L

A

I

K

0

S

 

Home  

Kuntatt

 

Interventi fuq bniedem aktar effettivi, iżda mhux dejjem ta' benefiċċju għalih

 

Messaġġ ta’ Papa Franġisku
lill-parteċipanti fil-Laqgħa Reġjonali Ewropea

tal-Assoċjazzjoni Medika Dinjija

dwar kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ tmiem il-ħajja.

[Vatikan,  16-17 Novembru 2017]

 

Lill-Venerabbli Ħija
Mons. Vincenzo Paglia
President
tal-Akkademja Pontifiċja  għall-Ħajja

Insellem lilek u lil dawk kollha li qed jieħdu sehem fil-Laqgħa Reġjonali Ewropea tal-Assoċjazzjoni Medika Dinjija, organizzata fil-Vatikan flimkien mal-Akkademja Pontifiċja għall-Ħajja, dwar kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ tmiem il-ħajja

F’din il-laqgħa ser tindirizzaw mistoqsijiet dwar tmiem il-ħajja fuq din l-art. Dawn minn dejjem kienu ta’ sfida għall-umanità, iżda llum ħadu forom ġodda minħabba li  t-tagħlim żdied u li sar żvilupp fl-istrumenti  tekniċi ġodda li qed jintużaw. Fil-fatt, il-mediċina żviluppat ħiliet terapewtiċi kbar li wasslu biex ħafna mard jinqered,  is-saħħa tal-bniedem titjieb u ħajtu titwal. Il-mediċina wettqet rwol pożittiv ħafna; iżda mill-banda l-oħra llum sar possibbli ittawwal il-ħajja f’kundizzjonijiet li fil-passat qatt ma konna nimmaġinawhom.  L-interventi fuq il-ġisem tal-bniedem qed isiru dejjem aktar effettivi, iżda mhux dejjem qed ikunu ta’ benefiċċju għalih: jistgħu jsostnu jew jissostitwixxu funzjonijiet bijoloġiċi li jkunu ddgħajfu, iżda dan ma jfissirx li  jippromwovu s-saħħa tal-bniedem. Għalhekk, illum hemm bżonn ta’ aktar għerf għax qed tikber it-tentazzjoni li wieħed jinsisti fuq kura li tħalli effetti qawwija fuq il-ġisem iżda li mhux dejjem tkun ta’ ġid sħiħ għall-persuna.

F’diskors memorabbli ta’ 60 sena ilu, meta l-Papa Piju XII kien kellem lill-anestetisti u lil dawk li jieħdu ħsieb il-kura intensiva, hu kien qal li mhux dejjem hemm l-obbligu li wieħed juża l-mezzi terapewtiċi kollha li huma potenzjalment disponibbli,  u li f’każi speċifiċi  huwa leċitu li wieħed ma jagħmilx użu minnhom (ara Acta Apostolicae Sedis XLIX [1957],1027-1033). Mela, hu  moralment leċitu li wieħed jiddeċidi li ma jużax mezzi terapewtiċi jew li jwaqqaf l-użu tagħhom meta dan ma jkunx jaqbel  ma’ dak  il-kriterju etiku u umanistiku li aktar ‘l quddiem ġie definit bħala “proporzjonat għall-kura” (ara Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi - Dikjarazzjoni fuq l-Ewtanasja, 5 ta’ Mejju 1980: Acta Apostolicae Sedis LXXII [1980], 542-552). L-aspett  speċifiku ta’  dan  il-kriterju jieħu f’kunsiderazzjoni “ir-riżultat mistenni filwaqt li jikkunsidra l-istat tal-persuna marida u tar-riżorsi fiżiċi u morali tagħha” (ibid.). Għalhekk, wieħed jista’ jasal għal deċiżjoni li tikkwalifika  moralment bħalma hi dik  li jirrifjuta “kura terapewtika li fiha nnifisha hi ħarxa ħafna”.

Din l-għażla hi waħda li tassumi b’mod responsabbli l-limitu tal-kundizzjoni umana mortali, fil-mument li jidher biċ-ċar li ma hemm xejn  aktar x’tista’ jsir.  Kif jgħid il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika: “Dan ma jfissirx li hemm il-ħsieb li tingħata  l-mewt: wieħed ikun biss jaċċetta li ma jistax iżomm il-mewt” (n.2278). Din id-differenza fil-mod kif wieħed iħares lejn l-affarijiet tagħti wiċċ uman lejn il-mod kif wieħed jakkumpanja lill-moribond, mingħajr  ma jipprova jiġġustifika s-soppressjoni tal-ħajja. Għalhekk, tajjeb nagħrfu li meta wieħed ma jagħmilx użu minn  meżżi sproporzjonati jew inkella jwaqqaf l-użu tagħhom, dan ikun l-istess bħal meta jevita li juża kura terapewtika li fiha nnifisha hi ħarxa ħafna; jiġifieri jkun qiegħed iwettaq azzjoni li għandha sinifikat etiku li hu għal kollox differenti mill-ewtanasja, li dejjem tibqa’ illeċita għax hi għemil intenzjonat biex iwaqqaf il-ħajja u jwassal għall-mewt.

Ma hemmx għalfejn ngħidu  li ħafna drabi jkun diffiċli nevalwaw il-fatturi li jinqalgħu meta niġu quddiem sitwazzjonijiet kritiċi u  għall-prattika klinika.  Meta tiġi biex tistabbelixxi jekk intervent mediku, li hu klinikament tajjeb, huwiex effettivament proporzjonat mhux biżżejjed tapplika regola ġenerali b’mod mekkaniku. Hemm bżonn li jsir dixxerniment b’attenzjoni li tikkunsidra l-oġġett morali, iċ-ċirkustanzi u l-intenzjonijiet ta’ dawk involuti. Fil-kura u l-akkumpanjament li jingħataw lill-marid, id-dimensjoni personali u relazzjonali tal-ħajja u tal-mewt stess - li wara kollox hi l-aħħar mument tal-ħajja -  dejjem irid ikollha  dak l-ispazju li jixraq id-dinjità tal-bniedem. F’dan il-proċess, il-marid jieħu r-rwol prinċipali. Dan jgħidu b’mod ċar ħafna l-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika: “Id-deċiżjoni trid tittieħed mill-marid innifsu jekk jaf u għandu l-ħila jagħmel dan” (n.2278).  Il-marid għandu d-dritt li jkun hu l-ewwel  li jevalwa - naturalment bi djalogu mat-tobba – il-kura li tkun proposta u li jiżen il-proporzjonalità effettiva tagħha skont is-sitwazzjoni li jkun jinsab fiha. Fil-każ li ma jkunx hemm  din il-proporzjonalità, irid ikun il-marid li jiċħad li jieħu l-kura proposta. Mhux faċli li wieħed jasal biex jagħmel evalwazzjoni fil-kuntest mediku tal-lum, fejn ir-relazzjoni terapewtika qed tkun dejjem aktar frammentata u  fejn il-kura  medika  qed tinvolvi numru ta’ aspetti teknoloġiċi u organizattivi.

Ta’ min jinnota wkoll li dawn il-proċessi ta’ valutazzjoni qed ikunu kundizzjonati mid-differenza  fl-opportunitajiet li joffri l-qasam tas-saħħa, xi ħaġa li dejjem qed tikber u  qed tirriżulta minn dik l-azzjoni  li tgħaqqad il-ħiliet fit-teknika u xjenza  u l-interessi ekonomiċi.  Il-kura dejjem aktar sofistikata u li tqum il-flus hi aċċessibbli għal numru  limitat u privileġġat ta’ persuni  u popolazzjonijiet. Dan qed iqajjem mistoqsijiet serji dwar is-sostenibbiltà  tas-servizzi sanitarji u dwar it-tendenza, li tista’ tgħidilha sistematika, li permezz tagħha qed jiżdied in-nuqqas ta’ ugwaljanza terapewtika. Din il-ħaġa  tidher b’mod ċar ħafna fuq livell globali, l-aktar meta tqabbel il-kontinenti differenti. Tinsab ukoll fil-pajjiżi l-aktar sinjuri, fejn  hemm ir-riskju li l-aċċess għall-kura jiddependi aktar fuq id-disponibbiltà ekonomika tal-persuni milli fuq kemm tassew għandhom bżonn il-kura.

F’din is-sitwazzjoni kumplessa, ġejja minn diversi fatturi fil-prattika klinika u anki fil-kultura tal-mediċina in ġenerali, hemm bżonn ix-xhieda  assoluta tal-kmandament suprem li jitlob li nkunu qrib tal-marid b’mod responsabbli  kif jidher  f’dik il-paġna tal-Evanġelju li tkellimna fuq is-Sammaritan it-tajjeb (ara Lq 10, 25-37). Nistgħu ngħidu b’mod kategoriku: qatt ma għandna nabbandunaw il-marid. Id-diqa ta’ qalb marbuta mal-kundizzjoni li twassal lill-bniedem fuq l-għatba tal-limitu uman suprem u l-għażliet diffiċli li wieħed ikollu jagħmel, jesponuna għat-tentazzjoni li nonqsu milli nkunu qrib tal-marid. Iżda, aktar minn kull ħaġ’oħra,  dan huwa l-post fejn aħna mitluba  nuru mħabbitna u nkunu qrib,  filwaqt li nagħrfu  l-limitu komuni tagħna lkoll li  jagħmilna tassew solidali. Kull wieħed jagħti l-imħabba bil-mod tiegħu: ta’ missier, omm, iben jew bint,  aħwa, tabib jew nurse. Imma din l-imħabba rridu nagħtuha!   U anki jekk  nafu li mhux dejjem nistgħu niggarantixxu fejqan, iżda jeħtieġ li dejjem nieħdu ħsieb tal-persuna. Din hi xi ħaġa li rridu nagħmluha:  mingħajr ma nkunu aħna li nqassrulha ħajjitha  jew li nirreżistu l-mewta tagħha bla bżonn. Il-kura palljattiva miexja  fuq din il-linja. U qed ikollha importanza kbira anki fuq livell kulturali  għax qed tissielet kontra dak kollu li jagħmel il-mewt aktar kerha u ta’ tbatija, kontra  l-uġigħ u s-solitudni.  

Fi ħdan is-soċjetajiet demokratiċi, argumenti delikati bħal dawn jeħtieġ li jkunu affrontati bil-kalma: b’mod serju u riflessiv fejn wieħed ikun dispost li jinsabu soluzzjonijiet  - anki legali – li jkun hemm qbil dwarhom. Waqt li wieħed jrid ikun lest li jisma’ u jilqa’ lill-ieħor b’mod reċiproku, min-naħa l-waħda wieħed irid iżomm quddiem għajnejh li hemm  ideat  differenti, konvinzjonijiet etiċi u appartenenza reliġjuża differenti. Min-naħa l-oħra, l-Istat ma jistax jiċħad id-dmir tiegħu li jieħu ħsieb dawk kollha involuti, filwaqt li jiddefendi l-ugwaljanza  fundamentali li permezz tagħha  kull wieħed hu rikonoxxut mil-liġi bħala bniedem li jgħix flimkien ma’ oħrajn fis-soċjetà.  Jeħtieġ tingħata attenzjoni partikulari lil dawk l-aktar dgħajfa, li waħidhom ma jaslux biex jiddefendu l-interessi tagħhom. Jekk tonqos  il-qalba ta’ dawn il-valuri essenzjali, meħtieġa biex il-bnedmin jkunu jistgħu jgħixu flimkien, tintilef  ukoll il-possibbiltà li twassal għal dak ir-rikonoxximent  tal-persuna l-oħra li  fuqha jinbena d-djalogu u l-istess ħajja tal-bnedmin flimkien fis-soċjetà.  Il-leġiżlazzjoni fil-qasam mediku u tas-saħħa ukoll titlob din il-viżjoni sħiħa u ħarsa komplessiva fuq dak li l-aktar jippromwovi l-ġid komuni  fis-sitwazzjonijiet konkreti.   

Filwaqt li nittama li dawn ir-riflessjonijiet jistgħu jkunu ta’ għajnuna għalikom, minn qalbi nawguralkom li din il-laqgħa tagħkom isseħħ f’ambjent  seren u kostruttiv; jalla tindividwaw  it-toroq l-aktar adattati biex taffrontaw dawn il-kwistjonijiet delikati filwaqt li żżommu quddiem għajnejkom il-ġid ta’ dawk kollha li tiltaqgħu magħhom u li magħhom tikkollaboraw fil-professjoni esiġenti tagħkom.

Il-Mulej iberikkom u l-Madonna tħariskom.

Mill-Vatikan, 7 ta’ Novembru 2017

 

Francesco

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Vivienne Attard.

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta