VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU FIL-MAROKK

[30-31 TA’ MARZU 2019]

 

QUDDIESA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 

Kumpless Sportiv Prinċep Moulay Abdellah (ir-Rabat)

Il-Ħadd 31 ta’ Marzu 2019

 

“Iżda kif kien għadu fil-bogħod missieru lemħu u tħassru, u b’ġirja waħda mar inxteħet fuq għonqu u biesu” (Lq 15:20).

 

Dan hu l-mod kif il-Vanġelu jqegħedna fil-qalba tal-parabbola li turi kif ġab ruħu l-missier meta ra lil ibnu ġej lura: imqanqal bil-ħniena minn ġewwa, ma joqgħodx jistenna li dan jasal id-dar, imma jissorprendih għax joħroġ jiġri jiltaqa’ miegħu. Iben mistenni u mixtieq. Missier li jitħassru xħin jarah ġej lura.

 

Imma dak ma kienx l-uniku mument li fih il-Missier ġera. Il-ferħ tiegħu ma kienx ikun sħiħ mingħajr il-preżenza ta’ ħuh l-ieħor. Għalhekk joħroġ jiltaqa’ miegħu wkoll biex jistiednu jidħol jieħu sehem fil-festa (ara v. 28). Imma, donnu l-iben il-kbir ma kinux jogħġbuh il-festi ta’ merħba; ma jiflaħx għall-ferħ tal-missier u ma jagħrafx ir-ritorn ta’ ħuh: “dan ibnek”, jgħidlu (v. 30). Għalih ħuh għadu mitluf, għax kien tilfu minn ġo qalbu.

 

Fin-nuqqas ta’ ħila tiegħu li jidħol jieħu sehem fil-festa, mhux biss ma jagħrafx lil ħuh, imma lanqas jagħraf lil missieru. Jippreferi jibqa’ ltim milli jkollu ħutu, jibqa’ waħdu milli jidħol għal-laqgħa, id-diqa mill-festa. Mhux biss isibha bi tqila biex jifhem u jaħfer lil ħuh, imma lanqas jirnexxilu jaċċetta li għandu missier li kapaċi jaħfer, li lest jistenna u jishar biex ħadd ma jibqa’ mwarrab, f’kelma waħda, missier li jaf iħenn.

 

Fuq l-għatba ta’ dik id-dar bħal donnu jinkixef il-misteru tal-umanità tagħna: minn banda kien hemm il-festa għall-iben li reġa’ nstab u, mill-oħra, ċertu sentiment ta’ tradiment u korla għall-fatt li kienet qed issir festa għar-ritorn tiegħu. Minn naħa, l-ospitalità għal dak li kien ġarrab il-miżerja u l-uġigħ, li kien wasal saħansitra biex niten u biex xtaq jiekol minn dak li kienu jieklu l-ħnieżer; min-naħa l-oħra l-irritazzjoni u r-rabja għall-fatt li qed jingħata spazju lil min la kien denn u lanqas kien jistħoqqlu tgħanniqa bħal din.

 

Hekk, għal darb’oħra toħroġ it-tensjoni li qed ngħixu qalb niesna u fil-komunitajiet tagħna, u saħansitra fina nfusna. Tensjoni li, ibda minn Kajjin u Abel, qiegħda fina u aħna msejħin naffaċċjawha. Min għandu d-dritt jibqa’ fostna, li jkollu post mal-mejda tagħna u fil-ġemgħat tagħna, fit-tħassib u l-inkwiet tagħna, fil-pjazez u l-bliet tagħna? Donnha qed tibqa’ tidwi dik il-mistoqsija fratriċida: jaqaw jien għassies ta’ ħija (ara Ġen 4:9)?

 

Fuq l-għatba ta’ dik id-dar jidhru l-firdiet u t-tilwim, l-aggressività u l-kunflitti li dejjem se jħabbtu l-bieb tax-xewqat kbar tagħna, tat-taqbidiet tagħna għall-fraternità u biex kull persuna tista’ tħoss minn issa l-kundizzjoni u d-dinjità tagħha ta’ iben jew bint.

 

Imma hemm ukoll, fuq l-għatba ta’ dik id-dar, se tiddi biċ-ċarezza kollha tagħha, mingħajr ħafna tidwir u lanqas skużi li jneħħulha mill-qawwa tagħha, ix-xewqa tal-Missier: li wliedu kollha jkollhom sehem mill-ferħ tiegħu; li ħadd ma jgħix f’kundizzjonijiet diżumani bħalma kienu dawk ta’ ibnu ż-żgħir, lanqas bħala ltim, iżolat jew imdejjaq bħall-iben il-kbir. Il-qalb tiegħu trid li l-bnedmin kollha jsalvaw u jaslu għall-għarfien tal-verità (1 Tim 2:4).

 

Bla dubju huma ħafna ċ-ċirkustanzi li jistgħu jrewħu l-firdiet u l-kunflitt; ma nistgħux niċħdu li hemm sitwazzjonijiet li jistgħu jwassluna biex nitlewmu u ninfirdu bejnietna. Ma nistgħux niċħduh dan. Dejjem qed theddidna t-tentazzjoni li nemmnu fil-mibegħda u fil-vendetta bħala mezzi leġittimi biex niksbu l-ġustizzja b’mod mgħaġġel u effikaċi. Imma l-esperjenza tgħidilna li l-mibegħda, il-firda u l-vendetta ma jagħmlux ħlief joqtlu lir-ruħ tan-nies tagħna, javvelenaw it-tama ta’ wliedna, jeqirdu u jqaċċtu dak kollu li aħna nħobbu.

 

Għalhekk Ġesù jistedinna nħarsu lejn il-qalb tal-Missier u nikkontemplawha. Minn hawn biss nistgħu niskopru mill-ġdid ta’ kuljum li aħna aħwa. Ibda biss minn dan ix-xefaq wiesa’, li kapaċi jgħinna negħlbu l-loġika dejqa tagħna ta’ firda, li ħa nkunu kapaċi naslu għal ħarsa li ma tippretendix li tista’ titfi jew tiċħad id-differenzi tagħna forsi billi tfittex għaqda sfurzata jew l-emarġinazzjoni siekta. Huwa biss jekk inkunu kapaċi ta’ kuljum nerfgħu għajnejna lejn is-sema u llissnu “Missierna” li nistgħu nidħlu f’dinamika li tgħinna naraw u nissograw ngħixu mhux bħala għedewwa, imma bħala aħwa.

 

“Kulma hu tiegħi huwa tiegħek” (Lq 15:31), jgħid il-missier lill-iben il-kbir. U mhux jirriferi biss għall-ġid materjali imma għall-parteċipazzjoni mill-istess imħabba tiegħu u mill-istess ħniena tiegħu. Dan hu l-ikbar wirt u għana tan-Nisrani. Għax, flok inkejlu jew nikklassifikaw ruħna skont kundizzjoni morali, soċjali, etnika jew reliġjuża, nistgħu nagħrfu li teżisti kundizzjoni oħra li ħadd ma jista’ jħassar jew jeqred għax hi kollha kemm hi don: il-kundizzjoni ta’ wlied maħbuba, mistennija u ffesteġġjati mill-Missier.

 

“Kulma hu tiegħi huwa tiegħek”, anki l-ħila tiegħi li nħenn, jgħidilna l-Missier. Ejjew ma naqgħux fit-tentazzjoni li nirriduċu l-appartenenza tagħna ta’ wlied għal kwistjoni ta’ liġijiet u projbizzjonijiet, ta’ dmirijiet u obbligi. L-appartenenza tagħna u l-missjoni tagħna mhux sa jiġu minn voluntariżmi, legaliżmi, relattiviżmi jew integriżmi, imma minn persuni li jemmnu li ta’ kuljum b’umiltà u perseveranza jridu jitkarrbu: “Tiġi Saltnatek”.

 

Il-parabbola tal-Vanġelu tippreżentalna final miftuħ. Naraw lill-missier jitlob lil ibnu l-kbir jidħol jieħu sehem fil-festa tal-ħniena. L-Evanġelista ma jgħid xejn fuq xi ddeċieda dan. Tgħid daħal għall-festa? Nistgħu ngħidu li dan il-final miftuħ għandu l-għan li kull komunità, kull wieħed u waħda minna, jista’ jiktbu hu b’ħajtu, b’ħarstu u bi mġibtu mal-oħrajn. In-Nisrani jaf li fid-dar tal-Missier hemm ħafna għamajjar, u jibqgħu barra biss dawk li ma jridux jieħdu sehem fil-ferħ tiegħu.

 

Għeżież ħuti, nixtieq nirringrazzjakom għall-mod kif qed tagħtu xhieda tal-Vanġelu tal-ħniena f’dawn l-artijiet. Grazzi tal-isforzi mwettqa biex il-komunitajiet tagħkom ikunu oasi ta’ ħniena. Nagħmlilkom il-qalb u nħeġġiġkom biex tkomplu sseddqu l-kultura tal-ħniena, kultura fejn ħadd ma jħares lejn ħadd b’indifferenza u lanqas idawwar ħarstu band’oħra meta jara t-tbatija (ara Ittra appostolika Misericordia et misera, 20). Komplu kunu qrib taċ-ċkejknin u tal-foqra, ta’ dawk li huma rrifjutati, abbandunati u injorati, komplu kunu sinjal tat-tgħanniqa u tal-qalb tal-Missier.

 

U dak li hu Ħanin u Twajjeb – kif tant spiss isejħulu ħutna l-Musulmani – iqawwikom hu u jkattar l-opri ta’ mħabbtu.

 


 

TISLIMA TAL-PAPA FI TMIEM IL-QUDDIESA

 

Fi tmiem din l-Ewkaristija, nixtieq mill-ġdid inbierek lill-Mulej li tani li nagħmel dan il-vjaġġ biex inkun, quddiemkom u magħkom, qaddej tat-Tama.

 

Nirringrazzja lill-Maestà Tiegħu r-Re Mohammed VI tal-istedina tiegħu; nirringrazzjawh li ried ikun qrib tagħna billi bagħtilna r-rappreżentanti tiegħu; nirringrazzja lill-Awtoritajiet kollha u lill-persuni kollha li kkollaboraw biex dan il-vjaġġ seta’ jkun suċċess.


Grazzi lil ħuti fl-episkopat, lill-Arċisqfijiet tar-Rabat u ta’ Tangeri, u anki lill-Isqfijiet l-oħra, lis-saċerdoti, lir-reliġjużi, u lill-fidili lajċi kollha li jgħixu hawn il-Marokk għas-servizz li jagħtu lill-ħajja u l-missjoni tal-Knisja. Grazzi lilkom, għeżież ħuti, għal dak kollu li għamiltu biex ħejjejtu għal dan il-vjaġġ u għal dak kollu li stajna naqsmu flimkien grazzi għall-fidi, għat-tama u għall-imħabba, u għal dak kollu li stajna naqsmu flimkien grazzi għall-fraternità bejn Insara u Musulmani. Grazzi ħafna!

 

B’dawn is-sentimenti ta’ gratitudni, nixtieq inħeġġiġkom mill-ġdid biex tipperseveraw fit-triq tad-djalogu bejn Insara u Musulmani u biex tikkollaboraw ukoll ħalli din il-fraternità tidher iżjed, tkun iżjed universali, għax għandha l-għajn tagħha f’Alla. Jalla tkunu hawnhekk il-qaddejja tat-tama li d-dinja tant teħtieġ.

 

U, nitlobkom, tinsewx titolbu għalija. Grazzi!

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard