru. Hu mill-mod kif
jirnexxilna nagħrfu l-veru
sinifikat tal-ġid vera, li aħna
nikbru fl-umanità u l-kapaċità
li naqsmu mal-oħrajn.
10.
Nistieden lil ħuti l-Isqfijiet,
saċerdoti u b’mod speċjali
lid-djakni li rċevew it-tqegħid
tal-idejn għas-servizz tal-foqra
(ara Atti 6:1-7),
kif ukoll lir-reliġjużi u
l-lajċi rġiel u nisa li
fil-parroċċi, assoċjazzjonijiet
u movimenti ekkleżjali jpoġġu
fil-prattika t-tweġiba
tal-Knisja għall-għajta tal-fqar
biex jesperjenzaw dan il-Jum
Dinji bħala mument privileġġat
għall-evanġelizzazzjoni ġdida.
Il-foqra jevanġelizzawna u
jgħinuna kuljum biex niskopru
s-sabiħ tal-Evanġelju. Ejja ma
nħallux din l-opportunità ta’
grazzja tisfuma fix-xejn. Jalla
f’din il-ġurnata, ilkoll kemm
aħna nħossu li aħna midjunin
mal-fqar,
għaliex fl-idejn miftuħa wieħed
lejn l-ieħor, isseħħ il-laqgħa
salvifika li ssostni l-fidi
tagħna, tispira l-karità u tgħin
it-tama tagħna timxi ’l quddiem
fit-triq lejn il-Mulej li ġej.
Mill-Belt tal-Vatikan,
it-13
ta’ Ġunju
2018
Festa ta’ Sant’Antnin ta’
Padova.
Franciscus
|