VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU FIL-MAROKK

[30-31 TA’ MARZU 2019]

 

APPELL

TAL-MAESTÀ TIEGĦU R-RE MOHAMMED VI

U TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA FRANĠISKU

FUQ ĠERUSALEMM / AL QODS

BELT QADDISA U POST TA’ LAQGĦA

 

Fl-okkażjoni taż-żjara lis-Saltna tal-Marokk, il-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku u l-Maestà Tiegħu r-Re Mohammed VI, waqt li jagħrfu l-uniċità u s-sagralità ta’ Ġerusalemm / Al Qods Acharif, u għax għandhom għal qalbhom is-sinifikat spiritwali tagħha u s-sejħa partikulari tagħha bħala Belt tal-Paċi, flimkien jagħmlu dan l-appell:

 

“Inħossu li hu importanti nżommu l-Belt qaddisa ta’ Ġerusalemm / Al Qods Acharif bħala wirt komuni tal-umanità u fuq kollox għall-fidili tat-tliet reliġjonijiet monoteisti, bħala post ta’ laqgħa u simbolu ta’ koeżistenza paċifika, fejn jisseddqu r-rispett reċiproku u d-djalogu.

 

Għal dan il-għan għandhom jinżammu u jisseddqu l-karattru speċifiku multi-reliġjuż, id-dimensjoni spiritwali u l-identità kulturali partikulari ta’ Ġerusalemm / Al Qods Achrif.

 

Għalhekk, nawguraw li fil-Belt qaddisa jiġu garantiti l-libertà sħiħa ta’ aċċess għall-fidili tat-tliet reliġjonijiet monoteisti u l-jedd ta’ kull waħda li teżerċita l-kult tagħha, biex hekk minn Ġerusalemm / Al Qods Acharif togħla ’l fuq, min-naħa tal-fidili tagħhom, it-talba lil Alla, Ħallieq ta’ kulħadd, għal futur ta’ paċi u ta’ fraternità fuq din l-art”.

 

Ir-Rabat, 30 ta’ Marzu 2019

 

Il-M.T. is-Sultan Mohammed VI 
Amir al Mouminine

 

Il-Q.T. il-Papa Franġisku

 

 miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard