“Qed narmu ġenerazzjoni sħiħa biex inżommu wieqfa sistema ekonomika li m’għadhiex tajba”, iwissi l-Papa f’intervista esklussiva lil La Vanguardia. Fit-tweġibiet tiegħu, Franġisku juri l-kuraġġ u s-sempliċità li qed jikkaratterizzaw il-pontifikat tiegħu.

 

Għandna pajjiżi fejn il-lum l-Insara qed jiġu ppersegwitati.

L-Insara ppersegwitati huma tħassib li bħala ragħaj imissli qalbi mill-qrib.  Naf b’bosta ħwejjeġ dwar il-persekuzzjoni li ma jidhirlix prudenti nirrakkontahom hawn, biex ma nweġġa’ lil ħadd.  Imma hemm postijiet fejn hu pprojbit li jkollok Bibbja jew tgħallem il-katekiżmu jew iġġorr salib fuqek…  Hemm ħaġa li rrid niċċara: jiena konvint li l-persekuzzjoni kontra l-Insara l-lum hi ikbar minn dik fl-ewwel sekli tal-Knisja.  Il-lum għandna iżjed Insara martri milli kellna f’dik l-epoka.  U din m’hix immaġinazzjoni, dan jgħiduh in-numri.

 

Fil-Lvant Nofsani ssaltan il-vjolenza f’isem Alla.

Hi kontradizzjoni.  Il-vjolenza f’isem Alla m’hix biss ħaġa ta’ żmienna.  Hi ħaġa antika.  Jekk inħarsu lura lejn l-istorja jkollna nammettu li aħna l-Insara, kultant, ipprattikajnieha wkoll.  Meta naħseb fil-Gwerra tat-Tletin Sena, dik kienet vjolenza f’isem Alla.  Il-lum lanqas nimmaġinawha, hux veru?  Kultant permezz tar-reliġjonijiet nidħlu f’kontradizzjonijiet tassew serji, gravi ħafna.  Il-fundamentaliżmu, ngħidu aħna.  Fit-tliet reliġjonijiet għandna l-gruppi fundamentalisti tagħna, li huma żgħar jekk inqabbluhom mal-bqija l-oħra.

 

X’jidhirlek fuq dan?

Grupp fundamentalista, anki jekk ma joqtol lil ħadd, anki jekk ma jsawwat lil ħadd, hu vjolenti.  L-istruttura mentali tal-fundamentaliżmu hi vjolenza f’isem Alla.

 

Xi wħud jgħidu li int rivoluzzjonarju.

Forsi aħjar inċemplu lill-kbira Mina Mazzini [fir-realtà Iva Zanicchi], il-kantanta Taljana, u ngħidulha: “Ħudli idi, żingara” u taqrali l-passat, min jaf… [daħka].  Għalija r-rivoluzzjoni l-kbira hi li nerġgħu lura lejn l-għeruq, nagħrfu liema huma u naraw dawn l-għeruq x’għandhom x’jgħidulna fil-ġurnata tal-lum.  M’hemmx kontradizzjoni bejn li tkun rivoluzzjonarju u li tfittex l-għeruq.  Mhux hekk biss, nemmen ukoll li l-mod kif tagħmel bidliet veri hu jekk tfittex l-identità tiegħek.  Fil-ħajja ma tista’ qatt tmidd pass ’il quddiem fil-ħajja jekk ma titlaqx mill-bidu, jekk ma tafx mnejn ġej, x’isem kulturali jew reliġjuż għandek.

 

Int ksirt ħafna protokolli ta’ sigurtà biex tersaq eqreb tan-nies.

Naf li tista’ tiġrili xi ħaġa, imma dak inħallih f’idejn Alla.  Niftakar kif fil-Brażil kienu ppreparawli popemobile magħluqa, bil-ħġieġ, imma jien ma nistax insellem poplu u ngħidlu li nħobbu minn ġo landa tas-sardin, anki jekk tkun tal-kristall.  Għax għalija dak hu ħajt.  Naf li kollox jista’ jiġri, imma ngħiduha kif inhi, fl-età tiegħi ma tantx għandi x’nitlef.

 

Għaliex hu daqshekk importanti li l-Knisja tkun fqira u umli?

Il-faqar u l-umiltà huma fil-qalba tal-Vanġelu u dan ngħidu f’sens teoloġiku, mhux soċjoloġiku.  Il-Vanġelu ma tistax tifhmu mingħajr il-faqar, imma hemm bżonn nagħmlu differenza bejn faqar u pawperiżmu.  Jien nemmen li Ġesù jrid li l-isqfijiet ma jkunux prinċipijiet, imma qaddejja.

 

X’tista’ tagħmel il-Knisja biex tnaqqas l-inugwaljanza dejjem tikber bejn l-għonja u l-foqra?

Hu fatt ippruvat li bl-ikel li jifdal nistgħu nitimgħu lil min hu bil-ġuħ.  Meta int tara ritratti ta’ tfal li m’humiex jieklu biżżejjed f’bosta partijiet tad-dinja tpoġġi jdejk fuq rasek, għax ma tifhimhiex.  Jien ngħid li ninsabu f’sistema ekonomika dinjija ħażina.  Fiċ-ċentru ta’ kull sistema ekonomika għandu jkun hemm il-bniedem, ir-raġel u l-mara, u l-bqija kollu għandu jkun għas-servizz ta’ dan il-bniedem.  Imma aħna fiċ-ċentru poġġejna l-flus, l-alla flus.  Waqajna fi dnub ta’ idolatrija, ta’ idolatrija tal-flus.  L-ekonomija timxi bil-kilba għal iktar u, paradossalment, tinħoloq kultura ta’ l-iskart.  Inkunu narmu liż-żgħażagħ meta nillimitaw ir-rata tat-twelid.  Narmu wkoll lill-anzjani għax m’għadhom jiswew għal xejn, ma jipproduċux, huma klassi passiva…  Meta narmu lit-tfal u lill-anzjani nkunu narmu l-futur ta’ poplu, għax it-tfal huma li jmexxuna b’saħħa ’l quddiem u għax l-anzjani jagħtuna l-għerf, iġorru fihom il-memorja ta’ poplu u jridu jgħadduha liż-żgħażagħ.  U issa saret ukoll moda narmu ż-żgħażagħ bil-qgħad.  Tħassibni ħafna r-rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ, li f’xi pajjiżi hi iktar minn 50%.  Xi ħadd qalli li 75 miljun żagħżugħ u żagħżugħa fl-Ewropa ta’ inqas minn 25 sena huma qiegħda.  Hi enormità.  Hekk qed narmu ġenerazzjoni sħiħa biex inżommu fuq saqajha sistema ekonomika li m’għadhiex tajba, sistema li biex tibqa’ sħiħa trid tagħmel gwerra, kif dejjem għamlu l-imperi l-kbar.  Imma la ma nistgħux nagħmlu t-Tielet Gwerra Dinjija, allura nagħmlu l-gwerer lokali.  U dan xi jfisser?  Li jiġu ffabbrikati u mibjugħa l-armi, u b’hekk ovvjament iżommu weqfin l-ekonomiji idolatri, l-ekonomiji l-kbar tad-dinja li jissagrifikaw lill-bniedem f’riġlejn l-idolu tal-flus.  Dan il-mod uniku ta’ ħsieb ineżżagħna mill-għana tad-diversità tal-ħsieb u allura mill-għana ta’ djalogu bejn il-persuni.  Il-globalizzazzjoni, jekk nifhmuha tajjeb, hi għana.  Globalizzazzjoni ħażina hi dik li teqred id-differenzi.  Hi bħal globu, bil-punti kollha tiegħu mbiegħda ndaqs miċ-ċentru.  Globalizzazzjoni li minnha jistagħna l-bniedem hi bħal priżma, kull parti magħquda flimkien imma kull waħda żżomm il-partikularità tagħha, l-għana tagħha, l-identità tagħha, u dan m’hux iseħħ.

 

Jinkwetak il-kunflitt bejn il-Katalunja u Spanja?

Kull tip ta’ firda tinkwetani.  Hemm indipendenza li temanċipa u hemm indipendenza li tifred.  L-indipendenza ta’ l-emanċipazzjoni, ngħidu aħna, hi bħal dik ta’ l-Istati Amerikani, li emanċipaw ruħhom minn dawk Ewropej.  L-indipendenzi ta’ popli għall-firda bejniethom spiss huma smembrament wisq ovvju.  Tiġini f’moħħi l-eks-Jugoslavja.  Ovvjament hemm popli b’kulturi hekk differenti minn xulxin li ma tistax twaħħalhom flimkien lanqas bil-kolla.  Il-każ tal-Jugoslavja hu ċar ħafna, imma nistaqsi jekk hux daqstant ċar dak ta’ popli oħra li sal-lum kienu magħquda.  Jeħtieġ nistudjaw il-każi wieħed wieħed.  L-Iskozja, il-Padanja, il-Katalunja.  Ħa nsibu kawżi li jkunu ġusti u oħrajn li ma jkunux, imma l-qsim ta’ nazzjon mingħajr preċedent ta’ xi għaqda inevitabbli għandna nħarsu lejh b’ħafna prudenza u rridu nanalizzaw l-aspetti kollha tiegħu.

 

It-talba għall-paċi tal-Ħadd li għadda ma kinitx faċli biex torganizzaha u kienet bla preċedenti kemm fil-Lvant Nofsani u kemm fid-dinja kollha.  Kif ħassejtek?

Int taf li ma kinitx faċli għax int kont imdaħħal fiha u parti kbira mis-suċċess nafuha propju lilek.  Ħassejt li kienet xi ħaġa ’l fuq minna lkoll.  Hawn il-Vatikan, 99% kienu jgħidu li ma tistax issir, u wara l-1% li kien fadal beda jikber.  Ħassejt li konna qed niġu mqanqla biex nagħmlu xi ħaġa li ma kinitx ġietna f’moħħna, u li, ftit ftit, bdiet titlaħħam.  Ma kien xejn affattu att politiku – dan mill-ewwel ħassejt li hu hekk – imma att reliġjuż: biex lid-dinja niftħulha tieqa.

 

Għaliex għażilt li tintefa’ għal rasek fil-qalba ta’ ċiklun bħalma hu l-lum il-Lvant Nofsani?

Il-vera qalba taċ-ċiklun, minħabba fl-entużjamu li kien hemm, kien il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ f’Rio de Janeiro s-sena l-oħra.  Għażilt li mmur l-Art Imqaddsa għax stedinni l-President Peres.  Kien jaf li l-mandat tiegħu kellu jispiċċa fir-Rebbiegħa li ġejja, għalhekk ħassejtni obbligat, f’ċertu sens, li mmur qabel.  L-istedina tiegħu antiċipat il-vjaġġ.  Ma kellix f’moħħi nagħmlu.

 

Għaliex hu importanti għal kull Nisrani li jżur Ġerusalemm u l-Art Imqaddsa?

Minħabba fir-Rivelazzjoni.  Għalina, kollox hemm beda.  Hi bħall-“ġenna fuq l-art”, iddewwaqna minn qabel dak li hemm jistenniena fil-ħajja li ġejja, f’Ġerusalemm tas-Sema.

 

Int u l-ħabib tiegħek ir-rabbi Skorka tgħannaqtu quddiem il-Ħajt tal-Bekkejja.  Kemm kien importanti dan il-ġest għar-rikonċiljazzjoni bejn Insara u Lhud?

Tinsiex li quddiem il-Ħajt kien hemm anki l-ħabib kbir tiegħi, il-Professur Omar Abboud, president ta’ l-Istitut għad-Djalogu Interreliġjuż ta’ Buenos Aires.  Ridt nistieden lilu wkoll.  Hu bniedem reliġjuż ħafna, missier ta’ żewġ ulied.  Anki hu ħabib tar-rabbi Skorka u t-tnejn nirrispettahom ħafna, u ridt li din il-ħbiberija bejnietna t-tlieta tidher bħala xhieda.

 

Sena ilu int għidtli li “f’kull Nisrani hemm Lhudi”.

Forsi jkun iżjed korrett ngħidu li “int ma tistax tgħix il-Kristjaneżmu tiegħek, ma tistax tkun Nisrani veru, jekk ma tagħrafx l-għeruq Lhud tiegħek”.  M’iniex nitkellem fuq Lhudi fis-sens semitiku tar-razza, imma f’sens reliġjuż.  Nemmen li d-djalogu bejn ir-reliġjonijiet għandu jinżel iżjed fil-fond ta’ dan il-punt, l-għeruq Lhud tal-Kristjaneżmu u l-fjoritura Nisranija tal-Ġudaiżmu.  Nifhem li hi sfida, kwistjoni taħraq, imma bħala aħwa nistgħu nagħmluha.  Jien kuljum nitlob l-Uffiċċju Divin bis-salmi ta’ David.  Il-150 salm f’ġimgħa sħiħa ntennuhom kollha.  It-talba tiegħi hi Lhudija, u mbagħad għandi l-Ewkaristija, li hi Nisranija.

 

Kif tħares lejn l-antisemitiżmu?

Ma nafx infisser għaliex iseħħ, imma nemmen li, b’mod ġenerali, u mingħajr ebda regola fissa, hu marbut ħafna mal-partiti tal-lemin.  L-antisemitiżmu soltu iktar jitrawwam fi ħdan il-kurrenti politiċi tal-lemin milli f’dawk tax-xellug.  Ma taħsibx?  U għadu għaddej.  Hemm saħansitra minn jiċħad li seħħ l-Olokawst.  Ġennata.

 

Wieħed mill-proġetti tiegħek hu dak li tiftaħ l-arkivji tal-Vatikan fuq l-Olokawst.

Jitfgħu ħafna dawl.

 

Jinkwetak dak li tista’ tiskopri?

Fuq dan il-punt iktar tinkwetani l-figura ta’ Piju XII, il-Papa li mexxa l-Knisja tul it-Tieni Gwerra Dinjija.  Lill-imsejken Piju XII il-voti kollha tawh.  Imma rridu niftakru li qabel kien jħarsu lejh bħala d-difensur il-kbir tal-Lhud.  Ħeba ħafna minnhom fil-kunventi ta’ Ruma u ta’ bliet oħra Taljani, u anki fir-residenza tas-Sajf f’Castel Gandolfo.  Hemm, fil-kamra tal-Papa, fl-istess sodda tiegħu, twieldu 42 tarbija, ulied il-Lhud u persuni oħra ppersegwitati li sabu kenn hemm.  Dan mhux biex ngħid li Piju XII ma għamilx żbalji – anki jien nagħmel ħafna – imma r-rwol tiegħu rridu naqrawh fil-kuntest ta’ dik l-epoka.  Ngħidu aħna, kien aħjar li ma tkellimx, biex ma jinqatlux iżjed Lhud, jew aħjar tkellem?  Irrid ngħid ukoll li xi kultant taqbadni ftit ta’ ħorriqija eżistenzjali meta nara kif kulħadd iħaqqaqha mal-Knisja u ma’ Piju XII u jinsew li kien hemm ukoll il-qawwiet il-kbar.  Taf int li huma kienu jafu perfettament il-linja tal-ferrovija tan-Nażisti li kienet tieħu lil-Lhud fil-kampijiet tal-konċentrament?  Kellhom ir-ritratti.  Imma ma bbumbardjawhomx dawn il-linji.  Għaliex?  Nagħmlu tajjeb jekk nitkellmu ftit fuq kollox.

 

Int għadek tħossok kappillan jew ħadt fuqek ir-rwol ta’ kap tal-Knisja?

Id-dimensjoni ta’ kappillan hi dik li tikxef l-iżjed il-vokazzjoni tiegħi.  Jiġini minn ġewwa li naqdi lin-nies.  Nitfi d-dawl biex ma naħlix wisq flus, ngħidu aħna.  Dawn affarijiet li jagħmilhom kappillan.  Imma nħossni wkoll Papa.  Dan jgħinni nagħmel l-affarijiet b’serjetà.  Il-kollaboraturi tiegħi huma serji u professjonali ħafna.  Insib l-għajnuna biex nagħmel dmiri sew.  Wieħed ma jistax joqgħod jilgħab ta’ Papa kappillan.  Ma tkunx maturità.  Meta jiġi xi Kap ta’ Stat, irrid nilqgħu bid-dinjità u l-protokoll li jixirqulu.  Veru li għandi l-problemi tiegħi bil-protokoll, imma rrid nirrispettah.

 

Int qed tibdel ħafna affarijiet.  Lejn liema futur se jwassal dan il-bdil?

M’iniex xi ‘imdawwal’.  M’għandix proġett personali li ġibt miegħi taħt abti, sempliċement għax qatt ma ħsibt li kienu sa jħalluni hawn, fil-Vatikan.  Kulħadd jafu dan.  Kont ġejt b’daqsxejn ta’ bagalja miegħi biex dlonk nerġa’ lura lejn Buenos Aires.  Dak li qed nagħmel hu li nwettaq dak li aħna l-kardinali ħsibna dwaru fil-kongregazzjonijiet ġenerali, jiġfieri fil-laqgħat li żammejna ta’ kuljum matul is-Sede Vakanti biex niddiskutu l-problemi tal-Knisja.  Minn hemm ħarġu riflessjonijiet u rakkomandazzjonijiet.  Waħda konkreta ħafna kienet li l-Papa li jmiss kellu joqgħod fuq il-parir ta’ kunsill estern, jiġifieri grupp ta’ kunsilliera li m’humiex joqogħdu l-Vatikan.

 

U int ħloqt l-hekk imsejjaħ Kunsill tat-Tmienja.

Huma tmien kardinali mill-kontinenti kollha u kordinatur magħhom.  Jiltaqgħu hawn kull xahrejn jew tlieta.  Issa, fl-1 ta’ Lulju għandna erbat ijiem ta’ laqgħa, u sa nwettqu l-bidliet li l-istess kardinali qed jitolbuna.  M’iniex obbligat nagħmlu dan, imma ma tkunx ħaġa prudenti ma nismax minn min jifhem.

 

Għamilt ukoll sforz kbir ta’ tqarrib lejn il-Knisja Ortodossa.

Ħija Bartilmew ġie Ġerusalemm biex infakkru l-laqgħa ta’ ħamsin sena ilu bejn Pawlu VI u Atenagora.  Kienet laqgħa wara iktar minn elf sena ta’ xiżma.  Mill-Konċilju Vatikan II ’l hawn il-Knisja Kattolika qed titħabat ħafna biex toqrob lejn il-Knisja Ortodossa.  Inħossuna iżjed qrib ta’ xi Knejjes Ortodossi milli ta’ oħrajn.  Ridt li Bartilmew jiġi miegħi Ġerusalemm u hemm nibtet l-idea li jieħu sehem ukoll fil-laqgħa ta’ talb fil-Vatikan.  Għalih kien pass riskjuż għax ’il quddiem jistgħu jippruvaw iħammrulu wiċċu biha, imma kien hemm bżonn li nwettqu dan il-ġest ta’ umiltà, u għalina hi ħtieġa għax m’hux konċepibbli li aħna l-Insara nkunu mifruda bejnietna, hu dnub storiku li rridu nsewwu.

 

Quddiem ateiżmu li qed jikber, x’taħseb dwar min jemmen li x-xjenza u r-reliġjon jeskludu lil xulxin?

L-ateiżmu żdied fl-epoka iżjed eżistenzjalista, biex ngħidilha hekk, Sartrjana.  Imma wara dan iżjed kien hemm progress fit-tiftix spiritwali, ta’ laqgħa ma’ Alla, b’elf mod, mhux neċessarjament f’toroq reliġjużi tradizzjonali.  Il-qasma bejn xjenza u fidi laħqet il-quċċata tagħha fl-Illuminiżmu, imma l-lum għall-grazzja ta’ Alla m’għadhiex moda wisq, għax kollha ntbaħna li t-tnejn huma tassew qrib ta’ xulxin.  Il-Papa Benedittu XVI għandu maġisteru tajjeb fuq ir-rabta bejn xjenza u fidi.  B’mod ġenerali, normalment insibu li x-xjenzati għandhom rispett kbir lejn il-fidi u x-xjenzat anjostiku jew ateu jgħid: “Ma nissograx nidħol f’dan il-kamp”.

 

Int iltqajt ma’ bosta Kapijiet ta’ Stat.

Ġew bosta jżuruni u l-varjetà hi interessanti.  Kull wieħed għandu l-personalità tiegħu.  Li ġibidli l-attenzjoni tiegħi hu aspett komuni li hemm fost il-politiċi żgħażagħ, kemm jekk ġejjin miċ-ċentru, u kemm jekk mix-xellug jew mil-lemin.  Forsi qed jitkellmu dwar l-istess problemi imma b’mużika ġdida, u dan jogħġobni, jimlieni bit-tama għax il-politika hi waħda mill-ogħla forom ta’ mħabba, ta’ karità.  Għaliex?  Għax twassal għall-ġid komuni, u jekk hemm persuna li tista’ tagħmel din il-ħaġa u ma timpenjax ruħha fil-politika b’riżq il-ġid komuni, tkun egoista; jew, jekk tuża l-politika għall-qligħ baxx, hi korrotta.  Xi ħmistax-il sena ilu l-Isqfijiet Franċiżi kitbu ittra pastorali li hi riflessjoni bit-titlu Réhabiliter la politique.  Hu test sabiħ, iġagħlek tifhem dawn il-ħwejjeġ kollha.

 

X’jidhirlek mir-riżenja ta’ Benedittu XVI?

Il-Papa Benedittu għamel ġest għoli ħafna.  Fetaħ bieb, ħoloq istituzzjoni, dik ta’ l-eventwali Papiet emeriti.  Sa sebgħin sena ilu ma kellniex isqfijiet emeriti.  Il-lum kemm hemm?  Mela, la qed ngħixu iżjed fit-tul, għad nilħqu età li fiha ma nistgħux nkomplu nieħdu ħsieb aħna.  Jien l-istess nagħmel, nitlob lill-Mulej inebbaħni meta jasal dak il-waqt u jgħidli x’għandi nagħmel, u żgur li sa jgħidli.

 

Int għandek kamra riservata f’dar ta’ l-anzjani fi Buenos Aires.

Iva, f’dar ta’ mistrieħ għas-saċerdoti anzjani.  Sa qabel tmiem is-sena l-oħra kelli nħalli l-post ta’ Arċisqof u kont diġà ppreżentajt ir-riżenja tiegħi lill-Papa Benedittu għal meta nkun għalaqt 75 sena.  Għażilt kamra u għidtilhom: “Irrid niġi noqgħod hawn”.  Naħdem bħala saċerdot, ngħin il-parroċċi.  Dan kellu jkun il-futur tiegħi qabel ilħaqt Papa.

 

M’iniex sa nistaqsik ma’ min sa żżomm fit-Tazza tad-Dinja…

Il-Brażiljani talbuni nibqa’ newtrali [jidħak], u sa nżomm kelmti għax il-Brażil u l-Arġentina dejjem kienu rivali.

 

Kif tixtieq li tibqa’ tiftakrek l-istorja?

Qatt ma ħsibt fuq hekk, imma togħġobni li niftakru f’xi ħadd u ngħidu: “Kien bravu, għamel kull ma seta’, ma kienx daqshekk ħażin”.  Għalija biżżejjed hekk.

 

Henrique Cymerman

 

Miġjuba għall-Malti mit-Taljan minn Francesco Pio Attard.