SOLENNITÀ TAL-IMMAKULATA KUNĊIZZJONI TAL-VERĠNI MQADDSA MARIJA

 

ATT TA’ QIMA LILL-IMMAKULATA FI PIAZZA DI SPAGNA

TALBA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

LIL MARIJA IMMAKULATA

 

Piazza di Spagna

Is-Sibt 8 ta’ Diċembru 2018

 

Omm Immakulata,

fil-jum tal-festa tiegħek, hekk għażiża għall-poplu Nisrani,

ġejt nagħtik qima fil-qalba ta’ Ruma.

Ġewwa qalbi nġorr lill-fidili ta’ din il-Knisja

u lil dawk kollha li jgħixu f’din il-belt, speċjalment il-morda

u dawk li minħabba diversi sitwazzjonijiet iktar qed isibuha bi tqila biex ifendu.

 

Qabelxejn irridu nirringrazzjawk

għall-għożża tiegħek ta’ omm li biha ssieħeb il-mixja tagħna:

kemm drabi nisimgħu jirrakkonta bid-dmugħ f’għajnejh

lil min daq l-interċessjoni tiegħek,

il-grazzji li titlob għalina lil Ibnek Ġesù!

Tiġini f’moħħi grazzja ordinarja li int tagħti lin-nies li tgħix Ruma:

dik li jaffrontaw bis-sabar it-taħbit tal-ħajja ta’ kuljum.

Imma għal dan nitolbuk il-qawwa li ma nirrassenjawx ruħna, anzi,

li ta’ kuljum kull wieħed u waħda minna jagħmel il-parti tiegħu biex itejjeb l-affarijiet,

biex l-għożża għal kull persuna tagħmel lil Ruma iżjed sabiħa u post fejn jista’ jgħix kulħadd;

biex id-dmir imwettaq tajjeb minn kull persuna jiżgura l-jeddijiet ta’ kulħadd.

U aħna u naħsbu fil-ġid komuni ta’ din il-belt,

nitolbuk għal dawk li għandhom rwoli ta’ responsabbiltà ikbar:

aqlgħalhom l-għerf, viżjoni għall-ġejjieni, spirtu ta’ qadi u ta’ kollaborazzjoni.

 

Verġni Mqaddsa,

nixtieq nafdalek b’mod partikulari s-saċerdoti ta’ din id-Djoċesi:

il-kappillani, il-viċijiet, il-qassisin anzjani li bil-qalb ta’ ragħajja

jissoktaw jaħdmu għall-qadi tal-poplu ta’ Alla,

il-ħafna saċerdoti studenti minn kull naħa tad-dinja li jikkollaboraw fil-parroċċi.

Għalihom kollha nitolbok il-ferħ ħelu tal-evanġelizzazzjoni

u d-don li jkunu missirijiet, qrib tan-nies, ħanina.

 

Lilek, Mara kollok kemm int ikkonsagrata lil Alla, nafdalek in-nisa kkonsagrati fil-ħajja reliġjuża u f’dik sekulari,

li għall-grazzja ta’ Alla f’Ruma huma ħafna, iżjed milli f’kull belt oħra tad-dinja,

u jsawru mużajk stupend ta’ nazzjonalitajiet u kulturi.

Għalihom nitolbok il-ferħ li, bħalek, ikunu għarajjes u ommijiet,

għammiela fit-talb, fl-imħabba, fil-ħniena.

 

Omm ta’ Ġesù,

ħaġa tal-aħħar nitolbok, f’dan iż-żmien tal-Avvent,

jiena u naħseb fil-jiem li fihom int u Ġużeppi kontu ħerqana

tistennew it-twelid issa fil-qrib tat-tarbija tagħkom,

imħassbin għax kien hemm iċ-ċensiment u anki intom kellkom tħallu r-raħal tagħkom,

Nazaret, u tmorru Betlehem…

Int taf, ja Omm, xi jfisser iġġorr il-ħajja f’ġufek

u sadattant tħoss madwarek l-indifferenza, ir-rifjut, xi kultant l-istmerrija.

Għalhekk nitolbok tkun qrib tal-familji li llum

f’Ruma, fl-Italja, fid-dinja kollha qed jgħixu sitwazzjonijiet simili,

biex ma jisfawx abbandunati, imma jiġu mħarsin fid-drittijiet tagħhom,

drittijiet umani li jiġu qabel kull ħtieġa oħra, leġittima kemm hi leġittima.

 

O Marija Immakulata,

żerniq ta’ tama fuq ix-xefaq tal-umanità,

ħares fuq din il-belt,

fuq id-djar, fuq l-iskejjel, fuq l-uffiċji, fuq il-ħwienet,

fuq il-fabbriki, fuq l-isptarijiet, fuq il-ħabsijiet;

biex imkien ma jonqos dak li għal Ruma hu l-iżjed prezzjuż,

u li tgħożż għall-ġid tad-dinja kollha, it-testment ta’ Ġesù:

“Ħobbu lil xulxin, kif ħabbejtkom jien” (ara Ġw 13:34).

Amen.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard