VJAĠĠ APPOSTOLLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU
FIL-LITWANJA, IL-LETTONJA U L-ESTONJA

[22-25
TA’ SETTEMBRU, 2018]

IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Park Santakos a Kaunas (Litwanja)
Il-Ħadd, 23 ta’ Settembru, 2018

 

Għeżież ħuti,

Il-Ktieb tal-Għerf, li smajna fl-ewwel qari, ikellimna dwar il-persekuzzjoni tal-ġust, ta’ dak li l-preżenza tiegħu biss tagħti fastidju lill-ħżiena.  Il-bniedem ħażin hu deskritt bħala dak li jgħakkes lill-fqir, li m’għandux ħniena mill-armla u lanqas jirrispetta lill-anzjan (cfr 2, 17-20).  Il-ħażin għandu l-arja li jaħseb li l-qawwa tiegħu hi n-norma tal-ġustizzja.  Tgħakkes lil min hu dgħajjef, tuża l-forza f’kull għamla tagħha, timponi mod ta’ ħsieb, ideoloġija, diskors dominanti, tuża l-vjolenza jew ir-ripressjoni biex tirfes lil dawk li sempliċiment, bil-mod kif iġibu ruħhom kuljum, juru ċar li hu possibbli li jkun hemm dinja differenti, soċjetà oħra.  Għall-ħażin mhux biżżejjed li jagħmel dak li jidhirlu, li jitmexxa mill-kappriċċi tiegħu; ma jridx li l-oħrajn, dawk li jagħmlu t-tajjeb, jikxfulu għommtu. Fil-ħażin, il-hażen dejjem ifittex li jxejjen it-tajjeb.

Ħamsa u sebgħin sena ilu, dan in-Nazzjon kien qed jassisti għall-qerda draba għal dejjem tal-Getto ta’ Vilnius; b’hekk laħaq il-milja tiegħu it-tixjin ta’ eluf ta’ Għebrej li kien diġà beda sentejn qabel.  Kif naqraw fil-Ktieb tal-Għerf, il-poplu Lhudi għadda minn bosta offiżi u turmenti.  Inżommu l-memorja ta’ dawk iż-żminijiet u nitolbu lill-Mulej li jtina d-don tad-dixxerniment biex niskopru fiż-żmien kull tip ta’ mikrobu ġdid ta’ dak l-atteġġjament qerriedi, ta’ kull arja li tnixxef il-qalb tal-ġenerazzjonijiet li ma għaddewx minn dan l-għelt u li jistgħu jiġru wara dak il-kant tas-sireni.

Fl-Evanġelju Ġesù jfakkarna f’tentazzjoni li dejjem għandna nishru dwarha bl-attenzjoni: l-ansjetà li nkunu tal-ewwel, li ngħaddu lill-oħrajn, ħaġa li tista’ tbejjet f’kull qalb umana.  Kemm-il darba ġara li poplu jemmen li hu superjuri, b’aktar drittijiet, b’aktar privileġġi li jrid jikkonserva jew jikseb.  Liema hu r-rimedju li jipproponi Ġesù meta fi qlubna u fil-mentalità ta’ xi soċjetà jew pajjiż tibda’ tinħass dit-taħbita?  Insiru tal-aħħar u qaddejja ta’ kulħadd; noqgħodu fejn ħadd ma jrid imur, fejn xejn ma jasal, fil-periferija l-aktar imbegħeda; u nservu, noħolqu spazji ta’ laqgħa ma’ tal-aħħar, mal-iskartati.   Kieku s-setgħa tiddeċiedi dwar dan, kieku kellna nippermettu l-Evanġelju ta’ Kristu jasal sal-fond ta’ ħajjitna, allura l-globaliżżazzjoni tas-solidarjetà ssir verament realtà.  Filwaqt li fid-dinja, speċjalment f’ċerti  pajjiżi, qed jidhru mil-ġdid diversi għamliet ta’ gwerrer u taqbid, aħna l-insara ninsistu bil-proposta li nagħtu għarfien lill-ieħor, li ndewwu l-ġrieħi, li nibnu l-pontijiet, li nwaqqfu relazzjonijiet u ngħinu lil xulxin biex inġorru l-piżijiet ta’ xulxin (Gal. 6,2) (Eż. App. Il-Ferħ tal-Vanġelu, 67).

Hawn fil-Litwanja hawn l-għolja tas-slaleb, fejn eluf ta’ persuni, matul is-sekli, ħawlu s-sinjal tas-salib.  Nistedinkom, waqt li nkunu qed nirreċitaw l-Angelus, biex titolbu lil Marija tgħinna nħawlu s-salib fil-qadi tagħna, fid-dedizzjoni tagħna fejn hemm bżonna, fuq l-għolja fejn jgħejxu tal-aħħar, fejn hemm ħtieġa tal-attenzjoni delikata lejn min hu mwarrab, lejn il-minoranzi, biex inbegħedu mill-ambjenti tagħna u mill-kulturi tagħna l-possibiltà li nxejjnu lill-ieħor, li nemarġinaw, li nkomplu niskartaw lil min itina fastidju u jiddisturba l-kumditajiet tagħna.

Ġesù jressaq fin-nofs tfajjel ċkejken, iqiegħdu f’distanza ugwali minn kulħadd, biex aħna lkoll inħossu l-provokazzjoni u nagħtu tweġiba.  Aħna u niftakru fl-”iva” ta’ Marija, nitolbuha tagħmel l-”iva” tagħna ġeneruża u għammiela bħal tagħha.

L-Anġlu t’Alla ħabbar lil Marija.....

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

nixtieq nieħu din l-okkażjoni biex irrodd ħajr lis-Sinjura President tar-repubblika u lill-Awtoritajiet l-oħra tal-Litwanja, kif ukoll lill-Isqfijiet u l-kollaboraturi tagħhom għat-tħejjija taż-żjara tiegħi; u nestendi l-gratitudni tiegħi lil dawk kollha li b’ħafna modi taw is-sehem tagħhom anki bit-talb.

F’dawn il-jiem għandi ħsieb speċjali għall-komunità Għebrajka.  Illum waranofsinhar se nitlob quddiem il-Monument tal-Vittmi tal-Getto ta’ Vilnius, fl-okkażjoni tal-75 sena tal-qerda tiegħu.  Jalla l-Aktar Għoli jbierek id-djalogu u l-impenn komuni għall-ġustizzja u l-paċi.

Il-Ħadd it-tajjeb!  Il-Pranzu t-tajjeb! - Gražaus sekmadienio! Skaniu pietu!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber