VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU
FIL-BULGARIJA U L-MAĊEDONJA TAT-TRAMUNTANA
[5-7 ta’ MEJJU, 2019]
ŻJARA FIL-MEMORJAL TA’ MADRE TEREŻA FIL-PREŻENZA TAL-MEXXEJJA RELIĠJUŻI U LAGĦQA MAL-FOQRA
TALBA TAL-QDUSIJA TIEGĦU
Skopje
It-Tlieta, 7 ta’ Mejju, 2019
Il-Qdusija Tiegħu:
Alla, Missier il-ħniena u kull ġid
niżżuk ħajr għar-rigal tal-ħajja
u tal-kariżma ta’ Santa Madre Tereża.
Fil-Providenza bla qies tiegħek Int sejjaħtilha
biex tkun xhud ta’ mħabbtek
fost il-foqra tal-Indja u tad-dinja.
Hi għarfet tagħmel il-ġid lil min kien l-aktar fil-bżonn,
għax f’kull raġel u mara rat
il-wiċċ ta’ Ibnek.
Doċli għall-Ispirtu tiegħek
saretill-leħen li jitlob tal-foqra
u ta’ kull min
hu mġewwaħ u għatxan għall-ġustizzja.
Għax laqgħet l-għajta ta’ Ġesù minn fuq is-salib.
“Għandi l-għatx”,
Madre Tereża sqiet
l-għatx ta’ Ġesù fuq is-salib
billi wettqet l-opri tal-imħabba ħanina.
Nitolbuk, Santa Madre Tereża,
omm il-foqra,
l-interċessjoni partikolari tiegħek u l-għajnuna tiegħek,
hawn, fil-belt fejn twelidt,
fejn kellek darek.
Hawnhekk int irċevejt id-don tat-twelid mill-ġdid
fis-sagramenti tal-Inizjazzjoni Nisranija.
Hawn inti smajt l-ewwel kliem dwar il-fidi
fil-familja tiegħek u fil-komunità tal-fidili.
Hawn inti bdejt tara
u ssir taf lin-nies fil-bżonn,
il-foqra u ċ-ċkejknin.
Hawn int tgħallimt mill-ġenituri tiegħek kif tħobb
lil min l-aktar fil-bżonn u tgħinu.
Hawn, fis-skiet tal-knisja,
smajt is-sejħa ta’ Ġesù biex timxi warajh,
bħala reliġjuża, fil-missjoni.
Minn hawnhekk nitolbuk: interċedi għalina ma’ Ġesù
biex naqilgħu l-grazzja
li nkunu għassa u attenti għall-għajta tal-foqra,
ta’ min hu miċħud minn drittijietu,
tal-morda, tal-emarġinati, tal-aħħar.
Hu jtina l-grazzja
li narawh f’għajnejn min iħares lejna
għax jeħtieġ l-għajnuna tagħna.
Itina qalb li tkun taf tħobb lil Alla
li jinsab f’kull raġel u mara
u li tkun tagħraf lilu f’min
hu mtaqqal minħabba t-tbatija u l-inġustizzji.
Itina l-grazzja li aħna wkoll inkunu
sinjal ta’ mħabba u tama fi żmienna,
fejn hemm tant bnedmin fil-ħtieġa, abbandunati,
emarġinati u emograti.
Jagħmel li mħabbtina ma tkunx biss bil-kliem,
iżda tkun effikaċi u awtentika,
biex inkunu xhieda kredibbli għall-Knisja
li għandha d-dmir
li tipprietka l-Evanġelju lill-foqra,
il-ħelsien lill-imjassrin, il-ferħ lill-imnikktin,
il-grazzja tas-salvazzjoni lil kulħadd.
Santa Madrer Tereża itlob għal dil-belt,
għal dal-poplu, għall-Knisja tiegħu
u għal kull minirid jimxi wara Kristu
bħala dixxiplu tiegħu, ir-Ragħaj it-Tajjeb,
bl-opri tal-ġustizzja, ta’ mħabba,
ta’ ħniena, ta’ paċi u ta’ servizz,
bħalma għamel Hu meta ġie mhux biex ikun moqdi
imma biex iservi u jagħti ħajtu għall-bosta,
Kristu l-Mulej tagħna.
Ammen.
TBERIK TAL-EWWEL ĠEBLA
TAS-SANTWARJU TA’ MADRE TEREŻA
Il-Qdusija Tiegħu:
Oremus.
Dómine, sancte Pater,
cuius Fílium ex María Vírgine natum,
lápidem de monte sine mánibus
excísum nuntiávit Prophéta
et immutábile fundaméntum vocávit Apóstolus,
bénedic + hunc
primárium lápidem
in eius nómine collocándum;
et præsta ut ipse,
quem ómnium rerum princípium
constituísti et finem,
istíus óperis inítium sit
et increméntum et consummátio.
Qui vivit et regnat in sǽcula sæculórum.
R/. Amen.
Il-Qdusija Tiegħu iferrex fuqha l-ilma mbierek
BARKA
Il-Papa:
Dóminus vobíscum.
R. Et cum spíritu tuo.
Benedícat vos omnípotens Deus,
Pater,
+
et Fílius,
+
et Spíritus
+
Sanctus.
R. Amen.
VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU
FIL-BULGARIJA U L-MAĊEDONJA TAT-TRAMUNTANA
[5-7 ta’ MEJJU, 2019]
LAQGĦA MAS-SAĊERDOTI, IL-FAMILJI TAGĦHOM U R-RELIĠJUŻI
DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU
Katidral ta’ Skopje
It-Tlieta, 7 ta’ Mejju, 2019
Għeżież ħuti,
Grazzi tal-opportunità li tajtuni li nista’ niltaqa’ magħkom. Dal-mument qed ngħejxu bi gratitudni kbira għax fih nista’ nara l-Knisja tieħu n-nifs biż-żewġ pulmuni – ir-rit Latin u r-rit Biżantin – biex timtela’ b’arja dejjem ġdida u li tiġġedded mill-Ispirtu s-Santu. Żewġ pulmuni meħtieġa, kumplimentari għal xulxin, li jgħinuna nduqu aħjar is-sbuħija tal-Mulej (Eż. App. Il-Ferħ tal-Vanġelu, 116). Niżżu ħajr ‘l Alla għal dil-possibiltà li flimkien nimlew sfiq il-pulmuni bit-tjubija kbira ta’ Alla magħna.
Irroddilkom ħajr għat-testimonjanzi tagħkom, u nixtieq nitkellem dwarhom. Intom semmejtu l-fatt li intom ftit u semmejtu r-riskju li għandkom li ċċedu minħabba kumpless ta’ inferjorità. Waqt lil kont qed nismagħkom, ġiet quddiem għajnejja x-xbieha ta’ Marija li, b’libbra nard pur, dilket riġlejn Ġesù u xxutathomlu b’xuxitha. L-evanġelista jtemm ix-xena b’dal-kliem: “id-dar kollha mtliet bil-fwieħa” (Ġw. 12,3). Dak in-nard kellu ħila jifrex ma’ kullimkien riħa li ma tħallilek ebda dubju.
Aħna nħossu l-ħtieġa li nagħmlu l-kontijiet f’ħafna sitwazzjonijiet: nibdew ngħoddu kemm aħna… u aħna ftit; il-meżżi li għandna… u huma ftit; imbagħad ngħoddu kemm djar u opri għandna xi mmexxu…. u huma ħafna….. Nistgħu nkomplu nżidu mal-bosta realtajiet li fihom inġarrbu kemm ir-risżorsi li għandna huma nieqsa sabiex inkomplu mmexxu l-mandat missjunarju afdat f’idejna. Meta jiġri dan insibu li aħna “dejjem minn taħt”.
Huwa minnu, il-Mulej qalilna: jekk trid tibni torri, kejjel x’għandek bżonn: “biex ma jiġrix, li wara li tkun għamilt il-pedament, ma jkollokx biex ittemm ix-xogħol” (Lq 14, 29). Iżda li “noqgħodu nikkalkulaw” jista’ jqarribna lejn it-tentazzjoni li nħarsu wisq lejna nfusna, moħħna biss fir-realtajiet tagħna, il-miżerji tagħna, u nistgħu nispiċċaw bħad-dixxipli ta’ Għemmaws, li nħabbru l-kerygma b’fommna filwaqt li qalbna tingħalaq f’silenzju mirfud minn frustrazzjoni fina, li ma tħallihiex tisma’ lil dak li jimxi maġenbna u li huwa l-għajn tal-ferħ u l-allegrija.
Ħuti, “li tgħamel il-kontijiet” dejjem hu meħtieġ meta jgħinna niskopru u nersqu lejn il-bosta ħajjiet u sitwazzjonijiet li huma wkoll, ta’ kuljum, iqanċu biex ilaħħqu: il-familji li ma jirnexxilhomx ilaħħqu, persuni anzjani u waħedhom, morda f’qiegħ ta’ sodda, żgħażagħ dejjem bil-geddum u bla futur, foqra li jfakkruna x’aħna: Knisja ta’ tallaba fil-bżonn tal-Ħniena tal-Mulej. Xieraq li tikkalkola, biss, dment li dan jippermettilna mixja biex insiru solidali, attenti, nifhmu u pronti biex nersqu qrib l-għeja u l-prekarjetà li fioim mgħaddsin tant ħutna fil-bżonn ta’ Dilka li taħjijhom u tfejqilhom it-tama tagħhom.
Xieraq tagħmel il-kalkoli biss, biex tgħid bil-qawwa u titlob bil-ħerqa flimkien mal-poplu: “Ejja, Mulej Ġesù!”. Nieħu gost intenniha magħkom, flimkien: “Ejja, Mulej Ġesù!”. Darb’oħra……… (itennu: “Ejja, Mulej Ġesù).
Marridx nabbuża mix-xbieha tagħha, imma din l-art irregalat lild-dinja u lill-Knisja, lil Madre Tereża, sinjal konkret ta’ kif il-prekarjetà ta’ persuna, midluka mill-Mulej, kellha ħila tinfluwenza kollox, meta r-riħa tal-beatitudnijiet infirxet fuq ir-riġlejn għajjiena tal-umanità tagħna. Kemm nies ikkalmaw bit-tenerezza ta’ ħarsitha, tfarrġu bit-tmellisa tagħha, intrefgħu mit-tama tagħha u mtlew bi-kuraġġ tal-fidi tagħha ta’ ħila li lill-aktar minsijin tgħinhom iħossu li mhumiex minsijin minn Alla! Huma dawn in-nies li ma jibżgħux jagħtu ħajjithom għall-imħabba, li jiktbu l-istorja: kull ħaġa li tagħmlu mal-iżgħar minn fost ħuti, tkunu għamiltuha miegħi (cfr Mt 25, 40). Kemm fih għerf kliem Santa Tereża Benedetta tas-Salib meta tafferma: “Żgur li l-ġrajjiet diċisivi tal-istorja tad-dinja, kienu influwenzati essenjalment minn spirti li l-kotba tal-istorja ma jgħidu xejn dwarhom. U liema huma dawk l-erwieħ li għandna rroddulhom ħajr għall-ġrajjiet deċisivi tal-ħajja personali tagħna, hi ħaġa li nsiru nafuha biss fil-jum li fih kulma hu moħbi jinkixef” (1).
Ċertament ħafna drabi aħna nikkultivaw fantasiji bla limitu għax naħsbu li kieku aħna għandna s-segħa jew aħna influwenti l-affarijiet jistgħu jkunu differenti. Imma mhux forsi li s-sigriet tal-qawwa tagħna, tas-setgħa u tal-influwenza, u saħansitra taż-żgħożija, jinsabu xi mkien ieħor u mhux filli nġibu l-kontijiet jaqblu? Dan qed nistaqsihulkom għax laqtitni t-testimonjanza ta’ Davor meta qasam magħna dak li lilu mmarkalu qalbu. Kont ċar ħafna: ħelsek mill-karrieriżmu l-fatt li dort lura lejn il-vokazzjoni oriġinarja tiegħek, l-ewwel sejħa, u mort tifttex lill-Mulej hemm, fejn stajt tiltaqa’ miegħu.. Tlaqt u ħallejt warajk iċ-ċertezzi biex itterraq it-toroq u l-pjazez ta’ dil-belt; hemmhekk ħassejt il-vokazzjoni tiegħek, ħajtek, jiġġeddu; meta nżilt qrib il-ħajja ta’ kuljum ta’ ħutek biex taqsam u tidlek bil-fwieħa tal-Ispirtu, il-qalb saċerdotali tiegħek bdiet tħabbat mill-ġdid b’intensità akbar.
Qrobt biex tidlek ir-riġlejn għajjiena tal-Imgħallem, ir-riġlejn għajjiena ta’ persuni konkreti, hemmekk, fejn kienu jinsabu, u l-Mulej kien qed jistennik biex jidilkek mill-ġdid fil-vokazzjoni tiegħek. Dan huwa importanti ħafna. Biex niġġeddu, ħafna drabi rridu mmorru lura u niltaqgħu mal-Mulej, niksbu mill-ġdid il-memorja tal-ewwel sejħa. Lill-insara, l-awtur tal-Ittra lil-Lhud jgħidilhom: “Ftakru fl-ewwel jiem”. Niftakru fis-sbuħija ta’ dik il-laqgħa ma’ Ġesù li sejħilna, u minn dik il-laqgħa mal-ħarsa ta’ Ġesù niksbu l-forza biex nibqgħu mexjin ‘il quddiem. Qatt m’għandna nitilfu l-memorja tal-ewwel sejħa! Il-memorja tal-ewwel sejħa hi “sagramentali”. Fil-fatt id-diffikultajiet tal-ħidma appostolika nista’ ngħid li “jħassrulna” ħajjitna, u nistgħu b’hekk nitilfu l-entużjażmu. Nistgħu ukoll nitilfu l-ħerqa li nitolbu, li niltaqgħu mal-Mulej. Jekk tħossok hekk, ieqaf! Dur lura u ltaqa’ mal-Mulej tal-ewwel sejħa. Dil-memorja ssalvak.
Ħafna drabi naħlu l-enerġiji tagħna u r-riżorsi, il-laqgħat, id-diskussjonijiet u l-programmazzjoni biex inżommu għaddejjin il-metodi, ir-ritmi, il-perspettivi li mhux biss ma jqanqlu entużjażmu f’ħadd, imma li lanqas għandhom ħila jwasslu ftit minn dik il-fwieħa evanġelika li tfarraġ u tiftaħ it-toroq tat-tama, tant li jaqtgħuna mil-laqgħa personali mal-oħrajn. Kemm huma f’lokhom kliem Madre Tereża” “Dak li ma jiswiex, itaqqalni” (2). Inxeddu l-piżijiet kollha li jifirduna mill-missjoni, li ma jħallux il-fwieħa tal-ħniena tasal fuq wiċċ ħutna. Libbra nard kellha ħila tifrex ma’ kullimkien riħa li ma tħallilek ebda dubju. Ma niċċaħdux minn dak li hu l-aħjar għall-missjoni tagħna, ma nwaqqfux it-taħbit tal-qalb tal-Ispirtu.
Grazzi lilkom, Patri Goce u Gabriella: kontu kuraġġużi fil-ħajja! U (grazzi) lil uliedkom Filip, Blagoj, Luca, Ivan, li qsamtu magħna l-ferħat u t-tħassib tagħkom, tal-ministeru u tal-ħajja tal-familja. U wkoll is-sigriet li żammkom għaddejjin fil-waqtiet diffiċli li għaddejtu minnhom. L-għaqda taż-żwieġ, il-grazzja matrimonjali fil-ħajja ministerjali għinitkom timxu hekk, bħala familja.
It-testimonjanza tagħkom fiha “dik ir-riħa evanġelika” tal-ewwel komunitajiet. Niftakru li “t-Testment il-Ġdid jitkellem dwar il-Knisja li tiltaqa’ fid-dar” (cfr 1 Kor 16,19; Rum 165; Kol 4,15; Fm 2). L-ispazju vitali ta’ familja għalhekk jinbidel fi knisja domestika, is-sede tal-Ewkaristija – kemm drabi ċċelebrajt l-Ewkaristija fid-dar tiegħek… -, tal-preżenza ta’ Kristu bilqiegħda mal-istess mejda. Ix-xena tal-Apokalissi ma tintesiex: “Qiegħed fil-bieb inħabbat. Jekk xi ħadd jisma’ leħni u jiftaħli l-bieb, jien niġi għandu, niekol miegħu u hu miegħi” (3,20). Hekk hi mfissra d-dar li fiha jgħammar Alla, hemm il-preżenza tat-talb komuni u għalhekk il-barka tal-Mulej (Eż. App post-sinodali Il-Ferħ tal-Imħabba, 15). B’hekk intom tagħtu xhieda ħajja ta’ kif “il-fidi ma tbegħedniex mid-dinja, imma ddaħħalna aktar fil-qalba tagħha (ibid., 181).
Mhux nibdew minn dak li jista’ jgħoġobna, mhux bħala “perfetti”, bla tebgħa, imma fil-prekarjetà tal-ħajja tagħna, tal-familji tagħna, kuljum midlukin mill-fiduċja tal-imħabba bla kundizzjonijiet li Alla għandu għalina. Fiduċja li twassalna, kif fakkrna tant tajjeb Patri Goce, biex niżviluppaw xi dimensjonijiet ferm importanti u daqstant ieħor minsijin mis-soċjetà mnawwra mir-relazzjonijiet kaotiċi u superfiċjali: id-dimensjoni tat-tenerezza, tal-paċenzja u tal-kumpassjoni lejn l-oħrajn. U hawnhekk nixtieq nisħaq dwar l-importanza tat-tenerezza fil-ministeru presbiterali u wkoll fix-xhieda tal-ħajja reliġjuża. Hemm il-periklu li meta ma ngħixux fil-familja, meta m’hemmx ħtieġa li nżiegħlu b’uliedna, bħal Patri Goce, il-qalb issir tixbaħ xi ftit lill- “għażeb”. Imbagħad hemm il-periklu li l-vot tal-kastità tas-sorijiet u anki tas-saċerdoti ċelibi jinbidel f’vot ta’ “għażeb xiħ”. Kemm ħsara jagħmlu soru jew xi saċerdot “xjuħ igemgmu”! Għalhekk qed niġbdilkom l-attenzjoni dwar it-tenerezza: meta mort ħdejn il-mafkar ta’ Madre Tereża u rajt b’liema tenerezza r-reliġjużi nisa kienu qed jieħdu ħsieb il-foqra! Qatt għajjat. Dejjem l-ilma mbierek u qatt il-ħall! Dejjem b’dik il-ħlewwa tal-Evanġelju li tmelles ir-ruħ. Intenni kelma li qal dan ħuna: hu tkellem dwar il-karrjeriżmu. Meta fil-ħajja saċerdotali, fil-ħajja reliġjuża, jidħol il-karrjeriżmu, il-qalb tibbies, tiqras u titlef it-tenerezza. Min hu moħħu fil-karriera tilef il-ħila li jmelles.
Dejjem inħobb nimmaġina kull familja bħala “ikona tal-familja ta’ Nazaret bil-ħajja ta’ kuljum magħmula minn taħbit u anki ġrajjiet koroħ bħal meta kellhom iġarrbu l-vjolenza bla sens ta Erodi, esperjenza li għadha tittenna llum ukoll f’tant familji miżerabbli ta’ rifuġjati mġewwħin (ibid., 30). Bis-saħħa tal-fidi miġmugħa mit-taqbid tal-ħajja ta’ kuljum, dawn kisbu l-ħila li “għar tal-annimali jibdluha u jagħmluha d-dar ta’ Ġesù, bi ftit ħrieqi fqajra u muntanja ta’ tenerezza” (Eż. App. Il-Ferħ tal-Vanġelu, 286). Il-mezzi materjali huma meħtieġa, neċessarji, imma mhumiex l-aktar ħaġa importanti. Għaldaqstant m’għandniex nitilfu l-ħila li mmellsu, ma nitilfux it-tenerezza ministerjali u t-tenerezza tal-konsagrazzjoni reliġjuża.
Grazzi li wrejtu l-wiċċ familjari tal-Alla magħna li qatt ma jehda jissorprendina anki qalb il-borom!
Għeżież ħuti, grazzi mill-ġdid ta’ din l-opportunità ekkleżjali li biha l-pulmuni mtlew sewwa bl-arja. Nitolbu lill-Ispirtu s-Santu biex ma jehdiex iġeddidna fil-missjoni, fiduċjużi fl-emmna li Hu jrid jirfed kollox bil-preżenza tiegħu.
U hawnhekk ukoll nixtieq irrodd ħajr – inti se tistħi issa! - irrid irrodd ħajr lil wieħed minnkom, saċerdot, missier ta’ familja, li aċċetta li jagħmilha ta’ interpretu (applaws).
Kant tat-talba tal-Missierna
Barka
Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Joe Huber
[1] Verborgenes Leben und Epiphanie: GW XI, 145.
[2] A. Comastri, Madre Teresa. Una goccia di acqua pulita, 39.