VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FIL-BULGARIJA U L-MAĊEDONJA TA’ FUQ

[5-7 TA’ MEJJU 2019]

 

LAQGĦA EKUMENIKA U INTERRELIĠJUŻA MAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

 

Ċentru Pastorali (Skopje)

It-Tlieta 7 ta’ Mejju 2019

 

Għeżież ħbieb,

 

Dawn il-laqgħat dejjem huma motiv ta’ ferħ u ta’ tama għalija. Grazzi tal-possibbiltà u talli tajtuni din l-opportunità. Grazzi mill-qalb taż-żifna tagħkom, tant sabiħa, u tal-mistoqsijiet tagħkom. Jien il-mistoqsijiet kont rajthom: kont irċivejthom qabel u allura kont nafhom, u ħejjejt xi punti biex nirrifletti magħkom fuq dawn il-mistoqsijiet.

 

Ħa nibda mill-aħħar waħda (kif qalilna l-Mulej, tal-aħħar jiġu l-ewwel). Liridona, wara li qsamt magħna x-xewqat tiegħek, staqsejtni: “Qed noħlom wisq?”. Mistoqsija sabiħa ħafna, li għaliha nixtieq li nwieġbu flimkien. Jidhrilkom li Liridona qed toħlom iżżejjed?

 

Nixtieq ngħidilkom dan: li toħlom qatt mhu żejjed. Waħda mill-problemi prinċipali tal-lum u ta’ tant żgħażagħ hi li tilfu l-ħila li joħolmu. La ħafna u lanqas ftit, mhuma joħolmu xejn. U meta persuna ma toħlomx, meta żagħżugħ ma joħlomx, dan il-post jeħduh it-tgergir u r-rassenjazzjoni u d-dwejjaq. “Dawn inħalluhom għal dawk li jimxu wara l-‘alla tat-tgergir’! […] huwa ingann: iġegħelek taqbad it-triq il-ħażina. Meta kollox jidher wieqaf u staġnat, meta nkunu mtaqqlin bil-problemi personali, meta l-uġigħ soċjali ma jsibx it-tweġibiet meħtieġa, mhux sew li nċedu l-armi” (Eżortazzjoni appostolika Christus vivit, 141). Għalhekk, għażiża Liridona, għeżież ħbieb, qatt u qatt ma nkunu qed noħolmu żżejjed. Ippruvaw aħsbu fl-akbar ħolmiet tagħkom, f’dawk bħall-ħolma ta’ Liridona – tiftakruhom? –: li tagħtu tama lil dinja għajjiena, flimkien mal-oħrajn, Insara u Musulmani. Bla dubju din hi ħolma sabiħa ħafna. Int mhux fi ħwejjeġ żgħar ħsibt, fi ħwejjeġ “li jmissu mal-art”, imma ħlomt bil-kbir. U intom iż-żgħażagħ għandkom toħolmu kbir!

 

Xi xhur ilu, flimkien ma’ ħabib tiegħi, l-Imam il-Kbir ta’ Al-Azhar Ahmad Al-Tayyeb, anki aħna kellna ħolma tixbah ħafna lil tiegħek li wasslitna biex ħadna l-impenn u ffirmajna flimkien dokument li jgħid li l-fidi lilna li nemmnu għandha twassalna biex naraw fl-oħrajn aħwa li għandna nwieżnu u nħobbu bla ma nħallu jimmanipulawna interessi msejkna (ara Dokument fuq il-fratellanza umana, Abu Dhabi, 4 ta’ Frar 2019). Aħna kbirna, din mhix l-età biex noħolmu. Imma oħolmu, u oħolmu kbir!

 

U dan iġagħalni naħseb f’dak li qaltilna Bozanka: li intom iż-żgħażagħ jogħġbukom l-avventuri. U nifraħ li hu hekk, għax dan hu l-mod sabiħ kif tkunu żgħażagħ: tgħixu avventura, avventura tajba. Iż-żagħżugħ ma jibżax jagħmel minn ħajtu avventura tajba. U nistaqsikom: liema avventura titlob iżjed kuraġġ minn dik il-ħolma li qasmet magħna Liridona, li nagħtu t-tama lil dinja għajjiena? Id-dinja għajjiena, xjaħet; id-dinja hi maqsuma u donnu hemm min jaqbillu iktar jaqsamha u jifridna iżjed. Hemm ħafna kbarat li jridu jaqsmuna bejnietna. Iftħu għajnejkom! Kemm jidwu qawwija l-kelmiet tal-Mulej: “Henjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejħu wlied Alla” (Mt 5:9)! X’adrenalina iktar qawwija jista’ jkun hemm minn dik li nħabirku ta’ kuljum, b’dedikazzjoni, biex nibnu l-ħolm, biex infasslu t-tama? Il-ħolm jgħinna nżommu ħajja ċ-ċertezza li nafu li hija possibbli dinja oħra u li aħna msejħin inkunu fiha u nagħmlu parti minnha bix-xogħol tagħna, bit-tħabrik tagħna u l-azzjoni tagħna.

 

F’dan il-pajjiż hemm tradizzjoni ħelwa, dik tal-artiġjani tal-iskalpell, kapaċi jaqtgħu l-ġebla u jaħdmuha. Ara, hemm bżonn nagħmlu bħal dawk l-artisti u nsiru bravi bl-iskalpell tal-ħolm tagħna. Hemm bżonn naħdmu fuq il-ħolm tagħna. Ħaddiem tal-iskalpell jaqbad il-ġebla f’idejh u naqra naqra jibda jagħtiha forma u jibdilha, bl-applikazzjoni u l-isforz, u speċjalment b’rieda kbira li jara dik il-ġebla, li għaliha ħadd ma kien lest joħroġ sold, issir opra tal-arti.

 

L-isbaħ ħolm inwettquh bit-tama, is-sabar u t-tħabrik, u mhux bl-għaġla. Fl-istess waqt, ma rridux ningħalqu għax m’aħniex ċerti minna nfusna, ma rridux nibżgħu nirriskjaw jew li ħa nagħmlu xi żball. Pjuttost għandna nibżgħu li ngħixu pparalizzati, qisna mejtin weqfin fuq riġlejhom, li nispiċċaw suġġetti bla ħajja għax ma jridux jirriskjaw, għax mhumiex iħabirku fl-impenji tagħhom jew jibżgħu li ħa jiżbaljaw. Imqar jekk tiżbalja, dejjem tista’ terġa’ tgħolli rasek u tibda mill-ġdid, għax ħadd m’għandu l-jedd li jisraqlek it-tama” (Eżortazzjoni appostolika Christus vivit, 142). Tħallux lil min jisirqilkom it-tama!

 

Għeżież żgħażagħ, tibżgħux issiru bennejja tal-ħolm u bennejja tat-tama. Fhimtuni? [iwieġbu biċ-ċapċip]

 

Huwa minnu li aħna l-membri tal-Knisja m’għadniex nistrambjaw. Kulħadd irid isib fina aħwa u qraba, bħall-Appostli, li “l-poplu kollu kien iġibhom” (Atti 2:47; ara 4:21,33; 5:13). Imma fl-istess waqt irid ikollna l-kuraġġ li nkunu differenti, li nikxfu ħolmiet oħra li din id-dinja ma toffrix, li nagħtu xhieda tal-ġmiel tal-ġenerożità, tal-qadi, tas-safa, tal-qawwa, tal-maħfra, tal-fedeltà għall-vokazzjoni, tat-talb, tat-taqbida għall-ġustizzja u l-ġid komuni, tal-imħabba għall-foqra, tal-ħbiberija soċjali” (ibid., 36).

 

Aħsbu ftit f’Madre Tereża: meta kienet tgħix hawn ma setgħetx tistħajjel kif kienet se tkun ħajjitha, imma ma waqfitx toħlom u tħabrek biex tfittex dejjem tiskopri l-wiċċ tal-ikbar imħabba tagħha, li kien Ġesù, tiskoprih f’dawk kollha li kienu fit-truf tat-triq. Hi ħolmot bil-kbir u għalhekk ħabbet ukoll bil-kbir. Kellha saqajha jmissu sew ma’ din l-art, mal-art tagħha, imma ma qagħditx b’idejha marbuta. Riedet tkun “lapes f’idejn Alla”. Araw liema kienet il-ħolma li hi bniet. Offrietha lil Alla, emmnet fiha, batiet għaliha, imma qatt ma reġgħet lura minnha. U Alla beda jħażżeż b’dak il-lapes u jikteb paġni mill-isbaħ li qatt ma kienu dehru bħalhom qabel. Tfajla mill-poplu tagħkom, mara tal-poplu tagħkom, li ħolmot, kitbet ħwejjeġ kbar. Hu Alla li kitibhom, imma hi ħolmot u ħalliet lil Alla jmexxiha.

 

Kull wieħed u waħda minnkom, bħal Madre Tereża, hu msejjaħ jaħdem b’idejh stess, jieħu ħajtu bis-serjetà, biex jagħmel minnha xi ħaġa sabiħa. Ejjew ma nħallux lil min jisirqilna l-ħolm tagħna (ara ibid., 17), le, attenti! Ma niċċaħħdux għalxejn mill-ġdid li l-Mulej irid jirregalalna. Ħa ssibu ħafna imprevisti, ħafna…, imma importanti li taffrontawhom u tfittxu b’mod kreattiv kif tibdluhom f’opportunitajiet. Imma qatt waħidkom; ħadd ma jista’ jitqabad waħdu. Kif xhedulna Dragan u Marija: “il-komunjoni tagħna tagħtina l-qawwa biex naffrontaw l-isfidi tas-soċjetà tal-lum”.

 

Ħa nerġa’ naqbad ma’ dak li qalu Dragan u Marija: “Il-komunjoni tagħna tagħtina l-qawwa biex naffrontaw l-isfidi tas-soċjetà tal-lum”. Dan hu sigriet sabiħ biex nistgħu noħolmu u nagħmlu minn ħajjitna avventura sabiħa. Ħadd ma jista’ jaffronta l-ħajja b’mod iżolat, ma nistgħux ngħixu l-fidi, il-ħolm tagħna bla komunità, waħidna fil-qalb tagħna jew id-dar, magħluqin u iżolati bejn erba’ ħitan, hemm bżonn ta’ komunità li tweżinna, li tgħinna u li fiha ngħinu lil xulxin inħarsu ’l quddiem.

 

Kemm hu importanti noħolmu flimkien! Kif qed tagħmlu llum: hawn, ilkoll flimkien, bla ħitan. Nitlobkom, oħolmu dejjem flimkien, u mhux waħidkom; oħolmu mal-oħrajn, u qatt kontra l-oħrajn! Waħidna nkunu nirriskjaw li jkollna l-illużjonijiet, għax nibda nara dak li ma hemmx; imma flimkien nistgħu nibnu l-ħolm.

 

Ftit tal-minuti ilu rajna żewġt itfal jilagħbu hawn. Riedu jilagħbu, jilagħbu flimkien. Ma marrux jilagħbu quddiem skrin tal-kompjuter, riedu jilagħbu fuq xi ħaġa konkreta! Rajniehom: kienu ferħanin, kuntenti. Għax ħolmu li jilagħbu flimkien, wieħed mal-ieħor. Rajtuh dan? Imma f’ċertu punt, wieħed fehem li kien iktar b’saħħtu mill-ieħor, u flok ħolom mal-ieħor, beda joħlom kontra l-ieħor, u ried jirbaħlu. U dak il-ferħ inbidel fil-biki ta’ dak l-imsejken li spiċċa mal-art. Rajtu kif nistgħu ngħaddu milli noħolmu mal-ieħor għal li noħolmu kontra l-ieħor. Qatt tipprovaw taħkmu fuq l-oħrajn! Ibnu l-komunità mal-oħrajn: dan hu l-ferħ li nimxu flimkien ’il quddiem. Importanti ħafna.

 

Dragan u Marija qalulna kemm hu diffiċli dan meta kollox jidher qed jiżolana u jċaħħadna mill-opportunità li niltaqgħu flimkien – minn dan in-“noħolmu flimkien” –. Fis-snin li għext s’issa (u mhumiex ftit), tafu liema kienet l-aqwa lezzjoni li rajt u tgħallimt f’ħajti? Il-“wiċċ imb wiċċ”. Dħalna fl-era tal-konnessjonijiet, imma ftit nafu x’inhi komunikazzjoni. Ħafna kuntatti, imma ftit li xejn nikkomunikaw. Ħafna konnessjonijiet, imma ftit li xejn preżenti fil-ħajja ta’ xulxin. Għax biex tidħol fil-ħajja tal-ieħor trid tagħti ħajtek, dan jitlob minna li naqsmu flimkien mumenti sbieħ… u oħrajn inqas sbieħ. Fis-Sinodu ddedikat għaż-żgħażagħ is-sena l-oħra, stajna ngħixu l-esperjenza tal-laqgħa wiċċ imb wiċċ, żgħażagħ u inqas żagħażagħ, u nisimgħu lil xulxin, noħolmu flimkien, inħarsu ’l quddiem bit-tama u l-gratitudni. Dan kien l-aqwa antidotu kontra l-qtigħ il-qalb, kontra l-manipulazzjoni, kontra l-kultura ta’ dak li jgħaddi, tal-ħafna kuntatti bla komunikazzjoni, kontra l-kultura tal-profeti foloz li jħabbru biss ħwejjeġ koroh u qerda. L-antidotu hu li nisimgħu u nisimgħu lil xulxin. U issa, ħalluni ngħidilkom xi ħaġa li tassew inħoss ġo qalbi: agħtu lil xulxin l-opportunità li taqsmu u tgawdu “wiċċ imb wiċċ” tajba ma’ kulħadd, imma fuq kollox man-nanniet tagħkom, mal-anzjani tal-komunità tagħkom. Forsi hawn min diġà semagħni ngħidha din, imma nemmen li hi antidotu kontra dawk kollha li jridu jagħlqukom fil-preżent billi jifgawkom bi pressjonijiet u esiġenzi ta’ taparsi kuntentizza, fejn jidher li d-dinja ħa tispiċċa u hemm bżonn nagħmlu u nduqu kollox minnufih. Dan maż-żmien joħloq ħafna ansjetà, nuqqas ta’ sodisfazzjon, rassenjazzjoni. Għal qalb marida bir-rassenjazzjoni, m’hemmx rimedju aħjar milli tisma’ l-esperjenzi tal-anzjani.

 

Ħbieb, sibu l-ħin għax-xjuħ tagħkom, għall-anzjani tagħkom, isimgħu r-rakkonti twal tagħhom, li xi drabi jidhru kollha fantasija, imma, fir-realtà, huma mimlija b’esperjenza prezzjuża, mimlija simboli elokwenti u ta’ għerf moħbi li jeħtieġ niskopruh u nivvalorizzawh. Huma rakkonti li jitolbu l-ħin (ara Eżortazzjoni appostolika postsinodali Christus vivit, 195). Ma ninsewx x’jingħad: nanu jista’ jara ħafna iżjed fil-bogħod jekk joqgħod fuq spallejn ta’ ġgant. Hekk tiksbu viżjoni li sa issa għadkom ma lħaqtux. Indiehsu fil-qalba tal-għerf tal-poplu tagħkom, tan-nies tagħkom, idħlu bla mistħija jew kumplessi, u ssibu hemm għajn ta’ kreattività li ma kontux tistħajlu u li timla kollox, tħallikom taraw toroq hemm fejn l-oħrajn jaraw biss ħitan, possibbiltajiet fejn oħrajn jaraw periklu, qawmien fejn ħafna jħabbru biss il-mewt.

 

Għalhekk, għeżież żgħażagħ, ngħidilkom tkellmu man-nanniet tagħkom u max-xjuħ tagħkom. Huma l-għeruq, l-għeruq tal-istorja tagħkom, l-għeruq tal-poplu tagħkom, l-għeruq tal-familji tagħkom. Intom għandkom taqbdu mal-għeruq biex tixorbu minn dak il-meraq li jgħin lis-siġra tikber u tagħti fjuri u frott, imma dejjem mill-għeruq. M’iniex ngħid li intom għandkom tindifnu mal-għeruq taħt l-art: le, hekk le. Imma intom għandkom tmorru u tisimgħu x’jgħidu l-għeruq u minn hemm tieħdu l-qawwa biex tikbru, biex tibqgħu mexjin. Jekk siġra jaqtgħulha l-għeruq, dik is-siġra tmut. Jekk lilkom iż-żgħażagħ jaqtgħulkom l-għeruq tagħkom, li huma l-istorja tal-poplu tagħkom, intom tmutu. Iva, tgħixu, imma bla frott: art twelidkom, il-poplu tagħkom ma jkunux jistgħu jroddu frott għax intom tkunu nftamtu minn mal-għeruq.

 

Meta kont għadni daqsxejn ta’ tifel, l-iskola kienu jgħidulna li meta l-Ewropej marru jiskopru l-Amerika ħadu magħhom ħġieġ ikkulurit: kienu juruh lill-Indjani, lill-Indiġeni u dawn kienu jitħeġġu jaraw dak il-ħġieġ ikkulurit, li ma kienu qatt rawh. U dawn l-Indjani kienu jinsew l-għeruq tagħhom u kienu jaraw kif ħa jakkwistaw il-ħġieġ ikkulurit u minfloku kienu jagħtuhom id-deheb. Bil-ħġieġ ikkulurit kienu jisirqulhom id-deheb. Kienet ix-xi ħaġa ġdida, u kollox kienu lesti jagħtu biex ikollhom din il-ħaġa ġdida li ma kienet tiswa xejn. Intom iż-żgħażagħ, attenti, għax anki llum għandna l-konkwistaturi, il-kolonizzaturi li ħa jġibulna l-ħġieġ ikkulurit: huma l-kolonizzazzjonijiet ideoloġiċi. Ħa jiġu għandkom u jgħidulkom: “Le, intom għandkom tkunu poplu iżjed modern, iżjed b’moħħu miftuħ, timxu ’l quddiem, ħudu dawn l-affarijiet, imxu din it-triq, insew il-ħwejjeġ ta’ dari: imxu ’l quddiem!”. X’għandkom tagħmlu? Tiddixxernu. Dak li qed iġġibli din il-persuna hu ħaġa tajba, f’armonija mal-istorja tal-poplu tiegħi? Jew hu biss “ħġieġ ikkulurit”? U biex ma nitqarrqux importanti nitkellmu max-xjuħ, titkellmu mal-anzjani li jgħaddulkom l-istorja tal-poplu tagħkom, l-għeruq tal-poplu tagħkom. Tkellmu max-xjuħ, biex tistgħu tikbru. Niddjalogaw mal-istorja tagħna biex immexxuha iżjed ’il quddiem. Nitkellmu mal-għeruq tagħna biex nagħtu fjuri u frott.

 

U issa jkolli nagħlaq, għax il-ħin itir. Imma nistqarr magħkom ħaġa: mill-bidu ta’ dan l-intervent tiegħi magħkom, l-attenzjoni tiegħi ġibdithieli sitwazzjoni partikulari. Kont qed inħares lejn din il-mara, hawn quddiem: qed tistenna tarbija. Qed tistenna tarbija, u forsi hawn xi ħadd minnkom ħa jgħid: “Oħ! X’biċċa ġratilha, imsejkna mara, kemm se jkollha tbati!”. Hemm min qed jaħseb hekk? Le. Ħadd ma jaħseb: “Oħ, se tgħaddi l-iljieli kollha bla ma torqod minħabba l-biki tat-tarbija…”. Le. Dik it-tarbija hi wegħda, tħares ’il quddiem. Din il-mara rriskjat biex setgħet iġġib tarbija fid-dinja għax hi tħares ’il quddiem, tħares lejn l-istorja. Għax hi tħossha għandha l-qawwa tal-għeruq biex tista’ ġġib il-ħajja ’l quddiem, biex iġġib lil pajjiżha ’l quddiem, biex iġġib il-poplu tagħha ’l quddiem.

 

U nagħlqu lkoll flimkien b’applaws lit-tfajliet kollha, lin-nisa kollha qalbiena li qed ikomplu jmexxu l-istorja ’l quddiem.

 

U grazzi lit-traduttur li kien bravu ħafna!

 

Teħtieġhom dirgħajja, Mulej?

(Talba ta’ Madre Tereża)

 

Teħtieġhom dirgħajja, Mulej,

biex ngħin illum lill-morda u l-foqra

li għandhom bżonnhom?

Mulej, illum noffrilek dirgħajja.

 

Teħtieġhom riġlejja, Mulej,

biex illum jeħduni

għand dawk li għandhom bżonn ta’ ħabib?

Mulej, illum noffrilek riġlejja.

 

Teħtieġu leħni, Mulej,

biex illum inkellem lil dawk kollha

li għandhom bżonn tal-kelma ta’ mħabbtek?

Mulej, illum noffrilek leħni.

 

Teħtieġha qalbi, Mulej,

biex inħobb lil kulħadd,

mingħajr eċċezzjoni?

Mulej, illum noffrilek qalbi.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard