Għeżież ħuti,

 

Il-Milied hu l-festa tal-fidi fl-Iben ta’ Alla li sar bniedem biex irodd lill-bniedem id-dinjità tiegħu ta’ iben u bint, mitlufa minħabba fid-dnub u d-diżubbidjenza. Il-Milied hu l-festa tal-fidi fil-qlub li jinbidlu f’maxtura biex jilqgħu lilu, f’erwieħ li jħallu lil Alla miz-zokk tal-faqar tagħhom iwarrad it-tama, l-imħabba u l-fidi.

 

Din tal-lum hi okkażjoni ġdida biex naqsmu l-awguri tal-Milied u nixtiequ għalikom kollha, għall-kollaboraturi tagħkom, għar-Rappreżentanti pontifiċji, għall-persuni kollha li jagħtu servizz fil-Kurja u għall-għeżież kollha tagħhom, Milied qaddis u hieni u Sena ġdida mimlija hena. Jalla dan il-Milied jiftħilna għajnejna biex inħallu warajna dak li hu superfluwu, falz, ħażin u qarrieq, u biex naraw l-essenzjal, il-veru, it-tajjeb u l-awtentiku. Tabilħaqq awguri!

 

Għeżież ħuti,

 

Billi diġà tkellimt fuq il-Kurja Rumana ad intra, nixtieq din is-sena naqsam magħkom xi riflessjonijiet fuq ir-realtà tal-Kurja ad extra, jew aħjar, ir-relazzjoni tal-Kurja mal-Pajjiżi, mal-Knejjes partikulari, mal-Knejjes Orjentali, mad-djalogu ekumeniku, mal-Ebraiżmu, mal-Islam u r-reliġjonijiet l-oħra, jiġifieri mad-dinja ta’ barra.

 

Ir-riflessjonijiet tiegħi bla dubju huma msejsa fuq prinċipji bażilari u kanoniċi tal-Kurja, fuq l-istess storja tal-Kurja, imma anki fuq il-viżjoni personali li ppruvajt naqsam magħkom fid-diskorsi tas-snin li għaddew, fil-kuntest tar-riforma li għaddejja bħalissa.

 

U la qed nitkellmu fuq ir-riforma, tiġini f’moħħi l-espressjoni simpatika u sinifikattiva ta’ Mons. Frédéric-François-Xavier De Mérode: “Tagħmel ir-riformi f’Ruma qisek qed tnaddaf l-Isfinġi tal-Eġittu bi xkupilja tas-snien”.[1] Dan juri kemm trid sabar, dedikazzjoni u delikatezza biex tilħaq dan l-għan, ladarba l-Kurja hi istituzzjoni antika, kumplessa, meqjuma, magħmula minn persuni ġejjin minn diversi kulturi, lingwi u kostruzzjonijiet mentali u li, strutturalment u minn dejjem, hi  marbuta mal-funzjoni tal-primat tal-Isqof ta’ Ruma fil-Knisja, jew aħjar l-uffiċċju “mqaddes” mixtieq mill-istess Sidna Ġesù Kristu għall-ġid tal-ġisem kollu tal-Knisja, (ad bonum totius corporis).[2]

 

Għalhekk, l-universalità tas-servizz tal-Kurja jiġi u joħroġ mill-kattoliċità tal-Ministeru Petrin. Kurja magħluqa fiha nfisha tkun tittradixxi l-għan tal-eżistenza tagħha u taqa’ fl-awtoreferenzjalità, tkun tikkundanna lilha nfisha għall-qerda. Il-Kurja, ex natura, hi miftuħa ad extra skont kemm hi marbuta mal-Ministeru Petrin, għall-qadi tal-Kelma u tat-tħabbira tal-Bxara t-Tajba: l-Alla Għimmanuel, li jitwieled fost il-bnedmin, li jsir bniedem biex juri lil kull bniedem il-qrubija ġewwenija tiegħu, l-imħabba tiegħu bla limiti u x-xewqa divina tiegħu li l-bnedmin kollha jsalvaw u jaslu biex igawdu mill-hena tas-Sema (ara 1 Tim 2:4); Alla li jtella’ x-xemx tiegħu fuq it-tajbin u fuq il-ħżiena (ara Mt 5:45); Alla li ma ġiex biex ikun moqdi imma biex jaqdi (ara Mt 20:28); Alla li waqqaf lill-Knisja biex tkun fid-dinja, imma mhux tad-dinja, u biex tkun għodda ta’ salvazzjoni u ta’ qadi.

 

Proprju jiena u naħseb fuq dan l-għan tal-ministeru tagħna, ta’ Pietru u tal-Kurja, jew aħjar is-servizz, meta dan l-aħħar sellimt lill-Missirijiet u Kapijiet tal-Knejjes Orjentali Kattoliċi,[3] inqdejt bl-espressjoni ta’ “primat djakonali”, li tfakkarna dritt fix-xbieha hekk għażiża għal San Girgor il-Kbir ta’ Servus servorum Dei. Din id-defenizzjoni, fid-dimensjoni Kristoloġika tagħha, hi qabelxejn espressjoni tar-rieda qawwija li nimitaw lil Kristu, li ħa s-sura ta’ qaddej (ara Fil 2:7). Benedittu XVI, meta tkellem fuq hekk, qal li fuq xofftejn Girgor din il-frażi ma kinitx “formula qaddisa, imma l-wirja vera tal-mod kif kien jgħix u jaġixxi. Hu kien milqut minn ġewwa mill-umiltà ta’ Alla, li fi Kristu sar qaddej tagħna, ħasilna u jaħslilna riġlejna maħmuġa”.[4]

 

Atteġġjament djakonali bħal dan għandu jikkaratterizza wkoll lil dawk kollha li, fuq livelli differenti, jaħdmu fil-qasam tal-Kurja Rumana li, kif ifakkarna anki l-Kodiċi tad-Dritt Kanoniku, jaġixxi fl-isem u l-awtorità tal-Papa, “iwettaq il-funzjoni proprja tiegħu għall-ġid komuni u għas-servizz tal-Knejjes” (kan. 360; ara CCEO kan. 46).

 

Primat djakonali “relattiv għall-Papa”;[5] u, b’konsegwenza, daqshekk ieħor djakonali hi l-ħidma li sseħħ fi ħdan il-Kurja Rumana ad intra u fuq barra ad extra. Din it-tema tad-djakonija ministerjali u kurjali teħodni lura għal test antik preżenti fid-Didascalia Apostolorum, fejn hu affermat: id-“djaknu jkun il-widna u l-fomm tal-Isqof, il-qalb u r-ruħ tiegħu”,[6] għax ma’ din il-fehma waħda marbuta l-komunjoni, l-armonija u l-paċi fil-Knisja, ladarba d-djaknu hu l-ħarries tal-qadi fil-Knisja.[7] Ma naħsibx li hu b’kumbinazzjoni li l-widna hi l-organu tas-smigħ imma anki tal-bilanċ; u l-fomm hu l-organu li jtiegħem u jitkellem.

 

Test ieħor antik iżid li d-djakni huma msejħa jkunu bħal għajnejn l-Isqof.[8] L-għajn tħares biex tittrasmetti x-xbieha lill-moħħ, u hekk tgħinu jieħu deċiżjonijiet u jmexxi lill-ġisem kollu lejn dak li hu ta’ ġid.

 

Ir-relazzjoni li nistgħu naqraw minn dawn ix-xbihat hi dik ta’ komunjoni ta’ ubbidjenza ta’ wlied għall-qadi tal-poplu qaddis ta’ Alla. M’hemmx dubju, imbagħad, li hekk ukoll għandha tkun dik bejn dawk kollha li jaħdmu fil-Kurja Rumana, mill-Kapijiet tad-Dikasteri u s-Superjuri għall-uffiċċjali u għal kulħadd. Il-komunjoni ma’ Pietru ssaħħaħ u tagħti ħajja dejjem ġdida lill-komunjoni bejn il-membri kollha.

 

Minn din il-perspettiva, dak li fakkruna fih is-sensi tal-organiżmu uman jgħinna biex ikollna s-sens tal-estroversjoni, tal-attenzjoni għal dak li hemm barra. Fil-fatt, fil-ġisem uman, is-sensi huma l-ewwel rabta tagħna mad-dinja ad extra, huma bħal pont lejh; huma l-possibbiltà tagħna li nirrelazzjonaw ma’ xulxin. Is-sensi jgħinuna nifhmu dak li hu reali u bl-istess mod noqogħdu f’dak li hu reali. Mhux ta’ b’xejn li Sant’Injazju ta’ Loyola jinqeda bis-sensi għall-kontemplazzjoni tal-Misteri ta’ Kristu u tal-verità.[9]

 

Dan hu importanti ħafna biex nistgħu negħlbu dik il-loġika żbilanċjata u qerrieda tal-komplotti jew taċ-ċrieki żgħar li fir-realtà jirrappreżentaw – minkejja l-ġustifikazzjonijiet kollha u l-intenzjonijiet tajba kollha tagħhom – kankru li jwassal għall-awtoreferenzjalità, li jinfiltra wkoll fl-organiżmi ekkleżjastiċi bħala tali, u b’mod partikulari fil-persuni li jaħdmu fihom. Meta jseħħ dan, imma, jintilef il-ferħ tal-Vanġelu, il-ferħ li nikkomunikaw lil Kristu u li nkunu f’komunjoni miegħu; nitilfu l-ġenerożità tal-konsagrazzjoni tagħna (ara Atti 20:35 u 2 Kor 9:7).

 

Ippermettuli hawn ngħid kelmtejn fuq periklu ieħor, dak tat-tradituri tal-fiduċja jew ta’ dawk li japprofittaw ruħhom mill-maternità tal-Knisja, jiġifieri l-persuni li jiġu magħżula b’reqqa biex jagħtu ħajja ikbar lill-ġisem u lir-riforma, imma – għax ma jagħrfux il-valur għoli tar-responsabbiltà li għandhom – iħallu jikkorrompuhom l-ambizzjoni jew il-vanaglorja u, meta b’delikatezza jiġu mbiegħda, jiddikjaraw ruħhom b’mod żbaljat bħala martri tas-sistema, tal-“Papa li mhux infurmat biżżejjed”, tal-“gwardja l-qadima”…, flok ma jgħidu: “mea culpa”. Ma’ dawn il-persuni mbagħad hemm oħrajn li għadhom jaħdmu fil-Kurja, li qed jingħataw iż-żmien kollu possibbli biex jerġgħu jaqbdu t-triq it-tajba, fit-tama li jsibu fis-sabar tal-Knisja opportunità biex jikkonvertu u mhux biex japprofittaw ruħhom. Dan bla dubju mingħajr ma ninsew il-parti l-kbira tal-persuni leali li jaħdmu fiha b’impenn, fedeltà, kompetenza, dedikazzjoni u anki tant qdusija, li jistħoqqilhom biss tifħir.

 

Għalhekk hu opportun li nerġgħu lura għall-immaġni tal-ġisem, u nuru kif dawn is-“sensi istituzzjonali”, li b’xi mod magħhom nistgħu nipparagunaw id-Dikasteri tal-Kurja Rumana, għandhom jaħdmu b’mod li hu konformi man-natura u l-finalità tagħhom: f’isem u bl-awtorità tal-Papa u dejjem għall-ġid u s-servizz tal-Knejjes.[10] Huma msejħin ikunu fil-Knisja bħal antenni fidili u sensibbli: li jitfgħu u jirċievu s-sinjali.

 

Antenni li jitfgħu s-sinjali, għax kapaċi jittrasmettu fedelment ir-rieda tal-Papa u tas-Superjuri. Il-kelma “fedeltà”[11] għal min jaħdem fis-Santa Sede “tassumi karattru partikulari, ladarba huma jqiegħdu għas-servizz tas-Suċċessur ta’ Pietru parti kbira mill-enerġiji tagħhom, minn ħinhom u l-ministeru ta’ kuljum tagħhom. Din hi responsabbiltà serja, imma anki don speċjali, li mal-medda taż-żmien tiżviluppa f’rabta affettiva mal-Papa, f’kunfidenza interjuri, idem sentire naturali, li jesprimi ruħu tajjeb fil-kelma ‘fedeltà’”.[12]

 

Ix-xbieha tal-antenna tfakkarna wkoll fil-moviment l-ieħor, dak bil-kontra, jew aħjar, li tirċievi s-sinjal. Trid tagħraf il-mumenti, il-mistoqsijiet, it-talbiet, il-karbiet, il-ferħ u d-dmugħ tal-Knejjes u tad-dinja biex hekk tittrasmettihom lill-Isqof ta’ Ruma biex tgħinu jiżvolġi b’mod iżjed effikaċi d-dmir u l-missjoni tiegħu ta’ “prinċipju u fundament perpetwu u viżibbli tal-unità tal-fidi u tal-komunjoni”.[13] B’din ir-reċettività, li hi iżjed importanti mill-aspett perċettiv, id-Dikasteri tal-Kurja Rumana jidħlu b’mod ġeneruż f’dak il-proċess ta’ smigħ u ta’ sinodalità li dwaru diġà tkellimt.[14]

 

Għeżież ħuti,

 

Inqdejt bl-espressjoni “primat djakonali”, bix-xbieha tal-ġisem, tas-sensi u tal-antenna biex infisser li proprju biex nilħqu l-ispazji fejn l-Ispirtu jkellem lill-Knejjes (jiġifieri l-istorja) u biex inwettqu l-iskop tal-ħidma (is-salus animarum), hemm bżonn, anzi hu indispensabbli, inħaddmu d-dixxerniment tas-sinjali taż-żminijiet,[15] il-komunjoni fil-qadi, il-karità fil-verità, il-ħlewwa għall-Ispirtu u l-ubbidjenza fiduċjuża għas-Superjuri.

 

Forsi jiswa hawn li nfakkru li l-istess ismijiet tad-diversi Dikasteri u tal-Uffiċċji tal-Kurja Rumana jgħinuk tifhem liema huma r-realtajiet li għall-ġid tagħhom għandhom iħabirku. Ħarsa mill-qrib turina l-azzjonijiet fundamentali u importanti għall-Knisja kollha u anki għad-dinja sħiħa.

 

Billi l-operat tal-Kurja hu tassew wiesa’, din id-darba se nillimita ruħi li nkellimkom ġenerikament dwar il-Kurja ad extra, jiġifieri fuq xi aspetti fundamentali, magħżula, li jekk nibdew minnhom imbagħad ma jkunx diffiċli, fil-futur qarib, nelenkaw u ninżlu iktar fil-fond tal-oqsma l-oħra tal-ħidma tal-Kurja.

 

Il-Kurja u r-relazzjoni man-Nazzjonijiet

F’dan iż-żmien għandha rwol fundamentali d-Diplomazija Vatikana, li hi t-tiftixa sinċiera u kostanti biex is-Santa Sede tkunu bennejja ta’ pontijiet, ta’ paċi u ta’ dajlogu bejn in-Nazzjonijiet. U billi hi Diplomazija għas-servizz tal-umanità u tal-bniedem, tal-id imnewla u tal-bieb miftuħ, hi timpenja ruħha biex tisma’, biex tifhem, biex tgħin, biex isserraħ u biex tintervieni fil-waqt u b’rispett f’kull sitwazzjoni biex tqarreb id-distanzi u biex tinseġ il-fiduċja. L-uniku interess tad-Diplomazija Vatikana hu dak li tkun ħielsa minn kull interess mondan jew materjali.

 

Għalhekk is-Santa Sede hi preżenti fix-xena dinjija biex tikkollabora mal-persuni kollha u n-Nazzjonijiet ta’ rieda tajba u biex tisħaq dejjem fuq l-importanza li nħarsu d-dar komuni tagħna minn kull egoiżmu qerriedi; biex tafferma li l-gwerer iġibu biss il-mewt u l-qerda; biex mill-imgħoddi tislet it-tagħlim meħtieġ li jgħinna ngħixu aħjar il-preżent, biex nibnu fuq is-sod il-futur u biex inħarsuh għall-ġenerazzjonijiet ġodda.

 

Il-laqgħat mal-Kapijiet tan-Nazzjonijiet u mad-diversi Delegazzjonijiet, flimkien mal-Vjaġġi Appostoliċi, huma l-mezzi u l-għan ta’ dan kollu.

 

Għalhekk twaqqfet it-Tielet Taqsima tas-Segreterija tal-Istat, bl-għan li turi l-attenzjoni u l-qrubija tal-Papa u tas-Superjuri tas-Segreterija tal-Istat għall-personal ta’ rwol diplomatiku u anki għar-reliġjużi u għal-lajċi li jaħdmu fir-Rappreżentanzi Pontifiċji. Taqsima li tieħu ħsieb il-kwistjonijiet tal-persuni li jaħdmu fis-servizz diplomatiku tas-Santa Sede jew qed jitħejjew għalih, f’kollaborazzjoni sħiħa mat-Taqsima għall-Affarijiet Ġenerali u mas-Sezzjoni għar-Relazzjonijiet mal-Istati.[16]

 

Din l-attenzjoni partikulari tissejjes fuq id-dimensjoni doppja tas-servizz tal-personal diplomatiku li għandu dan ir-rwol: ragħajja u diplomatiċi, għas-servizz tal-Knejjes partikulari u tan-Nazzjonijiet fejn jaħdmu.

 

Il-Kurja u l-Knejjes partikulari

Ir-relazzjoni li torbot il-Kurja mad-Djoċesijiet u mal-Eparkiji hi ta’ importanza primarja. Huma jsibu fil-Kurja Rumana l-għajnuna u s-sapport meħtieġa li jista’ jkollhom bżonn. Hi relazzjoni msejsa fuq il-kollaborazzjoni, fuq il-fiduċja u qatt fuq is-superjorità jew fuq l-avversità. L-għajn ta’ din ir-relazzjoni hi fid-Digriet Konċiljari fuq il-ministeru pastorali tal-Isqfijiet, fejn b’mod iktar wiesa’ hemm imfisser li dik tal-Kurja hi ħidma magħmula “għall-ġid tal-Knejjes u għas-servizz tar-ragħajja mqaddsa”.[17]

 

Għalhekk, il-Kurja Rumana għandha bħala punt ta’ riferiment mhux biss lill-Isqof ta’ Ruma, li minnu għandha l-awtorità, imma wkoll il-Knejjes partikulari u r-Ragħajja tagħhom fid-dinja kollha, li għall-ġid tagħhom tħabrek u taġixxi.

 

F’din il-karatteristika ta’ “servizz lill-Papa u lill-Isqfijiet, lill-Knisja universali, lill-Knejjes partikulari” u lid-dinja kollha, fakkart fl-ewwel waħda minn dawn il-laqgħat annwali tagħna, meta sħaqt li “fil-Kurja Rumana tiġi mgħallma din id-dimensjoni doppja tal-Knisja, u wieħed ‘jieħu n-nifs’ b’mod speċjali fiha, din il-kompenetrazzjoni bejn l-universali u l-partikulari”; u żidt: “naħseb li hi waħda mill-isbaħ esperjenzi ta’ min jgħix u jaħdem Ruma”.[18]

 

F’dan is-sens, iż-żjajjar ad limina Apostolorum jirrappreżentaw opportunità kbira ta’ laqgħa, ta’ djalogu u għana reċiproku. Araw għaliex ippreferejt, meta ltqajt mal-Isqfijiet, li jkolli djalogu ta’ smigħ reċiproku, liberu, riservat, sinċier, li jmur lil hemm mill-iskemi tal-protokoll u s-soltu skambju ta’ diskorsi u ta’ rakkomandazzjonijiet. Importanti wkoll id-djalogu bejn l-Isqfijiet u d-diversi Dikasteri. Din is-sena, meta reġgħu bdew biż-żjajjar tagħhom ad limina, wara s-sena tal-Ġublew, l-Isqfijiet qaluli li ħassewhom milqugħa u mismugħa tajjeb mid-Dikasteri kollha. Dan iferraħni ħafna, u nirringrazzja lill-Kapijiet tad-Dikasteri hawn preżenti.

 

Ħalluni hawn ukoll, f’dan il-mument partikulari tal-ħajja tal-Knisja, niġbed l-attenzjoni tagħna għall-XV Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet li jmiss, imsejħa bit-tema “Iż-żgħażagħ, il-fidi u d-dixxerniment vokazzjonali”. Meta qed insejjaħ lill-Kurja, lill-Isqfijiet u lill-Knisja kollha biex turi attenzjoni speċjali għall-persuna taż-żgħażagħ, ma rridx li biss inħarsu lejhom, imma nqanqlu wkoll diskussjoni fuq tema fundamentali minħabba fil-kumplessità tar-relazzjonijiet u l-urġenza tagħha: ir-relazzjonijiet bejn il-ġenerazzjonijiet, il-familja, l-oqsma tal-pastorali, il-ħajja soċjali… Dan iħabbru b’mod ċar id-Dokument preparatorju fid-daħla tiegħu: “Il-Knisja ddeċidiet li tistaqsi lilha nfisha fuq kif għandha ssieħeb liż-żgħażagħ biex jagħrfu u jilqgħu s-sejħa għall-imħabba u għall-ħajja fil-milja tagħha, u anki li titlob liż-żgħażagħ infushom jgħinuha tidentifika l-modi l-iżjed effikaċi kif illum tista’ tħabbar il-Bxara t-Tajba. Permezz taż-żgħażagħ, il-Knisja tista’ tisma’ leħen il-Mulej li jidwi anki llum. Bħalma għamlu darba Samwel (ara 1 Sam 3:1-21) u Ġeremija (ara Ġer 1:4-10), għandna żgħażagħ li jafu jaqraw dawk is-sinjali ta’ żmienna li qed juri l-Ispirtu. Jekk nisimgħu x’inhuma x-xewqat tagħhom, nistgħu nħarsu lejn id-dinja ta’ għada li tinsab quddiemna u t-toroq li l-Knisja msejħa timxi”.[19]

 

Il-Kurja u l-Knejjes Orjentali

L-għaqda u l-komunjoni li jiddominaw ir-relazzjoni tal-Knisja ta’ Ruma u l-Knejjes Orjentali jirrappreżentaw eżempju konkret ta’ għana fid-diversità għall-Knisja kollha. Fil-fedeltà għat-Tradizzjonijiet bimillenarji tagħhom u fl-ecclesiastica communio, huma jesperimentaw u jwettqu t-talba saċerdotali ta’ Kristu (ara Ġw 17).[20]

 

F’dan is-sens, fl-aħħar laqgħa mal-Patrijarki u l-Arċisqfijiet Maġġuri tal-Knejjes Orjentali, meta tkellimt dwar il-“primat djakonali”, urejt anki l-importanza li napprofondixxu u nirrevedu l-kwistjoni delikata tal-ħatra tal-Isqfijiet u Eparki ġodda li għandha tikkorrispondi, minn naħa, mal-ispirtu ta’ responsabbiltà evanġelika, u mill-oħra, max-xewqa li jġeddu dejjem iżjed l-għaqda mal-Knisja Kattolika. “Kollox, fl-applikazzjoni l-iżjed konvinta ta’ dik il-prassi sinodali awtentika, li tagħżel lill-Knejjes tal-Lvant”.[21] Il-ħatra ta’ kull Isqof għandha tirrifletti u tqawwi l-għaqda u l-komunjoni bejn is-Suċċessur ta’ Pietru u l-kulleġġ kollu episkopali.[22]

 

Ir-relazzjoni bejn Ruma u l-Lvant hi ta’ għana spiritwali u liturġiku reċiproku. Fir-realtà, il-Knisja ta’ Ruma ma kinitx tkun tabilħaqq kattolika mingħajr l-għana bla qies tal-Knejjes Orjentali u mingħajr ix-xhieda erojka ta’ tant ħutna tal-Lvant li jsaffu l-Knisja huma u jilqgħu l-martirju u joffru ħajjithom biex ma jiċħdux lil Kristu.[23]

 

Il-Kurja u d-djalogu ekumeniku

Hemm ukoll spazji fejn il-Knisja Kattolika, speċjalment wara l-Konċilju Vatikan II, hi partikularment impenjata. Fost dawn, l-għaqda tal-Insara li “hi esiġenza essenzjali tal-fidi tagħna, esiġenza li toħroġ minn ġewwa tal-fatt li aħna nemmnu f’Ġesù Kristu”.[24] Din hi “mixja”, imma, kif ittenna kemm-il darba anki mill-Predeċessuri tiegħi, hi mixja irreversibbli u mhux b’lura. “L-għaqda tinbena aħna u mexjin, biex niftakru li meta nimxu flimkien, jiġifieri meta niltaqgħu bħala aħwa, nitolbu flimkien, nikkollaboraw ma’ xulxin fix-xandir tal-Vanġelu u fis-servizz tal-foqra, aħna diġà magħqudin. Id-differenzi teoloġiċi u ekkleżjoloġiċi kollha li għadhom jifirdu l-Insara jistgħu jingħelbu biss tul din it-triq, mingħajr ma aħna llum nafu kif u meta, imma dan għad iseħħ skont dak li l-Ispirtu s-Santu jrid jissuġġerixxi għall-ġid tal-Knisja”.[25]

 

Il-Kurja taħdem f’dan il-qasam biex tgħin il-laqgħa mal-aħwa, biex tħoll l-għoqiedi tan-nuqqas ta’ ftehim u tal-ostilità, u biex teħodha kontra l-preġudizzji u l-biża’ tal-ieħor li żammewna milli naraw l-għana tad-diversità u fid-diversità u l-profondità tal-Misteru ta’ Kristu u tal-Knisja li tibqa’ dejjem ikbar minn kull espressjoni umana.

 

Il-laqgħat li saru mal-Papiet, il-Patrijarki u l-Kapijiet tad-diversi Knejjes u Komunitajiet dejjem imlewni bil-ferħ u bil-gratitudni.

 

Il-Kurja u l-Ebraiżmu, l-Islam, ir-reliġjonijiet l-oħra

Ir-relazzjoni tal-Kurja Rumana mar-reliġjonijiet l-oħra tissejjes fuq it-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II u fuq il-ħtieġa tad-djalogu. “Għax l-unika alternattiva għaċ-ċiviltà tal-laqgħa hi l-inċiviltà tal-iskontru”.[26] Id-djalogu jinbena fuq tliet orjentamenti fundamentali: “id-dmir li wieħed jirrispetta l-identità tiegħu u dik tal-oħrajn, għax djalogu veru ma tibnihx fuq l-ambigwità jew inkella billi tissagrifika dak li hu tajjeb biex togħġob lill-oħrajn. Il-kuraġġ li naċċettaw id-differenzi, għax m’għandniex inħarsu u nittrattaw lil dawk differenti minna fil-kultura jew fir-reliġjon bħala għedewwa, imma jeħtieġ nilqgħuhom bħala msieħba fit-triq tal-ħajja u b’konvinzjoni ġenwina li t-tajjeb ta’ kull wieħed jgħodd għall-ġid ta’ kulħadd. Is-sinċerità tal-intenzjonijiet, għaliex id-djalogu bħala espressjoni awtentika tal-bniedem, mhuwiex xi strateġija biex naslu għal skopijiet speċifiċi, imma hu triq ta’ verità, li timmerita nimxu fiha bis-sabar biex il-kompetizzjoni tinbidel f’kollaborazzjoni”.[27]

 

Il-laqgħat mal-awtoritajiet reliġjużi, fid-diversi vjaġġi appostoliċi u fil-laqgħat il-Vatikan, huma prova konkreta ta’ dan.

 

Dawn huma biss xi ftit aspetti, importanti imma mhux eżawrjenti, tal-operat tal-Kurja ad extra. Illum għażilt dawn l-aspetti, marbuta mat-tema tal-“primat djakonali”, tas-“sensi istituzzjonali” u tal-“antenni fidili li jitfgħu u jirċievu”.

 

Għeżież ħuti,

 

Kif bdejt din il-laqgħa tagħna billi tkellimt fuq il-Milied bħala festa tal-fidi, nixtieq nagħlaqha billi nurikom li l-Milied, imma, ifakkarna li fidi li ma taqax fi kriżi hi fidi fi kriżi; fidi li ma tgħinniex nikbru hi fidi li jeħtieġ tikber; fidi li ma tisfidaniex hi fidi li rridu nisfidawha aħna; fidi li ma tagħtiniex il-ħajja hi fidi li trid tingħata l-ħajja; fidi li ma tħawwadniex hi fidi li trid tiġi mħawda. Fir-realtà, fidi li hi biss intellettwali jew distakkata hi biss proposta ta’ fidi, li tista’ titwettaq tassew meta tasal biex tinvolvi l-qalb, ir-ruħ, l-ispirtu u dak kollu li aħna, meta nħallu lil Alla jitwieled u jerġa’ jitwieled fil-maxtura tal-qalb, meta nħallu lill-istilla ta’ Betlehem tmexxina lejn il-post fejn hemm imfisqi l-Iben ta’ Alla, mhux qalb is-slaten u fil-lussu, imma qalb il-foqra u ċ-ċkejknin.

 

Angelo Silesio, fil-ktieb tiegħu Il Pellegrino cherubico, kiteb hekk: “Minnek biss jiddependi: Aħ, mhux li kien il-qalb tiegħek issir maxtura! Hekk Alla jitwieled tarbija mill-ġdid fuq din l-art”.[28]

 

B’dawn ir-riflessjonijiet inġedded minn qalbi l-awguri tal-Milied lilkom u lill-għeżież tagħkom.

 

Grazzi!


 

Nixtieq li bħala rigal tal-Milied inħallilkom din il-verżjoni bit-Taljan tal-opra tal-Beatu Patri Maria Eugenio ta’ Ġesù Bambin, Je veux voir DieuIrrid nara lil Alla. Hi opra ta’ teoloġija spiritwali, u kollha tista’ tagħmlilna l-ġid. Forsi ma naqrahx kollu, imma nfittex fil-werrej dak il-punt li l-aktar jinteressani jew li l-aktar għandi bżonnu. Nittama li jkun ta’ ġid għalina lkoll.

 

Imbagħad kien ġeneruż ħafna l-Kardinal Piacenza li, bil-ħidma tal-Penitenzerija, anki ta’ Mons. Nykiel, għamel dan il-ktieb: Il-festa tal-maħfra, bħala riżultat tal-Ġublew tal-Ħniena; u anki hu ried jirregalah. Grazzi lill-Kardinal Piacenza u lill-Penitenzerija Appostolika. Se jagħtuhulkom kollha intom u ħerġin.

 

Grazzi!

 

[Barka]

 

U nitlobkom, itolbu għalija.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 


 

[1] Ara Giuseppe Dalla Torre, Sopra una storia della Gendarmeria Pontificia, 19 ta’ Ottubru 2017.

[2] “Biex jirgħa u jkabbar dejjem iżjed il-poplu ta’ Alla, istitwixxa fil-Knisja tiegħu misteri differenti li jfittxu l-ġid tal-ġisem kollu” (Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium, 18).

[3] Ara Tislima lill-Patrijarki u lill-Arċisqfijiet Maġġuri, 9 ta’ Ottubru 2017.

[4] Katekeżi fl-Udjenza ġenerali tal-4 ta’ Ġunju 2008.

[5] Ara Ġwanni Pawlu II, Diskors fil-laqgħa plenarja tal-Kulleġġ Imqaddes tal-Kardinali, 21 ta’ Novembru 1985, 4.

[6] 2, 44: Funk, 138-166; ara W. Rordorf, Liturgie et eschatologie, f’Augustinianum 18 (1978), 153-161; Id., Que savons-nous des lieux de culte chrétiens de lépoque préconstantinienne? f’LOrient Syrien 9 (1964), 39-60.

[7] Ara Laqgħa mas-saċerdoti u l-ikkonsagrati, Duomo ta’ Milan, 25 ta’ Marzu 2017.

[8] “Dwar id-djakni fil-Knisja, ħa jkunu bħall-għajnejn tal-Isqof, li jafu jaraw kollox madwarhom, jistħarrġu l-għemejjel ta’ kull wieħed fil-Knisja, fil-każ li xi ħadd ikun wasal biex jidneb: b’dan il-mod, imwissi minn min imexxi, forsi ma jwassalx [dnubu] sa tmiemu” (Ittra ta’ Klement lil Ġakbu, 12: Rehm 14-15, f’I Ministeri nella Chiesa Antica, Testi patristici dei primi tre secoli a cura di Enrico Cattaneo, Edizioni Paoline, 1997, p. 696).

[9] Ara Eżerċizzi Spiritwali, N. 121: “Il-ħames kontemplazzjoni tkun li tħaddem il-ħames sensi fuq l-ewwel u t-tieni kontemplazzjoni”.

[10] Fil-kummentarju ta’ San Ġlormu għall-Vanġelu skont Mattew, hu joħloq paragun kurjuż bejn il-ħames sensi tal-ġisem uman u l-verġni tal-parabbola tal-Vanġelu, li jibliehu meta ma jaġixxux iżjed skont il-fini assenjat lilhom (ara Kummentarju f’Mt XXVPL 26, 184).

[11] Il-kunċett tal-fedeltà jirriżulta iżjed impenjattiv u elokwenti għax jisħaq anki fuq it-tul taż-żmien tal-impenn meħud, u hekk ifakkar f’virtù li, kif qal Benedittu XVI, “tesprimi r-rabta għalkollox partikulari li tinħoloq bejn il-Papa u l-kollaboraturi diretti tiegħu, kemm fil-Kurja Rumana u kemm fir-Rappreżentanzi Pontifiċji”. Diskors lill-Komunità tal-Akkademja Pontifiċja Ekkleżjastika, 11 ta’ Ġunju 2012.

[12] Ibid.

[13] Konċilju Ekumeniku Vatikan IILumen gentium, 18.

[14] “Knisja sinodali hi Knisja li tisma’, għax taf li s-smigħ ‘hu iktar milli sempliċi tisma’ b’widnejk’. Hu smigħ reċiproku fejn kulħadd għandu x’jitgħallem. Poplu fidil, Kulleġġ episkopali, Isqof ta’ Ruma: wieħed jisma’ lill-ieħor; u kulħadd jisma’ lill-Ispirtu s-Santu, l-‘Ispirtu tal-verità’ (Ġw 14:17), biex jagħraf dak li Hu ‘jgħid lill-Knejjes’ (Apok 2:7)”. Diskors fil-50 anniversarju tas-Sinodu tal-Isqfijiet, 17 ta’ Ottubru 2015.

[15] Ara Lq 12:54-59; Mt 16:1-4; Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes, 11: “Il-Poplu ta’ Alla, imqanqal mill-fidi li biha jemmen li huwa mmexxi mill-Ispirtu tal-Mulej li jimla l-univers kollu, ifittex li jilmaħ fil-ġrajjiet, fl-esiġenzi u fix-xewqat li jaqsam mal-bnedmin l-oħra ta’ żmienna liema huma tassew is-sinjali tal-preżenza u tal-pjanijiet ta’ Alla. Għax il-fidi ddawwal kollox b’dawl ġdid u turi x’għandu f’moħħu Alla dwar is-sejħa sħiħa tal-bniedem, u għalhekk tmexxi l-intelliġenza lejn soluzzjonijiet għalkollox umani”.

[16] Ara Ittra Pontifiċja, 18 ta’ Ottubru 2017; Komunikat lis-Segreterija tal-Istat, 21 ta’ Novembru 2017.

[17] Christus Dominus, 9.

[18] Diskors lill-Kurja Rumana, 21 ta’ Diċembru 2013; ara Pawlu VI, Omelija għal għeluq it-tmenin sena, 16 ta’ Ottubru 1977: “Iva, lil Ruma ħabbejt, fit-turment kontinwu li nimmeditaha u nifhem is-sigriet traxxendentali tagħha, żgur bla ħila li nippenetrah u li ngħixu, imma dejjem appassjonat, kif għadni sal-lum, li niskopri kif u għaliex ‘Kristu hu Ruman’” (ara Dante, Divina Commedia, Purgatorio, XXXII, 102) […] il-“kuxjenza Rumana” tagħkom għandha f’għeruqha ċ-ċittadinanza nativa ta’ din il-Belt fatidika, jiġifieri l-permanenza tad-domiċilju jew l-ospitalità li tgawdu hawn; “kuxjenza Rumana” li hawn kapaċi tagħti lil min jaf jieħu n-nifs tagħha s-sens ta’ umaniżmu universali” (Insegnamenti di Paolo VI, XV 1977, 1957).

[19] Sinodu tal-Isqfijiet – Assemblea Ġenerali Ordinarja XVIż-żgħażagħ, il-fidi u d-dixxerniment vokazzjonali, Introduzzjoni.

[20] Minn naħa, l-għaqda li twieġeb għad-don tal-Ispirtu, issib espressjoni naturali u sħiħa fl-“għaqda bla difetti mal-Isqof ta’ Ruma” (Benedittu XVI, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Ecclesia in Medio Oriente, 40). U min-naħa l-oħra, għax aħna parti mill-komunjoni tal-Ġisem sħiħ ta’ Kristu, dan jgħinna nagħrfu li jeħtieġ insaħħu l-għaqda u s-solidarjetà fi ħdan id-diversi Sinodi patrijarkali, fejn “nagħtu dejjem preferenza lit-twettiq b’fehma waħda ta’ kwistjonijiet ta’ importanza kbira għall-Knisja fid-dawl ta’ azzjoni kolleġġjali u unitarja” (ibid.)‎.

[21] Kelmtejn lill-Patrijarki tal-Knejjes Orjentali u lill-Arċisqfijiet Maġġuri, 21 ta’ Novembru 2013.

[22] Flimkien mal-Kapijiet u l-Padri, mal-Arċisqfijiet u mal-Isqfijiet Orjentali, f’komunjoni mal-Papa, mal-Kurja u bejniethom, aħna lkoll imsejħa “nfittxu dejjem ‘il-ġustizzja, it-tjieba, il-fidi, l-imħabba, is-sabar u l-ħlewwa’ (ara 1 Tim 6:11); [u nadottaw] stil ta’ ħajja sobrju fuq ix-xbieha ta’ Kristu, li tneżża’ biex bil-faqar tiegħu nistagħnu aħna (ara 2 Kor 8:9) […] ‎‎[għat-]trasparenza fil-mod kif inqassmu l-ġid u attenzjoni lejn kull dgħufija u ħtieġa” (Kelmtejn lill-Patrijarki tal-Knejjes Orjentali Kattoliċi u lill-Arċisqfijiet Maġġuri, 21 ta’ Novembru 2013).

[23] Aħna “naraw lil tant ħutna Nsara tal-Knejjes Orjentali jduqu persekuzzjonijiet traġiċi u djaspora dejjem iżjed inkwetanti” (Omelija fl-okkażjoni taċ-ċentinarju tal-Kongregazzjoni għall-Knejjes Orjentali u tal-Istitut Pontifiċju Orjentali, Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore, 12 ta’ Ottubru 2017). “Fuq dawn is-sitwazzjonijiet ħadd ma jista’ jagħlaq għajnejh” (Messaġġ fiċ-ċentinarju mit-twaqqif tal-Istitut Pontifiċju Orjentali, 12 ta’ Ottubru 2017).

[24] Diskors lill-Plenarja tal-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Għaqda tal-Insara, 10 ta’ Novembru 2016.

[25] Ibid.

[26] Diskors lill-parteċipanti fil-Konfereneza Internazzjonali għall-Paċi, Al-Azhar Conference Centre, Il-Kajr, 28 ta’ April 2017.

[27] Ibid.

[28] Edizione Paoline 1989, p. 170 [234-235]: Es mangelt nur an dir: Ach, könnte nur dein Herz zu einer Krippe werden, Gott würde noch einmal ein Kind auf dieser Erden.