VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FIL-MOZAMBIQUE, IL-MADAGASCAR U L-GŻEJJER MAURITIUS

(4 - 10 ta' SETTEMBRU, 2019)

ANGELUS

Wesgħa Djoċesana ta' Soamandrakizay (Antananarivo)

Il-Ħadd, 8 ta' Settembru, 2019

 

Għeżież ħuti, fi tmiem din iċ-ċelebrazzjoni nixtieq insellem minn qalbi lilkom ilkoll!

Inrodd ħajr kbir lill-Mons Razanakolona għall-kliem ġentili li indirizzali u miegħu lil ħuti l-Isqfijiet l-oħra li hawn preżenti, lis-saċerdoti, lill-persuni konsagrati, lill-miżżewġin u l-familji tagħhom, lill-katekisti u lilkom fidili lkoll kemm intom.

Nieħu din l-okkażjoni biex nesprimi r-rikonoxxenza sħiħa tiegħi lejn is-Sur President tar-Repubbika u lejn l-Awtoritajiet ċivili kollha għall-ħrara li biha laqgħuni, rikonoxxenza li nestendi lil kull min, b'modi differenti, ta sehemu biex diż-żjara tiegħi tirnexxi.  Il-Mulej iħallaskom u jbierek lill-poplu kollu tagħkom bl-interċessjoni tal-Beatu Rafael Luis Rafiringa, li r-relikwiji tiegħu jinsabu esposti hawn biswit l-altar, u l-Beata Victoire Rasoamanarivo.

U issa nduru bit-talb lejn il-Verġni Mqaddsa fil-jum li fih niftakru fi twelidha, żerniq ta' salvazzjoni għall-umanità.  Marija Immakulata, li intom tħobbu u tqimu bħala Ommkom u Patruna, takkumpanja dejjem il-mixja fil-paċi u t-tama tal-Madagascar

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber