Il-lejla t-tajba!  Għandna problema żgħira.  Jekk hemm ħaġa li m’għandna qatt nittraskuraw, din hi t-talb, imma l-lum sa nagħmlu t-talba b’mod personali.  Sa nispjegalkom għaliex ma nistgħux nitolbu l-Għasar flimkien: għax minħabba t-tluq tal-ħelikopter għandna problema ta’ ħin.  Jekk ma ntirux fil-ħin, hemm il-periklu li nispiċċaw “imfarrka” fuq il-muntanja!  Issa sa nagħmlu biss talba lill-Omm tagħna.  Ilkoll flimkien, nitolbu lill-Madonna lkoll flimkien.  Imbagħad jitkellmu ż-żewġ presidenti u mbagħad jien.

 

Sliem għalik, Marija…

 

Għeżież ħuti fi Kristu,

 

Insellmilkom bl-imħabba kollha fil-Mulej: kemm hu sabiħ li ninsab magħkom il-lum biex naqsmu flimkien dan il-mument ta’ komunjoni.  Il-varjetà kbira ta’ kariżmi u ta’ attivitajiet appostoliċi rrappreżentata minnkom tagħni l-ħajja tal-Knisja fil-Korea u lil hemm minnha, b’mod tassew sabiħ.  F’din iċ-ċelebrazzjoni ta’ l-Għasar, fejn kantajna – suppost kellna nkantaw! – il-ġieħ tat-tjieba ta’ Alla, irrodd ħajr lilkom u lil ħutkom kollha rġiel u nisa għall-impenn li qed tieħdu fil-bini tas-Saltna ta’ Alla.  Nirringrazzja lil Patri Hwang Seok-mo u lil Swor Scholastica Lee Kwang-ok, Presidenti tal-Konferenzi Koreani tar-Reliġjużi Rġiel u Nisa.

 

Il-kliem tas-Salm: “Qegħdin jinfnew ġismi u qalbi; Alla l-qawwa ta’ qalbi u sehmi għal dejjem” (Salm 73:26) jgħinna naħsbu fuq ħajjitna.  Is-Salmista jesprimi bil-ferħ il-fiduċja tiegħu f’Alla.  Ilkoll nafu li, anki jekk il-ferħ ma nesprimuhx bl-istess mod fil-waqtiet kollha tal-ħajja, speċjalment f’dawk ta’ diffikultà kbira, dan “dejjem jibqa’ tal-inqas bħala xaqq ta’ dawl li ġej miċ-ċertezza personali li, lil hemm minn kollox, aħna maħbuba bi mħabba bla qies (Evangelii gaudium, 6).  Iċ-ċertezza qawwija li aħna maħbuba minn Alla tinsab fil-qalba tal-vokazzjoni tagħkom: intom għall-oħrajn sinjal tanġibbli tal-preżenza tas-Saltna ta’ Alla, li jdewwaq sa minn issa l-ferħ ta’ dejjem fis-Sema.  Huwa biss jekk ix-xhieda tagħna tkun waħda ta’ ferħ li nistgħu niġbru rġiel u nisa oħra lejn Kristu; u dan il-ferħ hu don li jitwettaq b’ħajja ta’ talb, ta’ meditazzjoni tal-Kelma ta’ Alla, taċ-ċelebrazzjoni tas-Sagramenti u tal-ħajja komunitarja, li hi importanti ħafna.  Meta jonqsu dawn, joħorġu d-dgħufijiet u d-diffikultajiet li jdallmu l-ferħ li nkunu ltqajna miegħu b’mod hekk intimu fil-bidu tal-mixja tagħna.

 

Għalikom, irġiel u nisa kkonsagrati lil Alla, dan il-ferħ għandu għeruqu fil-misteru tal-ħniena tal-Missier kif dehret fis-sagrifiċċju ta’ Kristu fuq is-salib.  Kemm jekk il-kariżma ta’ l-Istitut tagħkom hi orjentata iżjed lejn il-kontemplazzjoni, u kemm jekk hi aktar lejn il-ħajja attiva, l-isfida quddiemkom hi dik li ssiru “esperti” fil-ħniena divina propju permezz ta’ ħajjitkom fil-ħajja komunitarja.  Naf mill-esperjenza li l-ħajja komunitarja mhux dejjem hi ħafifa, imma hi art providenzjali għall-formazzjoni tal-qalb.  M’hux realistiku li wieħed ma jistenniex kunflitti: sa jkun hemm nuqqas ta’ ftehim u hemm bżonn li wieħed jaffrontah.  Imma minkejja dawn id-diffikultajiet, hu fil-ħajja komunitarja li aħna msejħin nikbru fil-ħniena, fis-sabar u fl-imħabba perfetta.

 

L-esperjenza tal-ħniena ta’ Alla, imsaħħa mit-talb u mill-komunità, għandha tagħġen dak kollu li intom u dak kollu li tagħmlu.  Il-kastità, il-faqar u l-ubbidjenza tagħkom isiru xhieda hienja ta’ l-imħabba ta’ Alla skond kemm tibqgħu sħaħ fuq il-blata tal-ħniena tiegħu.  Din hi l-blata.  Dan iseħħ b’mod partikulari f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-ubbidjenza reliġjuża.  Ubbidjenza matura u ġeneruża tfisser li fit-talb titwaħħdu iżjed ma’ Kristu, li ħa n-natura ta’ lsir, u permezz tat-tbatija tgħallem xi tfisser l-ubbidjenza (ara Perfectæ caritatis, 14).  Ma jeżistux toroq biex tqassru: Alla jixtieq il-qlub tagħna b’mod sħiħ, u dan ifisser li rridu dejjem iżjed “niddistakkaw ruħna” u “noħorġu minna nfusna”.  Esperjenza ħajja tal-ħniena kbira ta’ Alla twassal ukoll għax-xewqa li niksbu dik l-imħabba perfetta li tnixxi mis-safa tal-qalb.  Il-kastità tesprimi l-għotja esklussiva tagħkom għall-imħabba ta’ Alla, li hu l-blata ta’ qlubna.  Ilkoll nafu dan kemm jitlob impenn personali u esiġenti.  It-tentazzjonijiet f’dan il-qasam jitolbu fiduċja umli f’Alla, li nishru, nipperseveraw u niftħu qalbna għal dak ħuna għaref jew dik oħtna għarfa li l-Mulej iqegħdilna fit-triq tagħna.

 

Permezz tal-kunsill evanġeliku tal-faqar issiru kapaċi tagħrfu l-ħniena ta’ Alla mhux biss bħala għajn ta’ qawwa, imma anki bħala teżor.  Jidher kuntradittorju, imma li tkun fqir ifisser issib teżor.  Anki jekk aħna għajjenin, nistgħu noffrulu lil qlubna mtaqqla bid-dnubiet u d-dgħufijiet; fil-mumenti fejn inħossuna l-iżjed dgħajfin, nistgħu niltaqgħu ma’ Kristu, li ftaqar biex nistagħnew aħna (ara 2 Kor 8:9).  Dan il-bżonn fundamentali tagħna li niġu maħfura u mfejqa hu fih innifsu għamla ta’ faqar li m’għandna qatt ninsew, minkejja l-progressi kollha li nistgħu nagħmlu fil-ħajja tal-virtù.  Barra minn hekk, għandu jsib espressjoni konkreta fl-istil tal-ħajja tagħkom, kemm personali u kemm komunitarju; b’mod partikulari qed naħseb fil-bżonn li taħarbu dawk il-ħwejjeġ kollha li jistgħu jtellfukom l-attenzjoni u jħawdu jew jiskandalizzaw lill-oħrajn.  Fil-ħajja kkonsagrata l-faqar hu kemm “ħajt” u kemm “omm”.  Hu “ħajt” għax iħares il-ħajja kkonsagrata, hu “omm” għax jgħinha tikber u jwassalha fit-triq it-tajba.  Il-wiċċ b’ieħor ta’ dawk l-irġiel u nisa kkonsagrati li jipprofessaw il-vot tal-faqar u mbagħad xorta jgħixu ta’ għonja, ifieri l-erwieħ tal-fidili u jagħmel ħsara kbira lill-Knisja.  Ġibu f’moħħkom ukoll kemm hi perikuluża t-tentazzjoni li tadottaw mentalità purament funzjonali u mundana, li twassalna biex inqiegħdu t-tama tagħna biss fil-mezzi umani, teqred ix-xhieda tal-faqar li Sidna Ġesù Kristu għex u għallimna.  U għal dan, nirringrazzja lill-Patri president u lis-Soru presidenta, għax ġustament tkellmu dwar il-periklu li l-globalizzazzjoni u l-konsumiżmu jistgħu jikkawżaw lill-faqar reliġjuż.  Grazzi.

 

Għeżież ħuti, b’umiltà kbira, agħmlu kull ma tistgħu biex turu li l-ħajja kkonsagrata hi don prezzjuż għall-Knisja u għad-dinja.  Iżżommuhx biss għalikom infuskom; aqsmuh ma’ l-oħrajn, wasslu lil Kristu f’kull rokna ta’ dan il-pajjiż maħbub.  Ħallu l-ferħ tagħkom ikompli jsib espressjoni fl-isforzi tagħkom biex tiġbdu u trawmu vokazzjonijiet ġodda, waqt li tagħrfu li lkoll kemm intom għandkom sehem fil-formazzjoni ta’ l-irġiel u n-nisa kkonsagrati li għad jiġu warajkom, għada.  Kemm jekk ħajjitkom hi ddedikata għall-ħajja kontemplattiva, u kemm jekk għal dik appostolika, kunu żelanti fl-imħabba lejn il-Knisja fil-Korea u fix-xewqa li tagħtu sehemkom, permezz tal-kariżma speċifika tagħkom, fil-missjoni tagħha hi u xxandar il-Vanġelu u tibni l-poplu ta’ Alla fl-għaqda, fil-qdusija u fl-imħabba.

 

Nafdakom ilkoll, b’mod speċjali l-membri anzjani u morda tal-komunitajiet tagħkom – insellem minn qalbi b’mod speċjali lilhom – nafdakom fl-għożża kollha mħabba ta’ Marija, Omm il-Knisja, u minn qalbi nagħtikom il-barka tiegħi.  Iberikkom Alla li jista’ kollox, il-Missier, l-Iben, u l-Ispirtu s-Santu.

 

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard