VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FIL-BULGARIJA U L-MAĊEDONJA TAT-TRAMUNTANA
[5-7 ta’ MEJJU, 2019]

LAQGĦA MAL-AWTORITAJIET, MAS-SOĊJETÀ ĊIVILI U L-KORP DIPLOMATIKU

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU

Is-Sala tal-Mużajk tal-Palazz Presidenzjali (Skopje)
It-Tlieta, 7 ta’ Mejju, 2019

 

Sur President,
Sur Pirm Ministru,
Illustri Membri
tal-Korp Diplomatiku,
Awtoritajiet Distinti ċivili u reliġjużi,
Għeżież ħuti
,

Nirringrazzja min qalbi lis-Sur Pfresident għall-kliem mimli kortesija li laqgħani bih u għall-istedina, li apprezzajt, biex jien inżur il-Maċedonja tat-Tramuntana, li hu għamilli, flimkien mas-Sur Prim Ministru.

Bl-istess mod irrodd ħajr lir-rappreżentanti tal-Komunitajiet reliġjużi l-oħra li jinsabu hawn.  Insellem minn qiegħ qalbi lill-komunità kattolika li hawn hi rappreżentata mill-Isqof ta’ Skopje u Eparka tal-Eparkija tal-Beata Verġni Assunta fi Strumica-Skopje,  li hi parti attiva u integranti tas-soċjetà tagħkom u bi dritt kollu taqsam magħkom il-ferħat, it-taħssib u l-ħajja ta’ kuljum tal-popolu tagħkom.

Hija l-ewwel darba li s-Suċċessur ta’ Pietru jinsab fir-Repubblika tal-Maċedonja u jien kuntent li dan stajt nagħmlu f’għeluq il-25 sena minn mindu twaqqfu r-relazzjonijiet diplomatiċi mas-Santa Sede, realzzjonijiet li bdew ftit snin wara li ksibtu l-indipendenza f’Settembru tal-1991.

Artkom, pont bejn l-orjent u l-punent, hi post fejn jitlaqqgħu għadd ta’ kurrenti kulturali, u tħaddan fiha bosta karatteristiċi speċifiċi għal dar-reġjun.  Bit-testimonjanzi raffinati tal-passat biżantin u ottoman tagħha, bil-fortizzi ambizzjużi qalb il-muntanji u l-ikonostasi meraviljużi tal-knejjes antiki tagħha, li jiżvelaw preżenza kristjana sa minn żmien l-appostli, turi l-konsistenza u l-għana tal-kultura millenarja li tgħammar fiha.  Ippermettuli ngħidilkom li dan l-għana kulturali hu biss mera tal-partimonju prezzjuż u validu tagħkom: tat-taħlita multi-etnika u multi-reliġjuża tal-wiċċ tal-poplu tagħkom, frott ta’ storja rikka u, għaliex le, kumplessa, ta’ relazzjonijiet minsuġa tul il-mixja tas-sekli.

Dan il-kaldarun ta’ kulturi u appartenenzi etniċi u reliġjużi kien il-bidu ta’ konvivenza paċifika u dejjiema, li fiha l-identitajiet individwali għarfu u setgħu jesprimu ruħhom u jiżviluppaw bla ma jiċħdu, jgħakksu jew jiddiskriminaw lill-oħrajn.  Kienu atteġġjamenti lil hinn mit-tolleranza: għarfu jkunu rispettużi.  B’hekk huma taw għamla u nisġa lir-relazzjonijiet u s-sitwazzjonijiet li, minn dan l-aspett, jistgħu jagħmlu minnkom eżempju bħala mezz ta’ konvivenza hienja u fraterna, bid-differenzi u r-rispett reċiproku.

Dawn il-karatteristiċi speċjali, fl-istess ħin, għandhom tifsir kbir fi-triq li biha qed tfittxu integrazzjoni aktar sfiqa mal-pajjiżi ewropej.  Nawgura li din l-integrazzjoni tieħu xejra pożittiva għar-reġjun kollu tal-Balkani tal-punent, kif ukoll li din isseħħ b’rispett lejn id-diversita u d-drittijiet fundamentali.

Infatti, hawnhekk, kemm l-appartenenza reliġjuża differenti tal-Ortodossi, tal-Musulmani, tal-Għebrej, tal-Protestanti, kif ukoll id-distinzjoni etnika bejn Maċedoni, Albaniżi, Serbi, Korati u persuni ta’ oriġini oħra, ħolqot mużajk li fih kull biċċa rħam hi meħtieġa biex turi s-sbuħija u l-oriġinalità tal-kwadru sħih.  Sbuħija li tilħaq l-akbar splendur tagħha fil-qies li bih intom tagħrfu ttuha u tiżirgħuha fil-qlub tal-ġenerazzjonijiet il-ġodda.

Kull sforz magħmul biex id-diversi twemmin reliġjuż u l-etniji differenti jsibu art komuni bir-rispett lejn kull persuna umana u bil-garanzija tal-libertajiet fundamentali, qatt mhu se jkun fil-vojt, anzi jkompli jxerred iż-żergħa meħtieġa għal ġejjieni ta’ paċi u għammiel.

Nixtieq insemmi l-isforz ġeneruz li għamlet ir-Repubblika tagħkom – kemm min-naħa tal-awtoritajiet tal-istat kif ukoll bil-kontribut ta’ diversi Organizzazzjonijiet internazzjonali, tal-Għaqda tas-Salib l-Aħmar, tal-Caritas u ta’ xi organizzazzjonijiet mhux governattivi – biex tilqa’ u tagħti għajnuna lil għadd kbir ta’ migranti u rifuġjati li ġew minn diversi pajjiżi tal-Lvant Nofsani.  Kienu qed jaħarbu mill-gwerra jew minn kundizzjonijiet ta’ faqar estrem, spiss riżultat ta’ episodji gravi tal-gwerra, li fis-snin 2015-2016 qasmu l-konfini tagħkom, il-biċċa l-kbira minnhom biex imorru lejn it-tramunatana u l-punent tal-Ewropa, u li għandkom sabu kenn validu.  Is-solidarjetà offruta minnufih lil dawk li dak iż-żmien sabu ruħhom fi bżonn kbir għax kienu tilfu lil tant persuni għeżież minbarra djarhom, xogħolhom u l-patrija, jagħmlilkom unur u jistqarr l-ispirtu ta’ dan il-poplu illi, filwaqt li jaf xi jfisser in-nuqqas, fis-solidarjetà u l-qsim tal-ġid, jagħraf liema huma t-toroq tal-iżvilupp awtentiku.

Irridu ukoll nagħti ġieħ b’mod partikolarment speċjali lil konċittadina illustri tagħkom, li mmexija mill-imħabba t’Alla, għażlet il-karità bħala l-liġi suprema tal-eżistenza tagħha, tant li ġibdet l-ammirazzjoni tad-dinja kollha u inawgurat mod speċifiku u radikali ta’ kif bniedem ikun ta’ sevizz għall-abbandunati, għall-imwarrbin, għall-aktar foqra.  Naturalment qed nirreferi għal dik li mad-dinja kollha hi magħrufa bħala Madre Tereża ta’ Kalkutta.  Hi twieldet f’subborg ta’ Skopje fl-1910 bl-isem ta’ Anjeże Gonxha Bojaxhiu u wettqet l-appostolat tagħha, magħmul minn għotja sħiha u umli tagħha nifisha, fl-Indja, u permezz tas-sorijiet tagħha, laħqet bosta trufijiet ġjografiċi u eżistenzjali tad-dinja.  Jien kuntent li ftit tal-ħin ieħor se nkun nista’ nqatta’ ftit ħin nitlob fejn il-Memorjal iddedikat lilha, mibni fil-post fejn kien hemm il-Knisja tal-Qalb ta’ Ġesù, li (Madre Tereża) kienet ġiet mgħammdu fiha.

Intom bir-raġun kburin b’dil-mara kbira.  Inħeġġiġkom biex tkomplu taħdmu b’impenn, dedikazzjoni u tama sabiex ulied din l-art, fuq l-eżempju tagħha, ikunu jistgħu jiskopru, jilħqu u jimmaturaw il-vokazzjoni li Alla ħolom għalihom.

Sur President,

Ibda mill-waqt li fih il-Maċedonja tat-Tramuntana kisbet l-indipendenza, is-Santa Sede akkumpanjat b’attenzjoni ħajja l-passi li għamel il-pajjiż biex imexxi ‘l quddiem id-djalogu u biex l-Awtoritajiet ċivili u l-konfessjonijiet reliġużi jifhmu lil xulxin.

Illum il-Providenza qed toffrili l-possibiltà li nuri din il-qrubija personalment; u b’hekk nesprimi wkoll il-gratitudni għaż-żjara li ta’ kull sena tagħmel fil-Vatikan id-delegazzjoni uffiċjali tagħkom fl-okkażjoni tal-festa tal-Qaddisin Ċirillu u Metodju.  Inħeġġiġkom biex tkomplu miexjin bil-fiduċja sabiex lil pajjiżkom tagħmluh fanal ta’ paċi, ta’ akkoljenza u integrazzjoni għammiela bejn il-kulturi, ir-reliġjonijiet u l-popli.  Ibda mill-identitajiet rispettivi u d-dinamiżmu tal-ħajja kutlurali u ċivili tagħhom, huma b’hekk ikunu jistgħu jibnu destin komuni, miftuħin għall-għana li kull wieħed u waħda jġorru fihom.

Il-Mulej iħares u jbierek il-Maċedonja tat-Tramuntana, iżomm ħajja fiha l-armonija u jtiha l-prosperità u l-ferħ!

 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber