MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA FRANĠISKU LILL-KONFERENZA TAL-ĠNUS MAGĦQUDA MLAQQA’ BL-GĦAN LI TINNEGOZJA STRUMENT LI JORBOT ĠURIDIKAMENT DWAR IL-PROJBIZZJONI TAL-ARMI NUKLEJARI U JWASSAL GĦALL-ELIMINAZZJONI TOTALI TAGĦHOM

[New York, 27-31 ta’ Marzu, 2017]

 

Lill-Eċċellenza Tagħa s-Sinjura Elayne Whyte Gómez
President tal-Konferenza tal-Ġnus Magħquda
li għandha l-għan li tinnegozja strument li jorbot ġuridikament
biex ikunu projbiti l-armi nuklejari, 
u li jmexxi lejn l-eliminazzjoni totali tagħhom

Insellem minn qalbi lilek, Sinjura President, u lir-rappreżentanti kollha tan-Nazzjonijiet differenti, Organiżżazzjonijiet Internazzjonali u soċjetà ċivili li qed jieħdu sehem f’dil-Konferenza.  Nixtieq ninkuraġġikom biex taħdmu bid-determinazzjoni ħalli toħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa biex fid-dinja ma jkunx hawn armi nuklejari.

Fil-25 ta’ Settembru, 2015, quddiem l-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda jien fissirt kif il-Preambolu u l-ewwel artiklu tal-Karta tal-Ġnus Magħquda jindikaw il-pedament tat-tifsil ġuridiku internazzjonali: il-paċi, is-soluzzjoni paċifika tat-tilwim u l-iżvilupp tar-relazzjoniet ta’ ħbiberija bejn in-nazzjonijiet.  Etika u dritt imsejsin fuq it-theddida tal-qerda reċiproka – u potenzjalment tal-umanità kollha – huma kuntradizzjoni tal-istess spirtu tal-Ġnus Magħquda.  Għalhekk jeħtieġ nimpenjaw ruħna biex id-dinja tkun meħlusa mill-armi nuklejari billi t-Trattat tan-non-proliferazzjoni jkun applikat bis-sħiħ fl-ittra u l-ispirtu (cfr Diskors lill-membri tal-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, 25 ta Settembru, 2015).

Imma għal liema raġuni għandna nitgħabbew b’dan l-għan impenjattiv u li jħares ‘il bogħod, fix-xenarju internazzjonali ta’ bħalissa li hu karatteriżżat minn klima instabbli ta’ kunflittwalità, li huwa kemm il-kawża kif ukoll indikazzjoni tad-diffikultajiet li nsibu quddiemna biex nippromwovu u nsaħħu l-proċess tad-diżarm u n-non-proliferazzjoni nukleajari?

Jekk inqisu t-theddid prinċipali għall-paċi u s-sigurtà bid-dimensjonijiet varji tagħhom f’did-dinja multipolari tas-seklu XXI, bħalma huma, per eżempju, it-terroriżmu, il-kunflitti skwilibrati, is-sigurtà informatika, il-problemi ambjentali, il-faqar, jitfaċċaw mhux ftit dubji dwar kemm mhix adegwata d-deterrenza nuklejari biex tagħti tweġiba effikaċi għal dawn l-isfidi.  Dawn il-preokkupazzjonijiet isiru aktar konkreti meta nqisu l-konsegwenzi umanitarji  u ambjentali katastrofiċi li jiġu bl-użu ta’ bombi nuklejari, b’effetti qerrieda bla diskriminazzjoni u bla kontroll fiż-żmien u fl-ispazju.  Daqstant ieħor jitfaċċaw perokkupazzjonijiet quddiem il-ħala ta’ riżorsi għall-armi nuklejari għal-skop militari, li minflok, jistgħu jkunu użati għal-prijoitajiet ta’ ħtieġa ferm akbar bħalma huma l-promozzjoni tal-paċi u l-iżvilupp integrali uman, il-ġlieda kontra l-faqar u t-tqegħid fis-seħħ tal-Agenda 2930 għall-iżvilupp sostenibbli.

Irridu wkoll nistaqsu lilna nfusna kemm hu sostenibbli ekwilibriju mibni fuq il-biża’, meta fil-fatt dan ixaqleb lejn żieda fil-biża’ u jdgħajjef bil-kbir ir-relazzjonijiet tal-fiduċja bejn il-popli.

Il-paċi u l-istabbiltà internazzjonali ma jistgħux jitfasslu fuq sens falz ta’ sigurtà, fuq it-theddida tal-qerda reċiproka jew tad-distruzzjoni totali, fuq sempliċi manteniment ta’ ekwilibriju ta’ poter.  Il-paċi għandha tkun mibnija fuq il-ġustizzja, fuq l-iżvilupp uman integrali, fuq ir-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, fuq il-ħarsien tal-maħluq, fuq il-parteċipazzjoni ta’ kulħadd fil-ħajja pubblika, fuq il-fiduċja bejn il-popli, fuq il-promozzjoni ta’ istituzzjonijiet paċifiċi, fuq id-dritt għall-edukazzjoni u s-servizzi tas-saħħa, fuq id-djalogu u fuq is-solidarjetà.  F’dil-perspettiva għandna bżonn immorru ‘l hinn mid-deterrenza nuklejari: il-komunità internazzjonali hi msejħa biex taddotta strateġiji li jħarsu fil-bogħod, li jippromwovu l-paċi u l-istabbiltà u jevitaw li l-problemi tas-sigurtà nazzjonali u internazzjonali jkunu affrontati b’vista mċajpra.

F’dal-kuntest, l-għan aħħari tal-eliminazzjoni totali tal-armi nuklejari jsir mhux biss sfida imma wkoll dmir morali u umanitarju assolut.  Metodu konkret biex dan isir għandu jkun riflessjoni dwar il-koperazzjoni fl-etika tal-paċi u s-sigurtà multilaterali li tmur ‘l hinn “mill-biża’” u l”l-iżolazzjoniżmu” li naraw illum f’ħafna diskussjoniet.  Il-ksib ta’ dinja mingħajr armi nuklejari jitlob proċessi fit-tul, ibbażati fuq l-għarfein li kollox hu marbut ma’ xulxin, f’ottika ta’ ekoloġija integrali (cfr Laudato si’, 117, 138).  Id-destin tal-umanità li tgħix flimkien jitlob li bir-realiżmu jisaħħaħ id-djalogu u li jinbnew u jissaħħu l-mekkaniżmi tal-fiduċja u l-koperazzjoni, li jkollhom il-ħila joħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa biex fid-dinja ma jkunx hawn armi nuklejari.

L-interdipendenza u l-globaliżżazzjoni li qed jiżdiedu jifssru li hi liema hi t-tweġiba li nagħtu għat-theddida tal-armi nuklejari, din għandha tkun kollettiva u maqbula, mibnija fuq il-fiduċja reċiproka.  Din tal-aħħar tista’ tinbena biss permezz tad-dalogu li jkun orjentat bis-sinċerità lejn il-ġid komuni u mhux lejn it-tħaris ta’ interessi moħbija jew partikolari; dan id-djalogu għandu jinkludi lil kulħadd kemm hu possibbli: Stati nuklejari, Pajjiżi li m’għandhomx armi nuklejari, is-settur militari u dak privat, il-komunitajiet reliġjużi, is-soċjetà ċivili, l-Organiżżazzjonijet internazzjonali.  Fi sforz bħal dan għandna nevitaw it-tgħajjir reċiproku u l-polariżżazzjoni li jxekklu d-djalogu aktar milli jinkuraġġuh.  L-umanità għandha l-ħila taħdem flimkien biex tibni d-dar komuni; għandna l-libertà, l-inteliġenza u l-ħiliet li niggwidaw u mmexxu t-teknoloġija, daqstant ieħor għandna ħila nilllimitaw is-setgħa tagħna, biex inqiegħdu kollox għas-servizz ta’ progress ta’ tip ieħor: aktar uman, aktar soċjali u aktar integrali (cfr. Ibid., 13, 78, 112; Messaġġ lit-XXII sessjoni tal-Partijiet fil-Konvenzjoni-Kwadru tal-Ġnus Magħquda dwar it-tibdil fil-klima (COP-22), 10 ta’ Novembru, 2016).

Dil-Konferenza għandha l-għan li tinnegozja Trattat imnebbaħ minn argumenti etiċi u morali.  Hu eżerċizzju ta’ tama u nawgura li jkun ukoll pass deċisiv fil-mixja lejn dinja mingħajr armi nuklejari.  Minkejja li dan hu objettiv kumpless għall-aħħar u jieħu ħafna fit-tul, xorta waħda nistgħu naslu għalih.

Sinjura President, nibgħat l-isbaħ awguri tiegħi sabiex il-ħidma ta’ dil-Konferenza tkun għammiela u tagħti kontribut effikaċi biex l-etika tal-paċi u tas-sigurtà multilaterali, li huma tant meħtieġa mill-umanità tal-lum, jissaħħu.  Nitlob il-Barka ta’ Dak li jista’ kollox fuq il-parteċipanti kollha li qed jieħdu sehem f’dil-laqgħa ta’ tifsir kbir u fuq iċ-ċittadini tal-Pajjiżi li huma qed jirrappreżentaw.

Il-Vatikan, it-23 ta’ Marzu, 2017.

Franġisku

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber